Kapitlu 20
Il‑Mulej jibgħat lil Għammon ġewwa Middoni biex jeħles lil ħutu li ġew mitfugħin il‑ħabs—Għammon u Lamoni jiltaqgħu ma’ missier Lamoni, li hu s‑sultan tal‑art kollha—Għammon iġiegħel lis‑sultan ix‑xiħ japprova l‑ħelsien ta’ ħutu. Madwar 90 Q.K.
1 U ġara li meta huma waqqfu knisja f’dik l‑art, is‑sultan Lamoni xtaq li Għammon imur miegħu sal‑art ta’ Nefi, biex ikun jista’ jlaqqgħu ma’ missieru.
2 U hu sema’ leħen il‑Mulej jgħid: La titlax fl‑art ta’ Nefi, għax ara, is‑sultan jipprova joqtlok; iżda għandek tmur sal‑art ta’ Middoni; għax ara, ħuk Aron, kif ukoll Muloki u Amma jinsabu l‑ħabs.
3 Issa ġara li meta Għammon sema’ dan, huwa qal lil Lamoni: Ara, ħija u ħuti jinsabu f’ħabs ġo Middoni, u jiena se mmur biex forsi neħlishom.
4 Issa Lamoni qal lil Għammon: Jiena naf, li permezz tal‑qawwa tal‑Mulej inti tista’ tagħmel kollox. Iżda ara, jiena se niġi miegħek sal‑art ta’ Middoni; għax is‑sultan tal‑art ta’ Middoni, li jismu Antjomno, huwa ħabib tiegħi; għalhekk jiena mmur fl‑art ta’ Middoni, ħalli nipperswadi lis‑sultan tal‑pajjiż biex joħroġ lil ħutek mill‑ħabs. Issa Lamoni qallu: Min qallek li ħutek jinsabu l‑ħabs?
5 U Għammon qallu: Ma qalli ħadd ħlief Alla; u huwa qalli—Mur u eħles lil ħutek, għax huma jinsabu f’ħabs fl‑art ta’ Middoni.
6 Issa meta Lamoni sema’ dan huwa ordna biex il‑qaddejja tiegħu jlestu ż‑żwiemel u l‑karrijiet tiegħu.
7 U hu qal lil Għammon: Ejja, jiena ġej miegħek fl‑art ta’ Middoni, u hemm jiena se nitlob bil‑ħerqa lis‑sultan biex jeħles lil ħutek mill‑ħabs.
8 U ġara li hekk kif Għammon u Lamoni kienu fi triqthom ’l hemm, huma ltaqgħu ma’ missier Lamoni, li kien is‑sultan tal‑art kollha.
9 U araw, missier Lamoni qallu: Għalfejn ma ġejtx għall‑festa f’dak il‑jum il‑kbir meta jien għamilt festa għal uliedi s‑subien, u għall‑poplu tiegħi?
10 U huwa qallu wkoll: Inti fejn sejjer ma’ dan in‑Nefita, li huwa bin raġel giddieb?
11 U ġara li Lamoni spjegalu fejn kien sejjer, għax beda jibża’ li joffendih.
12 U qallu wkoll għalfejn kien dam daqshekk biex jitlaq mis‑saltna tiegħu, u ma marx għand missieru għall‑festa li huwa kien ħejja.
13 U issa meta Lamoni rrakkontalu dan kollu, araw, hu baqa’ mistagħġeb hekk kif missieru nkorla għalih u qallu: Lamoni, inti sejjer teħles lil dawn in‑Nefiti, li huma wlied raġel giddieb. Ara, huwa seraq lil missirijietna; u issa wliedu ġew ukoll fostna ħalli jkunu jistgħu, permezz tal‑qerq u l‑gideb tagħhom, iqarrqu bina, biex għal darb’oħra jkunu jistgħu jisirqulna ġidna.
14 Issa missier Lamoni ordnalu biex huwa joqtol lil Għammon permezz tax‑xabla. U hu ordnalu wkoll biex huwa ma jmurx fl‑art ta’ Middoni, iżda ordnalu sabiex jerġa’ lura miegħu fl‑art ta’ Ismagħel.
15 Iżda Lamoni qallu: Jien m’iniex se noqtol lil Għammon, lanqas ma jien se nerġa’ lura fl‑art ta’ Ismagħel, iżda jien ħa mmur fl‑art ta’ Middoni ħalli nkun nista’ neħles lil ħut Għammon, għax jiena naf li huma nies ġusti u profeti qaddisa tal‑veru Alla.
16 Issa meta missieru sema’ dan il‑kliem, huwa nkorla għalih, u silet ix‑xabla biex jagħtih daqqa u jixħtu fl‑art.
17 Iżda Għammon mar quddiemu u qallu: Ara, la toqtolx lil ibnek; madankollu, ikun aħjar illi jinqatel hu milli int, għax ara, huwa nidem minn dnubietu; iżda jekk inti jkollok tmut bħalissa, fil‑korla tiegħek, ruħek ma tistax issalva.
18 U għal darb’oħra, ikun jaqbel li trażżan lilek innifsek; għax jekk inti toqtol lil ibnek, li hu bniedem innoċenti, ara, demmu jispiċċa jgħajjat mill‑art lill‑Mulej Alla tiegħu, biex tiġi fuqek il‑vendetta; u possibilment tispiċċa titlef ruħek.
19 Issa meta Għammon qallu dan il‑kliem, huwa wieġbu u qal: Jiena naf li jekk noqtol lil ibni, inkun qed inxerred demm innoċenti; għax huwa sewwasew int li ppruvajt teqirdu.
20 U hu medd idu biex joqtol lil Għammon. Iżda Għammon irreżista d‑daqqiet tiegħu, u darbu fi driegħu ħalli ma jkunx jista’ jużah.
21 Issa meta s‑sultan ra li Għammon seta’ joqtlu, hu beda jitlob lil Għammon biex iħenn għalih.
22 Iżda Għammon għolla x‑xabla, u qallu: Ara, jekk inti ma tismax minni u ma toħroġx lil ħuti mill‑ħabs jiena se nidorbok.
23 Issa s‑sultan, li beda jibża’ li jinqatel, qal: Jekk inti jkollok ħniena minni jiena nagħtik dak kollu li titlobni, imqar nofs is‑saltna tiegħi.
24 Issa meta Għammon ra li kien ġab lis‑sultan ix‑xiħ fejn ried hu, huwa qallu: Jekk inti lest li tħalli lil ħuti jinħarġu mill‑ħabs, kif ukoll tħalli lil Lamoni jibqa’ jżomm is‑saltna tiegħu, u ma teħodhiex kontrih, iżda tħallih jagħmel dak kollu li għandu f’moħħu xkont xewqatu, jekk inti lest li tagħmel dan, jiena nuri ħniena miegħek; inkella jiena lest li nagħtik daqqa u nixħtek mal‑art.
25 Issa meta Għammon qal dan il‑kliem, is‑sultan beda jifraħ li kien ħelisha.
26 U meta ra li Għammon ma kellu l‑ebda xewqa li jeqirdu, u ra wkoll l‑imħabba kbira li kellu għal ibnu Lamoni, huwa stagħġeb bil‑kbir u qal: Peress li kulma tixtieq huwa dan, sewwasew li jiena neħles lil ħutek, u nħalli lil ibni Lamoni jżomm is‑saltna tiegħu, ara, jiena se nagħtik il‑kelma tiegħi li ibni jista’ jżomm f’idejh is‑saltna tiegħu minn issa u għal dejjem; u hu mhux se jkun aktar taħt it‑tmexxija tiegħi—
27 U jien se nagħtik il‑kelma tiegħi ukoll li ħutek se jkunu jistgħu jinħarġu mill‑ħabs, u li int u ħutek tistgħu tiġu tiltaqgħu miegħi, fis‑saltna tiegħi; għax nixtieq ħafna niltaqa’ magħkom. Għax is‑sultan baqa’ mistagħġeb bil‑kbir bil‑kliem li huwa kien qal, kif ukoll bil‑kliem li kien qal ibnu Lamoni, għalhekk huwa kellu xewqa kbira li jitgħallem mingħandhom.
28 U ġara li Għammon u Lamoni komplew sejrin bil‑vjaġġ tagħhom lejn l‑art ta’ Middoni. U Lamoni sab grazzja quddiem is‑sultan tal‑pajjiż; għalhekk ħut Għammon ġew meħlusa mill‑ħabs.
29 U meta Għammon iltaqa’ magħhom huwa tgħidx kemm sewwed qalbu, għax ra li huma kienu għerja, u ġisimhom kien misluħ waħda sew minħabba li kienu marbutin bi ħbula mill‑aktar b’saħħithom. U huma batew ukoll il‑ġuħ, u l‑għatx, u kull tip ta’ hemm; madankollu huma stabru fi tbatijiethom.
30 U ġara li d‑destin tagħhom kien li huma jispiċċaw f’idejn nies tassew bla qalb u ta’ ras iebsa ferm; għalhekk huma ma ridux jisimgħu minn kliemhom, u keċċewhom ’il barra, u darbuhom, u minħabba fihom huma spiċċaw jiġġerrew minn dar għall‑oħra, u minn post għall‑ieħor, sakemm waslu fl‑art ta’ Middoni; u hemm huma ġew meħuda u mixħuta f’ħabs, u ġew marbuta bi ħbula mill‑aktar b’saħħithom, u huma nżammu fil‑ħabs għal bosta jiem, sakemm ġew meħlusa minn Lamoni u Għammon.