Kapitlu 23
Titħabbar il‑libertà reliġjuża—Il‑Lamaniti f’seba’ artijiet u bliet jikkonvertu—Huma jsejħu lilhom infushom Anti‑Nefi‑Leħiti u jeħilsuha mis‑saħta—L‑Għamalekin u l‑Amuloniti jiċħdu l‑verità. Madwar 90–77 Q.K.
1 Araw, issa ġara li s‑sultan tal‑Lamaniti ħareġ proklama u ordna li kellha tiġi mxandra mal‑poplu tiegħu kollu, li tgħid li huma m’għandhomx jerfgħu idejhom fuq Għammon, jew Aron, jew Omner, jew Ħimni, jew fuq dawk ħuthom li jmorru jxandru l‑kelma ta’ Alla, ikunu fejn ikunu, f’kwalunkwe naħa ta’ pajjiżhom.
2 Iva, huwa bagħat digriet fosthom, li jgħid li huma ma kellhomx jerfgħu idejhom fuqhom biex jorbtuhom, jew biex jixħtuhom il‑ħabs; lanqas ma kellhom jibżqu fuqhom, jew isawtuhom, jew ikeċċuhom ’il barra mis‑sinagogi tagħhom, jew jikkastigawhom; lanqas ma kellhom iħaġġruhom, iżda huma għandhom ikollhom aċċess ħieles għal djarhom, kif ukoll għat‑tempji tagħhom, u s‑santwarji tagħhom.
3 U b’hekk huma jkunu jistgħu jmorru jxandru l‑kelma skont xewqathom, għaliex is‑sultan kien ikkonverta għall‑Mulej, u l‑istess in‑nies kollha ta’ daru; għalhekk huwa ħareġ proklama u ordna li kellha tiġi mxandra ma’ niesu kollha madwar il‑pajjiż, li kienet tgħid li l‑kelma ta’ Alla ma kellha tiffaċċja l‑ebda ostaklu, iżda kellha tiġi mxandra mal‑pajjiż kollu, ħalli niesu jkunu jistgħu jikkonvinċu ruħhom dwar it‑twemmin ħażin ta’ missirijiethom, u ħalli huma jkunu jistgħu jagħrfu li huma kienu lkoll aħwa, u li ma kellhomx joqtlu, jew jissakkeġġjaw, jew jisirqu, jew jaqgħu f’adulterju, jew f’xi forma ta’ ħażen.
4 U issa ġara li meta s‑sultan ħareġ din il‑proklama, Aron u ħutu bdew imorru minn belt għall‑oħra, u minn dar ta’ qima għall‑oħra, iwaqqfu knejjes, u jikkonsagraw qassisin u għalliema madwar il‑pajjiż fost il‑Lamaniti, biex huma jxandru u jgħallmu l‑kelma ta’ Alla fosthom; u b’hekk huma beda jkollhom suċċess kbir.
5 U kienu eluf li twasslu għall‑għarfien tal‑Mulej, iva, kienu eluf li twasslu biex jemmnu fit‑twemmin tan‑Nefiti; u huma ġew mgħallma dwar l‑annali u l‑profeziji li baqgħu jgħaddu minn ġenerazzjoni għall‑oħra sewwasew sa dan iż‑żmien.
6 U daqs kemm jien ċert li hu ħaj il‑Mulej, ċert ukoll li dawk kollha li emmnu, jew dawk kollha li twasslu għall‑għarfien tal‑verità, permezz tal‑predikazzjoni ta’ Għammon u ħutu, skont l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni u l‑profezija, u skont il‑qawwa ta’ Alla li twettaq il‑mirakli permezz tagħhom—iva, jien ngħidilkom, daqs kemm jiena ċert li hu ħaj il‑Mulej, ċert ukoll li dawk il‑Lamaniti kollha li emmnu fil‑predikazzjoni tagħhom, u kkonvertew għall‑Mulej, qatt ma qabdu t‑triq il‑ħażina.
7 Għax huma saru poplu ġust; huma abbandunaw l‑armi tar‑ribelljoni tagħhom, u b’hekk ma ħaduhiex aktar kontra Alla, lanqas kontra xi ħadd minn ħuthom.
8 Issa, dawn huma dawk li ġew ikkonvertiti għall‑Mulej:
9 Il‑poplu Lamanita li kien fl‑art ta’ Ismagħel;
10 Kif ukoll il‑poplu Lamanita li kien fl‑art ta’ Middoni;
11 Kif ukoll il‑poplu Lamanita li kien fil‑belt ta’ Nefi;
12 Kif ukoll il‑poplu Lamanita li kien fl‑art ta’ Silom, u li kien fl‑art ta’ Semlon, u fil‑belt ta’ Lemwel, u fil‑belt ta’ Simnilom.
13 U dawn huma l‑ismijiet tal‑ibliet tal‑Lamaniti li ġew ikkonvertiti għall‑Mulej; u dawn huma dawk li abbandunaw l‑armi tar‑ribelljoni tagħhom, iva, l‑armi tal‑gwerra kollha tagħhom; u huma kienu lkoll Lamaniti.
14 U ħadd mill‑Għamalekin ma kkonverta ħlief wieħed; u minn fost l‑Amuloniti l‑ebda wieħed ma kkonverta; iżda huma webbsu qalbhom, kif ukoll qalb il‑Lamaniti fin‑naħa tal‑pajjiż ta’ kull fejn kienu jgħammru, iva, u fl‑irħula u fl‑ibliet kollha tagħhom.
15 Għalhekk, aħna tajna isem lill‑ibliet kollha tal‑Lamaniti fejn huma nidmu u waslu għall‑għarfien tal‑verità, u kkonvertew.
16 U issa ġara li s‑sultan u dawk li kkonvertew kellhom xewqa li jkollhom isem, li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiddistingwu ruħhom minn ħuthom; għalhekk is‑sultan ħa parir mingħand Aron u mingħand ħafna mill‑qassisin tagħhom, dwar l‑isem li għandhom jieħdu fuqhom, ħalli huma jkunu jistgħu jiddistingwu ruħhom.
17 U ġara li huma bdew isejħu lilhom infushom Anti‑Nefi‑Leħiti; u huma bdew jissejħu b’dan l‑isem u ma baqgħux jissejħu aktar Lamaniti.
18 U huma bdew isiru nies mill‑aktar ħabrieka; iva, u bdew juru ħbiberija man‑Nefiti; għalhekk, ingħata bidu għal relazzjoni tajba bejniethom, u s‑saħta ta’ Alla ma baqgħetx aktar fuqhom.