Skrittura
Alma 25


Kapitlu 25

L‑aggressjoni tal‑Lamaniti tinfirex sew—Jinqered nisel il‑qassisin ta’ Noè kif ħabbar Abinadi—Bosta Lamaniti jikkonvertu u jingħaqdu man‑nies ta’ Anti‑Nefi‑Leħi—Huma jemmnu fi Kristu u jħarsu l‑liġi ta’ Mosè. Madwar 90–77 Q.K.

1 U araw, issa ġara li dawk il‑Lamaniti mtlew b’aktar rabja għaliex kienu qatlu lil ħuthom; għalhekk huma ħalfu li jagħmlu vendetta min‑Nefiti; u f’dak il‑waqt ma ppruvawx aktar joqtlu lin‑nies ta’ Anti‑Nefi‑Leħi.

2 Iżda huma qabdu l‑armati tagħhom u qasmu lejn il‑fruntieri tal‑art ta’ Żaraħemla, u ħabtu għan‑nies li kienu fl‑art ta’ Għammonija u qerduhom.

3 U wara li għamlu dan, huma spiċċaw f’bosta battalji man‑Nefiti, li fihom huma ġew mġiegħla jaħarbu u anke nqatlu.

4 U l‑Lamaniti li nqatlu kienu kważi lkoll ġejjin min‑nisel ta’ Amulon u ħutu, li kienu l‑qassisin ta’ Noè, u huma nqatlu min‑Nefiti;

5 U l‑bqija, wara li ħarbu lejn ix‑xagħri tal‑lvant, u wara li ħadu f’idejhom b’forza l‑poter u l‑awtorità fuq il‑Lamaniti, huma ordnaw li ħafna mil‑Lamaniti kellhom jinqerdu permezz tan‑nar minħabba twemminhom—

6 Għax ħafna minnhom, wara li ġarrbu bosta telfien u għaddew minn daqstant tbatija, bdew iħossu fihom ħerqa kbira biex jiftakru l‑kliem li xandrulhom Aron u ħutu f’arthom; għalhekk huma ma baqgħux jemmnu aktar fit‑twemmin ta’ missirijiethom, u bdew jemmnu fil‑Mulej, u li huwa ta qawwa kbira lin‑Nefiti; u b’hekk kien hemm ħafna minnhom li kkonvertew ġewwa x‑xagħri.

7 U ġara li dawk il‑mexxejja li kienu l‑fdal ta’ wlied Amulon ordnaw li huma jingħataw il‑mewt, iva, sewwasew dawk kollha li kienu jemmnu f’dawn il‑ħwejjeġ.

8 Issa dan il‑martirju wassal biex ħafna minn ħuthom imtlew bil‑għadab; u fix‑xagħri beda jqum it‑tilwim; u l‑Lamaniti bdew ifittxu biex jaqbdu lil dawk li kienu ġejjin min‑nisel ta’ Amulon u ħutu u bdew joqtluhom; u huma ħarbu lejn ix‑xagħri tal‑lvant.

9 U araw bħalissa qed jiġu mfittxija mil‑Lamaniti. B’hekk il‑kliem li Abinadi qal dwar nisel il‑qassisin li ordnaw biex huwa jingħata l‑mewt permezz tan‑nar, ġie fis‑seħħ.

10 Għax huwa qalilhom: Dak li se tagħmlu lili se jkun raffigurazzjoni ta’ ħwejjeġ li għad iridu jseħħu.

11 U issa Abinadi kien l‑ewwel wieħed li ngħata l‑mewt permezz tan‑nar minħabba t‑twemmin tiegħu f’Alla; issa dan hu dak li ried ifisser, li ħafna kellhom jingħataw il‑mewt permezz tan‑nar, l‑istess kif ingħata hu.

12 U huwa qal lill‑qassisin ta’ Noè li nisilhom se jwassal biex ħafna jingħataw il‑mewt, bl‑istess mod kif ingħata hu, u li huma se jinxterdu u jinqatlu, sewwasew kif nagħġa mingħajr ragħaj tiġi mġiegħla taħrab u tinqatel mill‑bhejjem selvaġġi; u issa araw, kliemu ġie kkonfermat, għaliex huma ġew mġiegħla jaħarbu mil‑Lamaniti, u huma ġew segwiti u sfaw imsawta.

13 U ġara li meta l‑Lamaniti raw li ma setgħux jegħlbu lin‑Nefiti huma reġgħu lura għal darb’oħra f’arthom; u ħafna minnhom ġew biex jgħammru fl‑art ta’ Ismagħel u fl‑art ta’ Nefi, u huma ngħaqdu mal‑poplu ta’ Alla, li kienu n‑nies ta’ Anti‑Nefi‑Leħi.

14 U huma wkoll difnu l‑armi tal‑gwerra tagħhom, l‑istess kif għamlu ħuthom, u bdew isiru poplu ġust; u huma mxew fi triqat il‑Mulej, u bdew jaraw li jħarsu l‑kmandamenti tiegħu u l‑preċetti tiegħu.

15 Iva, u huma bdew iħarsu l‑liġi ta’ Mosè; għax kien hemm bżonn li għalissa jibqgħu jħarsu l‑liġi ta’ Mosè, għax kienet għadha ma ġietx fis‑seħħ. Iżda minkejja l‑liġi ta’ Mosè, huma bdew iħarsu ’l quddiem għall‑miġja ta’ Kristu, għax huma kienu jħarsu lejn il‑liġi ta’ Mosè bħala raffigurazzjoni tal‑miġja tiegħu, u kienu jemmnu li kien meħtieġ li huma jkomplu jħarsu dawk ir‑riti li jidhru fl‑għajn saż‑żmien li fih huwa juri lilu nnifsu lilhom.

16 Issa huma ma kinux jemmnu li s‑salvazzjoni tinkiseb permezz tal‑liġi ta’ Mosè; iżda l‑liġi ta’ Mosè għenithom isaħħu l‑fidi tagħhom fi Kristu; u b’hekk, permezz tal‑fidi, huma żammew fihom it‑tama għas‑salvazzjoni ta’ dejjem, u baqgħu jafdaw fl‑ispirtu tal‑profezija, li jitkellem dwar dawk il‑ħwejjeġ li għad iridu jseħħu.

17 U issa araw, Għammon, u Aron, u Omner, u Ħimni, u ħuthom, ferħu bil‑kbir, minħabba r‑risq li huma kellhom fost il‑Lamaniti, għax raw li l‑Mulej berikhom skont talbhom, u li huwa kkonfermalhom kelmtu sa lanqas dettall.