Kapitlu 26
Għammon jithenna fil‑Mulej—Il‑fidili jissaħħu permezz tal‑Mulej u jingħataw l‑għarfien—Permezz tal‑fidi l‑bnedmin jistgħu jwasslu eluf ta’ erwieħ għall‑indiema—Alla għandu kull qawwa u jifhem kull ħaġa. Madwar 90–77 Q.K.
1 U issa, dan hu l‑kliem li Għammon qal lil ħutu, fejn qalilhom: Ħuti, u ħuti fil‑fidi, araw jien ngħidilkom, kemm għandna għalfejn nithennew; għax fejn qatt bsarna meta tlaqna mill‑art ta’ Żaraħemla li Alla kien se jsawwab fuqna barkiet daqstant kbar?
2 U issa, jien nistaqsi, x’barkiet kbar huwa sawwab fuqna? Tafu tgħiduli?
3 Araw, se nwieġeb għalikom; għax ħutna, il‑Lamaniti, kienu fid‑dlam, iva, huma kienu sewwasew fl‑aktar abbiss mudlam, iżda araw, kemm kien hemm fosthom li twasslu biex jaraw id‑dawl tal‑għaġeb ta’ Alla! U din hija l‑barka li aħna rċevejna, li aħna ġejna maħtura bħala strument f’idejn Alla biex tiġi fis‑seħħ din il‑ħidma kbira.
4 Araw, hemm eluf minnhom li qed jithennew, u li twasslu fil‑merħla ta’ Alla.
5 Araw, l‑għalqa kienet lesta għall‑ħsad, u henjin intom, għaliex xejjirtu l‑minġel, u bdejtu taħsdu bil‑qawwa tagħkom kollha, iva, u għaddejtu l‑jum kollu taħdmu; u araw l‑għadd ta’ qatet tagħkom! U dawn sejrin jinġabru lkoll fl‑imħażen, biex ma jinħlewx.
6 Iva, it‑tempesta mhijiex se ġġarrafhom fl‑aħħar jum; iva, lanqas mhuma se jixxerdu ’l hemm u ’l hawn permezz tal‑irwiefen; iżda meta tqum it‑tempesta huma se jinġabru flimkien f’posthom, biex it‑tempesta ma tkunx tista’ tilħaqhom; iva, u huma lanqas ma jispiċċaw jittajru permezz tal‑irjieħ qawwija kull fejn jagħżel li jġorrhom l‑għadu.
7 Iżda araw, huma jinsabu f’idejn Sid il‑ħsad, u huma tiegħu; u lilhom huwa jqajjem fl‑aħħar jum.
8 Ikun imbierek isem Alla tagħna; ejjew lilu ngħannu b’tifħir, iva, ejjew inroddu ħajr lill‑isem qaddis tiegħu, għax huwa jwettaq il‑ġustizzja għal dejjem.
9 Għax li kieku aħna ma tlaqniex mill‑art ta’ Żaraħemla, dawn ħutna l‑għeżież, li ħabbewna b’tant għożża, kieku huma għadhom mimlijin mibegħda lejna, iva, u kieku huma għadhom ma għarfux lil Alla.
10 U ġara li meta Għammon qal dan il‑kliem, ħuh Aron beda jċanfru u jgħidlu: Għammon, qed inħoss li l‑hena li qed tħoss fik qed twasslek biex toqgħod tiftaħar bik innifsek.
11 Iżda Għammon qallu: Jien ma niftaħarx bil‑qawwa tiegħi, lanqas bl‑għerf tiegħi; iżda ara, jiena, iva, nħossni mimli hena, u qalbi qed tfur bil‑hena, u jiena nithenna f’Alla tiegħi.
12 Iva, jiena naf li m’jien xejn; għax minn saħħti jiena dgħajjef; għalhekk jien ma niftaħarx bija nnifsi, iżda jien niftaħar b’Alla tiegħi, għaliex bil‑qawwa tiegħu jiena nista’ nagħmel kollox; iva, ara, f’din l‑art aħna wettaqna bosta mirakli tal‑għaġeb, li għalihom infaħħru ismu għal dejjem.
13 Ara, kemm eluf u eluf minn ħutna huwa ħeles mit‑turment tal‑infern; u huma twasslu biex jgħannu l‑imħabba feddejja, u dan minħabba l‑qawwa ta’ kelmtu li tinsab fina, għalhekk m’għandniex aħna tassew għalfejn nithennew?
14 Iva, aħna għandna tabilħaqq għalfejn infaħħruh għal dejjem, għax hu Alla l‑Għoli, u huwa ħeles lil ħutna mill‑ktajjen tal‑infern.
15 Iva, huma kienu jinsabu mdawrin bid‑dalma u l‑qerda ta’ dejjem; iżda ara, huwa wassalhom għad‑dawl ta’ dejjem tiegħu; iva, għas‑salvazzjoni ta’ dejjem; u huma jinsabu mdawrin bl‑abbundanza inkomparabbli ta’ mħabbtu; iva, u aħna konna strumenti f’idejh fit‑twettiq ta’ din il‑ħidma kbira u tal‑għaġeb.
16 Għalhekk, ejjew nithennew, iva, nithennew fil‑Mulej; iva, ejjew nifirħu, għax l‑hena tagħna hija sħiħa; iva, ejjew nfaħħru ’l Alla tagħna għal dejjem. Ara, min qatt jixba’ jithenna fil‑Mulej? Ara, min qatt jixba’ jitkellem dwar il‑qawwa kbira tiegħu, u dwar il‑ħniena tiegħu, u dwar is‑sabar tiegħu lejn ulied il‑bnedmin? Ara, jiena ngħidlek, m’għandix kliem biex niddeskrivi mqar farka minn dak li qed inħoss.
17 Min qatt kien jgħaddilu minn moħħu li Alla tagħna kien se jkun daqstant ħanin li wasal biex ħelisna mill‑istat terribbli, midneb, u mniġġes tagħna?
18 Ara, aħna morna bil‑qilla kollha u b’ħafna theddid sabiex neqirdu l‑knisja tiegħu.
19 Mela allura, għalfejn huwa ma wassalniex għal qerda terribbli, iva, għalfejn ma ħalliex ix‑xabla tal‑ħaqq tiegħu taqa’ fuqna, u tikkundannana għad‑disprament ta’ dejjem?
20 O, din ruħi kienet għoddha se tgħib ma’ dan il‑ħsieb. Ara, huwa ma eżerċitax il‑ġustizzja tiegħu fuqna, iżda fil‑ħniena kbira tiegħu għaddiena minn fuq dak l‑abbiss etern tal‑mewt u l‑miżerja, u wassalna sewwasew għas‑salvazzjoni ta’ ruħna.
21 U issa araw, ħuti, hawn xi bniedem naturali li jaf dawn il‑ħwejjeġ? Jien ngħidilkom, ħadd ma jaf dawn il‑ħwejjeġ, ħlief il‑bniedem li jindem.
22 Iva, dak illi jindem u jeżerċita l‑fidi, u jipproduċi opri tajba, u jitlob bla heda—dawn huma dawk li jingħatalhom l‑għarfien tal‑misteri ta’ Alla; iva, dawn huma dawk li se jiġu żvelati lilhom ħwejjeġ li qatt ma ġew żvelati qabel; iva, u se jiġi mitlub minnhom li huma jwasslu eluf ta’ erwieħ għall‑indiema, l‑istess kif ġie mitlub minna li nwasslu lil dawn ħutna għall‑indiema.
23 Issa tiftakru, ħuti, li aħna għidna lil ħutna fl‑art ta’ Żaraħemla, li aħna se mmorru sal‑art ta’ Nefi, biex inxandru lil ħutna, il‑Lamaniti, u huma bdew jiddieħqu bina?
24 Għax huma qalulna: Taħsbu intom li intom tistgħu twasslu lil‑Lamaniti għall‑għarfien tal‑verità? Taħsbu intom li intom tistgħu tikkonvinċu lil‑Lamaniti kemm hu żbaljat twemmin missirijiethom, nies ta’ ras iebsa bħalhom; fejn qalbhom tieħu gost bit‑tixrid tad‑demm; u li ħajjithom għaddewha f’ħażen mill‑aktar kbir; u li triqathom kienu t‑triqat ta’ wieħed trasgressur sa mill‑bidu? Issa ħuti, intom tiftakru sew li hekk kien diskorshom.
25 U huma qalu wkoll: Ejja naqbdu l‑armi kontrihom, ħalli neqirdu lilhom u lil ħżunithom minn din l‑art, ma jmorrux jegħlbuna u jeqirduna.
26 Issa araw, għeżież ħuti, aħna ġejna fix‑xagħri mhux bil‑għan li neqirdu lil ħutna, iżda bil‑għan li forsi nkunu nistgħu nsalvaw ir‑ruħ ta’ xi wħud minnhom.
27 Issa meta aħna kellna qalbna mimlija diqa, u konna se nerġgħu nduru lura, araw, il‑Mulej farraġna u qalilna: Morru fost ħutkom, il‑Lamaniti, u ġarrbu bis‑sabar l‑hemm tagħkom, u jiena nara li intom ikollkom ir‑risq.
28 U issa araw, aħna ġejna u bdejna nduru fosthom; u ġarrejna b’sabar it‑tbatija tagħna, u ċċaħħadna minn bosta ħwejjeġ; iva, aħna bdejna nduru minn dar għall‑oħra, niddependu mill‑ħniena tad‑dinja—u mhux biss mill‑ħniena tad‑dinja iżda wkoll mill‑ħniena ta’ Alla.
29 U aħna dħalna fi djarhom u għallimnihom, u għallimnihom fi triqathom; iva, u għallimnihom fuq għoljiethom; u dħalna wkoll fit‑tempji tagħhom u fis‑sinagogi tagħhom u għallimnihom; u ġejna mkeċċijin, u mżebilħin, u fuqna huma beżqu, u tawna bil‑ħarta; u ġejna mħaġġra, u qabduna u rabtuna permezz ta’ ħbula b’saħħithom, u tefgħuna f’ħabs; u permezz tal‑qawwa u l‑għerf ta’ Alla aħna erġajna ġejna meħlusin.
30 U ġarrabna kull tip ta’ taħbit, u dan kollu biex forsi permezz tagħna jiġu salvati xi erwieħ; u bdejna nassumu li l‑hena tagħna tkun sħiħa jekk permezz tagħna setgħu jiġu salvati xi wħud minnhom.
31 Issa araw, aħna nistgħu nħarsu u naraw frott ħidmietna; u frottna huwa żgħir? Jiena ngħidilkom, Le, huwa kbir; iva, u aħna nistgħu nixhdu dwar is‑sinċerità tagħhom, minħabba l‑imħabba li huma għandhom lejn ħuthom kif ukoll lejna.
32 Għax araw, huma kienu jippreferu jissagrifikaw ħajjithom milli jneħħu sewwasew il‑ħajja tal‑għadu tagħhom; u huma difnu l‑armi tal‑gwerra tagħhom fl‑art, minħabba l‑imħabba tagħhom għal ħuthom.
33 U issa araw jiena ngħidilkom, qatt kien hawn imħabba daqshekk kbira fil‑pajjiż kollu? Araw, jiena ngħidilkom, Le, ma kienx hawn, lanqas fost in‑Nefiti.
34 Għax araw, huma kienu lesti jaqbdu l‑armi kontra ħuthom; ma kinux lesti li jħallu lilhom infushom jinqatlu. Iżda araw kemm kien hemm minnhom li taw ħajjithom; u aħna nafu li huma marru għand Alla tagħhom, minħabba l‑imħabba tagħhom u l‑mibegħda tagħhom għad‑dnub.
35 Issa m’għadniex aħna għalfejn nithennew? Iva, jien ngħidilkom, sa mill‑bidu tad‑dinja qatt ma kien hawn nies li kellhom għalfejn jithennew daqsna; iva, l‑hena tiegħi qed twassalni biex niftaħar f’Alla tiegħi; għax huwa għandu kull qawwa, kull għerf, u kull għarfien; huwa jifhem kollox, u huwa Esseru ħanin, li jwassal għas‑salvazzjoni lil dawk li jindmu u jemmnu f’ismu.
36 Issa jekk dan huwa ftaħir, mela ħalluni niftaħar; għax din hija l‑ħajja tiegħi u d‑dawl tiegħi, l‑hena tiegħi u s‑salvazzjoni tiegħi, u l‑fidwa tiegħi mill‑miżerja ta’ dejjem. Iva, ikun imbierek isem Alla tiegħi, li ftakar f’dan il‑poplu, liema poplu huwa fergħa mis‑siġra ta’ Iżrael, li kien intilef miz‑zokk tagħha f’art barranija; iva, jiena ngħid, ikun imbierek isem Alla tiegħi, li ftakar fina, aħna li aħna poplu niġġerrew f’art barranija.
37 Issa ħuti, qed naraw li Alla jiftakar f’kull poplu, jinsab f’liema art jinsab; iva, hu jgħodd lill‑poplu tiegħu, u huwa mimli ħniena lejn id‑dinja kollha. Issa din hija l‑hena tiegħi, u r‑radd il‑ħajr kbir tiegħi; u jiena nrodd ħajr lil Alla tiegħi għal dejjem. Ammen.