Kapitlu 27
Il‑Mulej jordna lil Għammon biex imexxi lill‑poplu ta’ Anti‑Nefi‑Leħi ’l bogħod mill‑periklu—Hekk kif Għammon ltaqa’ ma’ Alma, hu ħass ġismu jiddgħajjef bil‑hena—In‑Nefiti jagħtu l‑art ta’ Ġerson lill‑Anti‑Nefi‑Leħiti—Huma jissejħu l‑poplu ta’ Għammon. Madwar 90–77 Q.K.
1 Issa ġara li meta dawk il‑Lamaniti li marru għall‑gwerra kontra n‑Nefiti sabu, wara li tqabdu tant biex jeqirduhom, li kien kollu ta’ xejn li jippruvaw jeqirduhom, huma reġgħu lura fl‑art ta’ Nefi.
2 U ġara li l‑Għamalekin, minħabba t‑telfien li ġarrbu, bdew jinkurlaw bil‑kbir. U meta huma raw li ma setgħux ipattuha lin‑Nefiti, b’għadab fuqhom bdew jipprovokaw lin‑nies biex jeħduha kontra ħuthom, in‑nies ta’ Anti‑Nefi‑Leħi; għalhekk huma reġgħu bdew jaraw kif setgħu jeqirduhom.
3 Issa dawn in‑nies għal darb’oħra rrifjutaw li jaqbdu l‑armi, u huma ħallew lilhom infushom jinqatlu skont kif xtaqu l‑għedewwa tagħhom.
4 Issa meta Għammon u ħutu raw dawn l‑għemejjel ta’ qerda fost dawk li huma ħabbew b’tant għożża, u fost dawk li ħabbewhom lura b’tant għożża—għax huma mxew magħhom bħallikieku kienu xi anġli mibgħuta minn Alla biex isalvawhom mill‑qerda ta’ dejjem—għalhekk, meta Għammon u ħutu raw dawn l‑għemejjel kbar ta’ qerda, huma ħassew fihom kompassjoni kbira u qalu lis‑sultan:
5 Ejja niġbru flimkien lil dan il‑poplu tal‑Mulej, u ejja ninżlu sal‑art ta’ Żaraħemla ħdejn ħutna n‑Nefiti, u naħarbu minn idejn l‑għedewwa tagħna, sabiex ma ninqerdux.
6 Iżda s‑sultan qalilhom: Araw, in‑Nefiti jispiċċaw jeqirduna, minħabba li aħna qtilna ħafna minnhom u minħabba d‑dnubiet li wettaqna kontrihom.
7 U Għammon qal: Jiena se mmur u nistaqsi lill‑Mulej, u jekk jgħidilna ninżlu fejn hemm ħutna, intom lesti biex tmorru?
8 U s‑sultan qallu: Iva, jekk il‑Mulej jgħidilna morru, aħna ninżlu ħdejn ħutna, u lesti nkunu lsiera tagħhom sakemm aħna nkunu pattejna għal kemm qtilna minnhom u għad‑dnubiet li wettaqna kontrihom.
9 Iżda Għammon qallu: Huwa kontra l‑liġi ta’ ħutna, li twaqqfet minn missieri, li fosthom ikunu hemm l‑ilsiera; għalhekk ejja ninżlu ħdejhom u nafdaw fil‑ħniena ta’ ħutna.
10 Iżda s‑sultan qallu, Mur staqsi lill‑Mulej, u jekk jgħidilna morru, aħna mmorru; altrimenti nispiċċaw ninqerdu f’dik l‑art.
11 U ġara li Għammon mar u staqsa lill‑Mulej, u l‑Mulej qallu:
12 Oħroġ lil dan il‑poplu ’l barra minn din l‑art, sabiex huma ma jinqerdux; għax Satana ħakem bil‑kbir qalb l‑Għamalekin, li kollhom għadab bdew jipprovokaw lil‑Lamaniti biex jeħduha kontra ħuthom sabiex joqtluhom; għalhekk oħorġu ’l barra minn din l‑art; u hienja n‑nies ta’ dan in‑nisel, għax lilhom jien se nħares.
13 U issa ġara li Għammon mar u nforma lis‑sultan b’dak kollu li kien qallu l‑Mulej.
14 U huma ġabru flimkien lin‑nies kollha tagħhom, iva, lill‑poplu kollu tal‑Mulej, u ġabru flimkien il‑merħliet u l‑baqar tagħhom, u telqu ’l barra mill‑pajjiż, u waslu fix‑xagħri li kien jifred l‑art ta’ Nefi mill‑art ta’ Żaraħemla, u qasmu lejn il‑fruntieri tal‑pajjiż.
15 U ġara li Għammon qalilhom: Araw, jien u ħuti se nitilqu lejn l‑art ta’ Żaraħemla, u intom jeħtieġ li tibqgħu hawn sakemm nerġgħu lura; u aħna se nippruvaw naraw x’hemm f’qalb ħutna, jekk humiex lesti li jħallukom tiġu f’arthom.
16 U ġara li hekk kif Għammon kien sejjer lejn dik l‑art, hu u ħutu ltaqgħu ma’ Alma, fl‑inħawi tal‑post li tkellimna dwaru; u araw, din kienet laqgħa li ġabitilhom hena kbira.
17 Issa Għammon ħassu jimtela b’hena mill‑aktar kbira; iva, huwa ħassu jinħakem mill‑hena ta’ Alla tiegħu, tant li ħass ġismu jiddgħajjef; u reġa’ waqa’ mal‑art.
18 Issa din ma kenitx hena mill‑aktar kbira? Araw, hena bħal din jiksibha biss dak li jindem tassew u b’umiltà jfittex il‑kuntentizza.
19 Issa l‑hena li Alma ħass meta ltaqa’ ma’ ħutu kienet kbira tabilħaqq, u l‑istess kienet l‑hena ta’ Aron, ta’ Omner, u Ħimni; iżda l‑hena tagħhom ma wasslitx biex ġisimhom jiddgħajjef.
20 U issa ġara li Alma mexxa lil ħutu lura lejn l‑art ta’ Żaraħemla; sewwasew lejn daru. U huma marru u qalu lill‑prim imħallef b’dak kollu li kien ġralhom fl‑art ta’ Nefi, fost ħuthom il‑Lamaniti.
21 U ġara li l‑prim imħallef ħareġ proklama u ordna li kellha tiġi mxandra mal‑pajjiż kollu, fejn huwa xtaq ikun jaf permezz ta’ leħen il‑poplu jekk kellhomx idaħħlu fosthom lil ħuthom, li kienu n‑nies ta’ Anti‑Nefi‑Leħi.
22 U ġara li leħen il‑poplu kien jgħid: Ara, aħna lesti nċedu l‑art ta’ Ġerson, li tinsab fin‑naħa tal‑lvant ħdejn il‑baħar, li tmiss mal‑art ta’ Kotran, li tinsab fin‑nofsinhar tal‑art ta’ Kotran; u din l‑art ta’ Ġerson hija l‑art li aħna lesti nagħtu lil ħutna biex jgħammru fiha.
23 U ara, aħna se npoġġu l‑armati tagħna bejn l‑art ta’ Ġerson u l‑art ta’ Nefi, ħalli nkunu nistgħu nipproteġu lil ħutna fl‑art ta’ Ġerson; u aħna lesti nagħmlu dan għal ħutna, minħabba l‑biża’ li għandhom li jaqbdu l‑armi kontra ħuthom, li ma jmorrux jaqgħu fid‑dnub; u huma għandhom din il‑biża’ kbira minħabba l‑indiema ta’ swiet il‑qalb li huma esperjenzaw, minħabba l‑ħafna qtil u l‑ħażen orribbli tagħhom.
24 U issa ara, aħna lesti nagħmlu dan għal ħutna, sabiex huma jkunu jistgħu jgħammru fl‑art ta’ Ġerson; u aħna lesti nħarsuhom mill‑għedewwa tagħhom permezz tal‑armati tagħna, bil‑kundizzjoni li huma jagħtuna sehem minn ġidhom biex jgħinuna nsostnu l‑armati tagħna.
25 Issa, ġara li meta Għammon sema’ dan, huwa reġa’ lura flimkien ma’ Alma ħdejn in‑nies ta’ Anti‑Nefi‑Leħi, ġewwa x‑xagħri, fejn huma waqqfu t‑tined tagħhom, u huwa għarrafhom b’dan kollu. U Alma beda jgħidilhom ukoll dwar il‑konverżjoni tiegħu, flimkien ma’ Għammon u Aron, u ħutu.
26 U ġara li dan ġabilhom hena mill‑aktar kbira. U huma niżlu fl‑art ta’ Ġerson, u ħadu f’idejhom l‑art ta’ Ġerson; u n‑Nefiti bdew isejħulhom il‑poplu ta’ Għammon; għalhekk minn dak inhar ’il quddiem huma kienu magħrufin b’dak l‑isem.
27 U huma kienu jagħmlu parti mill‑poplu ta’ Nefi, u ġew ukoll magħduda mal‑poplu li kien parti mill‑knisja ta’ Alla. U huma kienu magħrufin ukoll għall‑ħeġġa kbira tagħhom lejn Alla, kif ukoll lejn il‑bnedmin; għaliex huma kienu nies mill‑aktar onesti u ġusti f’kollox; u kienu sodi fil‑fidi tagħhom fi Kristu sal‑aħħar.
28 U huma kienu jħarsu lejn it‑tixrid ta’ demm ħuthom bl‑akbar stmerrija; u ħadd ma seta’ jipperswadihom biex jaqbdu l‑armi kontra ħuthom; u huma qatt ma ħarsu lejn il‑mewt bl‑iċken ħjiel ta’ biża’, minħabba t‑tama tagħhom fi Kristu u l‑għarfien li kellhom dwar Kristu u dwar il‑qawmien mill‑imwiet; għalhekk, għalihom il‑mewt kienet inbelgħet mir‑rebħa ta’ Kristu fuqha.
29 Għalhekk, huma kienu jippreferu jġarrbu l‑mewt bl‑aktar mod kiefer u distressanti li jistgħu jikkawżawlhom ħuthom, milli jaqbdu b’idejhom ix‑xabla jew ix‑ximitarra u jidorbuhom.
30 U b’hekk huma kienu nies mimlijin ħeġġa u mill‑aktar maħbuba, poplu mbierek bil‑kbir mill‑Mulej.