Skrittura
Alma 29


Kapitlu 29

Alma jixtieq ixandar l‑indiema b’ħeġġa tal‑anġli—Il‑Mulej jagħti għalliema lill‑ġnus kollha—Alma jeżulta fil‑ħidma tal‑Mulej u fis‑suċċess ta’ Għammon u ħutu. Madwar 76 Q.K.

1 O li kieku jiena kont anġlu, u nkun nista’ naqta’ x‑xewqa ta’ qalbi, li mmur u nitkellem bit‑tromba ta’ Alla, b’leħen li jriegħed lid‑dinja, u nxandar l‑indiema lill‑popli kollha!

2 Iva, inxandar lil kull ruħ, b’leħen iriegħed, l‑indiema u l‑pjan tal‑fidwa, u li huma għandhom jindmu u jersqu lejn Alla tagħna, ħalli ma jkunx hawn aktar niket fuq wiċċ l‑art kollha.

3 Iżda araw, jiena bniedem, u f’xewqti jiena nidneb; għax jien għandi għalxiex nkun kuntent bil‑ħwejjeġ li tani l‑Mulej.

4 M’għandix jiena fix‑xewqat tiegħi nfixkel id‑digriet finali ta’ Alla ġust, għax jien naf li huwa jagħti lill‑bnedmin skont ix‑xewqa tagħhom, kemm jekk twassal għall‑mewt u kemm jekk twassal għall‑ħajja; iva, jiena naf li huwa jagħti lill‑bnedmin, iva, huwa jxandrilhom digrieti li ma jinbidlux, skont ir‑rieda tagħhom, kemm jekk twassal għas‑salvazzjoni u kemm jekk twassal għall‑qerda.

5 Iva, u jiena naf l‑bnedmin kollha għandhom quddiemhom kemm it‑tajjeb u kemm il‑ħażin; dak li ma jagħrafx it‑tajjeb mill‑ħażin huwa bla ħtija; iżda dak li jagħraf it‑tajjeb mill‑ħażin, jingħatalu skont xewqatu, jekk huwa jixtieqx it‑tajjeb jew il‑ħażin, il‑ħajja jew il‑mewt, l‑hena jew ir‑rimors tal‑kuxjenza.

6 Issa, jien li naf b’dawn il‑ħwejjeġ, għalfejn għandi nixtieq xi ħaġa aktar milli li nwettaq il‑ħidma li għaliha ġejt imsejjaħ?

7 Għalfejn għandi nixtieq li kont anġlu, li nista’ nitkellem mat‑truf kollha tal‑art?

8 Għax araw, il‑Mulej jippermetti lill‑ġnus kollha, permezz ta’ ġenshom u permezz ta’ lsienhom, li huma jgħallmu kelmtu b’għaqal, iva, li jgħallmu dak kollu li jara li jeħtieġ li jkollhom; għalhekk naraw li lilhom il‑Mulej imexxihom b’għaqal, skont dak li huwa ġust u veru.

9 Jiena naf x’ordnali l‑Mulej, u jiena nithenna b’dan. Jiena ma niftaħarx bija nnifsi, iżda jiena nithenna b’dak li l‑Mulej ordnali; iva, u din hija l‑foħrija tiegħi, li forsi jiena nkun nista’ nkun strument f’idejn Alla biex inwassal lil xi ruħ għall‑indiema; u din hija l‑hena tiegħi.

10 U araw, meta jiena nara lil ħafna minn ħuti jindmu tabilħaqq, u jersqu lejn il‑Mulej Alla tagħhom, hemmhekk ruħi timtela bil‑hena; hemmhekk jiena niftakar f’dak li l‑Mulej għamel miegħi, iva, sewwasew li huwa sema’ talbi; iva, hemmhekk niftakar fid‑driegħ tal‑ħniena tiegħu li huwa estenda lejja.

11 Iva, u niftakar ukoll fil‑jasar ta’ missirijieti; għax jiena naf mingħajr l‑iċken dubju li lilhom il‑Mulej ħeles mill‑jasar, u b’dal‑mod huwa waqqaf il‑knisja tiegħu; iva, il‑Mulej Alla, l‑Alla ta’ Abraham, l‑Alla ta’ Iżakk, u l‑Alla ta’ Ġakobb, lilhom ħeles mill‑jasar.

12 Iva, jiena dejjem ftakart fil‑jasar ta’ missirijieti; u dak l‑istess Alla li ħelishom minn idejn l‑Eġizzjani ħelishom ukoll mill‑jasar.

13 Iva, u dak l‑istess Alla waqqaf fosthom il‑knisja tiegħu; iva, u dak l‑istess Alla lili sejjaħli permezz ta’ sejħa qaddisa, biex inxandar il‑kelma lil dan il‑poplu, u huwa wassalni biex ikolli ħafna suċċess, u dan lili mlieni b’hena kbira.

14 Iżda l‑hena tiegħi mhijiex biss minħabba s‑suċċess tiegħi, iżda l‑hena tiegħi hija sħiħa aktar minħabba s‑suċċess ta’ ħuti, li telgħu fl‑art ta’ Nefi.

15 Araw, huma ħadmu bla heda, u pproduċew ħafna frott; u ħlashom se jkun kbir tassew!

16 Issa, meta jiena noqgħod nikkontempla dwar is‑suċċess ta’ dawn ħuti, inħoss ruħi bħallikieku qed tinġarr, sakemm hija tinfired minn ġismi, daqstant hi kbira l‑hena tiegħi.

17 U issa jalla lil dawn ħuti Alla jippermettilhom li jpoġġu bilqiegħda fis‑saltna ta’ Alla; iva, u l‑istess dawk kollha li huma frott ħidmiethom, u jalla huma qatt ma joħorġu mit‑triq it‑tajba, iżda jalla jibqgħu jfaħħruh għal dejjem. U jalla Alla jippermetti li kollox jiġi fis‑seħħ skont kliemi, sewwasew kif iddikjarajt jiena. Ammen.