Skrittura
Alma 32


Kapitlu 32

Alma jgħallem lill‑foqra li umiljaw ruħhom minħabba hemmhom—Il‑fidi hija tama f’dak li ma jidhirx iżda hu veru—Alma jixhed li l‑anġli jaqdu lill‑irġiel, lin‑nisa, u lit‑tfal—Alma jqabbel il‑kelma ma’ żerriegħa—Jeħtieġ li niżirgħuha u mmantnuha—Imbagħad hija tikber u ssir siġra li minnha naqtgħu l‑frott tal‑ħajja ta’ dejjem. Madwar 74 Q.K.

1 U ġara li huma marru u bdew ixandru l‑kelma ta’ Alla lin‑nies, fejn bdew jidħlu fis‑sinagogi tagħhom, u fi djarhom; iva, u huma bdew ixandru wkoll il‑kelma fit‑triqat tagħhom.

2 U ġara li wara li ħadmu bis‑sħiħ fosthom, huma beda jkollhom suċċess fost il‑klassi l‑fqira tal‑poplu; għax araw, huma ġew imkeċċijin ’il barra mis‑sinagogi minħabba l‑faqar ta’ lbieshom.

3 Għalhekk huma ma tħallewx jidħlu fis‑sinagogi tagħhom biex iqimu ’l Alla, għax kienu jitqiesu bħala nies maħmuġin; għalhekk huma kienu nies foqra; iva, ħuthom kienu jqisuhom bħala rmixk; għalhekk huma kienu foqra fejn jidħlu ħwejjeġ tad‑dinja; u kienu wkoll foqra f’qalbhom.

4 Issa, hekk kif Alma kien qed jgħallem u jkellem lin‑nies fuq l‑għolja Onida, ġew ħdejh għadd kbir ta’ nies, li kienu dawk li konna qed nitkellmu dwarhom, li kienu foqra f’qalbhom, minħabba l‑faqar tagħhom fejn jidħlu l‑ħwejjeġ tad‑dinja.

5 U huma ġew għand Alma; u l‑aktar wieħed importanti fosthom qallu: Ara, x’għandhom jagħmlu dawn ħuti, għax huma mistmerra minn kulħadd minħabba l‑faqar tagħhom, iva, b’mod speċjali mill‑qassisin tagħna; għax huma keċċewna ’l barra mis‑sinagogi tagħna li aħna ħdimna bla heda biex nibnuhom b’idejna stess; u huma keċċewna ’l barra minħabba l‑faqar kbir tagħna; u aħna m’għandniex fejn inqimu ’l Alla tagħna; u ara, aħna x’għandna nagħmlu?

6 U issa meta Alma sema’ dan, huwa dar wiċċu lejh, u ħares dritt lejh, b’ħarsa mimlija hena; għax hu seta’ jara li hemmhom kien wassalhom biex huma tassew jumiljaw ruħhom, u huma kienu jinsabu lesti biex jisimgħu l‑kelma.

7 Għalhekk lill‑miġemgħa l‑oħra ma qalilhom xejn aktar; iżda huwa medd idu, u għajjat lil dawk li kien hemm quddiemu, li kienu nidmu tassew, u qalilhom:

8 Qed nara li intom ta’ qalb umli; u jekk hu hekk, henjin intom.

9 Araw ħukom qal, X’nistgħu nagħmlu?—għax aħna ġejna mkeċċijin ’il barra mis‑sinagogi tagħna, u ma nistgħux inqimu ’l Alla tagħna.

10 Araw jien ngħidilkom, taħsbu intom li lil Alla tistgħu tqimuh biss fis‑sinagogi tagħkom?

11 U barra minn hekk, nistaqsikom, taħsbu intom li lil Alla għandkom tqimuh biss darba f’ġimgħa?

12 Jien ngħidilkom, tajjeb għalikom li intom ġejtu mkeċċijin ’il barra mis‑sinagogi tagħkom, ħalli tkunu tistgħu tumiljaw ruħkom u tiksbu l‑għerf; għax hu meħtieġ li intom titgħallmu l‑għerf; għax huwa minħabba li intom ġejtu mkeċċijin li ħutkom jistmerrukom, minħabba l‑faqar kbir tagħkom, u dan wassalkom biex intom tkunu ta’ qalb umli; għax kienet il‑ħtieġa li wasslitkom biex tumiljaw ruħkom.

13 U issa, minħabba li intom ġejtu mġiegħla tumiljaw ruħkom, henjin intom; għax xi kultant il‑bniedem, jekk ikun imġiegħel jumilja ruħu, ifittex l‑indiema; u issa bla dubju li kull min jindem se jsib il‑ħniena; u dak li jsib il‑ħniena u jibqa’ sħiħ sal‑aħħar jikseb is‑salvazzjoni.

14 U issa, kif għidtilkom, li intom ġejtu mberkin għaliex ġejtu mġiegħla tumiljaw ruħkom, ma taħsbux li huma aktar imberkin dawk li jumiljaw ruħhom minħabba l‑kelma?

15 Tabilħaqq, dak li tassew jumlija ruħu, u jindem minn dnubietu, u jibqa’ sħiħ sal‑aħħar, huwa se jkun imbierek—iva, huwa se jkun imbierek ferm aktar minn dawk li jiġu mġiegħla jumiljaw ruħhom minħabba l‑faqar kbir tagħhom.

16 Għalhekk, henjin dawk li jumiljaw ruħhom mingħajr ma jiġu mġiegħla jkunu umli; jew, fi kliem ieħor, imberkin dawk li jemmnu fil‑kelma ta’ Alla, u jitgħammdu mingħajr ma jwebbsu qalbhom, iva, mingħajr ma jiġu mġiegħla jitgħallmu l‑kelma, jew saħansitra mġiegħla li jkunu jafu qabel ma jemmnu.

17 Iva, huma ħafna li jgħidu: Jekk turina sinjal mis‑smewwiet, aħna nkunu nafu fiż‑żgur; imbagħad aħna nemmnu.

18 Issa jiena nistaqsi, din issejħulha fidi? Araw, jien ngħidilkom, Le; għax jekk bniedem jaf xi ħaġa m’għandux għalfejn jemminha, għax diġà jafha.

19 U issa, kemm hu misħut aktar dak li jaf ir‑rieda ta’ Alla u ma jwettaqhiex minn dak li sempliċiment jemmen, jew għandu għalxiex jemmen, u jaqa’ fit‑trasgressjoni?

20 Issa dwar dan għandkom tiġġudikaw. Araw, jien ngħidilkom, kif inhu minn naħa hu min‑naħa l‑oħra; u se jseħħ minn kull bniedem skont ħidmietu.

21 U issa kif jien għidt dwar il‑fidi—il‑fidi mhijiex li jkollkom għarfien perfett tal‑affarijiet; għalhekk jekk għandkom il‑fidi intom tittamaw għal affarijiet li ma jidhrux iżda huma vera.

22 U issa, araw, jien ngħidilkom, u nixtieqkom tiftakru, li Alla hu ħanin ma’ dawk kollha li jemmnu f’ismu; għalhekk hu, fuq kollox, jixtieq li intom temmnu, iva, sewwasew fil‑kelma tiegħu.

23 U issa, huwa jiżvela l‑kelma tiegħu lill‑bnedmin permezz tal‑anġli, iva, mhux biss lill‑irġiel iżda wkoll lin‑nisa. Issa dan mhux kollox; it‑tfal ċkejknin ħafna drabi jingħata lilhom kliem li jħawwad lill‑għorrief u l‑istudjużi.

24 U issa, għeżież ħuti, hekk kif intom tixtiequ tkunu tafu mingħandi x’għandkom tagħmlu minħabba li qed tbatu u qed tiġu mwarrbin—issa ma nixtieqx li intom taħsbu li jien irrid nagħmel ħaqq minnkom ħlief skont dak li hu veru—

25 Għax jien mhux qed nimplika li intom ilkoll ġejtu mġiegħla tumiljaw ruħkom; għax fis‑sewwa nemmen li fostkom hemm xi wħud li lesti jumiljaw ruħhom, irrispettivament xi jkunu ċ‑ċirkustanzi li jistgħu jkunu fihom.

26 Issa, kif jiena għidt dwar il‑fidi—li mhijiex għarfien perfett—hekk ukoll ngħid dwar kliemi. Għall‑ewwel intom ma tistgħux tkunu tafu b’mod perfett il‑verità tiegħu, daqs kemm ma tistgħux tkunu tafu li l‑fidi hija għarfien perfett.

27 Iżda araw, jekk intom tistenbħu u tqanqlu l‑fakultajiet tagħkom, li taslu li tesperimentaw bi kliemi, u teżerċitaw farka fidi, iva, anke jekk kull ma għandkom hija biss xewqa li temmnu, ħallu din ix‑xewqa taħdem fikom, sewwasew sakemm intom temmnu b’tali mod li tagħtu lok għal ftit minn kliemi.

28 Issa, ejjew inqabblu l‑kelma ma’ żerriegħa. Issa, jekk intom tagħtu lok li żerriegħa tinżera’ ġewwa qalbkom, araw, jekk hi tkun żerriegħa vera, jew żerriegħa tajba, jekk intom ma tarmuhiex ’il barra permezz tan‑nuqqas ta’ fidi tagħkom, u jekk ma tirreżistux l‑Ispirtu tal‑Mulej, araw, hija tibda tespandi ġewwa fikom; u meta tħossuha tespandi ġewwa fikom, intom tibdew tgħidu lilkom infuskom—Bilfors li din żerriegħa tajba, jew li l‑kelma hija tajba, għaliex hija bdiet tkabbar ruħi; iva, bdiet iddawwal l‑għarfien tiegħi, iva, bdejt integħimha delizzjuża.

29 Issa araw, dan ma jwassalkomx biex intom tkabbru l‑fidi tagħkom? Jiena ngħidilkom, Iva; madankollu hija ma kibretx u saret għarfien perfett.

30 Iżda araw, hekk kif iż‑żerriegħa tespandi, u tinbet, u tibda tikber, intom bilfors taslu biex tgħidu li ż‑żerriegħa hija tajba; għax araw, hija tespandi, u tinbet, u tibda tikber. U issa, araw, dan ma jwassalkomx biex intom issaħħu l‑fidi tagħkom? Iva, dan iwassalkom biex intom issaħħu l‑fidi tagħkom: għax intom tgħidu, jien naf li din hija żerriegħa tajba; għax araw hija nibtet u qed tibda tikber.

31 U issa, araw, intom tafu fiċ‑ċert li din hija żerriegħa tajba? Jien ngħidilkom, Iva; għax kull żerriegħa tipproduċi skont l‑għamla tagħha.

32 Għalhekk, jekk żerriegħa tikber ifisser li hi tajba, iżda jekk ma tikbirx, araw ifisser li mhijiex tajba, għalhekk hija tiġi mwarrba.

33 Għax issa, araw, peress li intom ippruvajtu dan l‑esperiment, u żrajtu ż‑żerriegħa, u hija tibda tespandi u tinbet, u tibda tikber, intom bilfors tkunu tafu li ż‑żerriegħa hija tajba.

34 U issa, araw, l‑għarfien tagħkom għalhekk huwa wieħed perfett? Iva, l‑għarfien tagħkom hu perfett f’dik il‑ħaġa, u l‑fidi tagħkom tinsab rieqda; u dan għaliex intom tafu, għax tafu li l‑kelma bdiet tkabbar ruħkom, u tafu wkoll li hija nibtet, u b’hekk l‑għarfien tagħkom beda jiddawwal, u moħħkom beda jespandi.

35 Allura, dan mhuwiex kollu veru? Jien ngħidilkom, Iva, għax huwa dawl; u dak kollu li huwa dawl, huwa tajjeb, għaliex wieħed jista’ jifhmu, għalhekk intom bilfors tafu li huwa tajjeb; u issa araw, wara li intom esperjenzajtu dan id‑dawl, l‑għarfien tagħkom huwa wieħed perfett?

36 Araw, jiena ngħidilkom, Le; lanqas m’għandkom tabbandunaw il‑fidi tagħkom, għax dak li għamiltu huwa biss li eżerċitajtu l‑fidi tagħkom biex tiżirgħu ż‑żerriegħa ħalli tkunu tistgħu tippruvaw l‑esperiment biex tkunu tafu jekk iż‑żerriegħa kenitx tajba.

37 U araw, hekk kif is‑siġra tibda tikber, intom tgħidu: Ejjew immantnuha b’reqqa kbira, biex hija trabbi l‑għeruq, ħalli tkun tista’ tikber, u tagħtina l‑frott. U issa araw, jekk intom tmantnuha b’reqqa kbir hija trabbi l‑għeruq, u tikber, tipproduċi l‑frott.

38 Iżda jekk ma teħdux ħsieb is‑siġra, u ma tmantnuhiex, araw hija ma trabbi l‑ebda għeruq; u meta tiġi s‑sħana tax‑xemx u taħraqha, peress li m’għandha l‑ebda għeruq hija tidbiel, u intom taqilgħuha u tarmuha.

39 Issa, dan ma jseħħx għax iż‑żerriegħa ma kenitx tajba, lanqas għax frottha ma kienx se jkun ta’ min jixtiequ; iżda dan iseħħ għax l‑art tagħkom hi ħawlija, u intom ma ħadtux ħsieb is‑siġra, għalhekk minnha ma jistax ikollkom frott.

40 U b’hekk, jekk intom ma teħdux ħsieb il‑kelma, u ma toqogħdux tistennew frottha b’għajn ta’ fidi, intom qatt ma tkunu tistgħu taqtgħu mill‑frott tas‑siġra tal‑ħajja.

41 Iżda jekk intom tieħdu ħsieb il‑kelma, iva, jekk tieħdu ħsieb is‑siġra hekk kif tibda tikber, permezz tal‑fidi tagħkom b’tant reqqa u sabar, u tistennew frottha bil‑ħerqa, hija tinbet; u araw hija ssir siġra li tibqa’ tikber u twassal għall‑ħajja ta’ dejjem.

42 U minħabba d‑diliġenza tagħkom u l‑fidi tagħkom u s‑sabar li intom urejtu lejn il‑kelma intom u tieħdu ħsiebha, biex jinbtu fikom għeruqha, araw, f’qasir żmien intom tkunu tistgħu taqtgħu frottha, li hu aktar prezzjuż u aktar ħelu minn kull ħaġa oħra ħelwa, u aktar abjad minn kull ħaġa bajda, iva u aktar safi minn kull ħaġa safja; u intom tmantnu lilkom infuskom b’dan il‑frott sewwasew sakemm timtlew, u intom la jkollkom ġuħ, u lanqas għatx.

43 Imbagħad, ħuti, intom tgawdu l‑barkiet tal‑fidi tagħkom, u tad‑diliġenza, tal‑paċenzja, u tas‑sabar tagħkom, għax intom bqajtu tistennew sakemm is‑siġra tagħtikom il‑frott.