Skrittura
Alma 34


Kapitlu 34

Amuleki jixhed li l‑kelma li twassal għas‑salvazzjoni tinsab fi Kristu—Jekk ma jkunx hemm espjazzjoni, l‑umanità kollha tispiċċa tinqered—Il‑liġi kollha ta’ Mosè tidderiġina lejn is‑sagrifiċċju tal‑Iben ta’ Alla—Il‑pjan etern tal‑fidwa hu bbażat fuq il‑fidi u l‑indiema—Itolbu għal barkiet temporali u spiritwali—Dil‑ħajja hija ż‑żmien li fih il‑bnedmin għandhom iħejju ruħhom biex jiltaqgħu ma’ Alla—Ħabirku għas‑salvazzjoni tagħkom bil‑biża’ quddiem Alla. Madwar 74 Q.K.

1 U issa ġara li wara li Alma qalilhom dan il‑kliem huwa poġġa bilqiegħda mal‑art, u Amuleki qam u beda jgħallimhom u jgħid:

2 Ħuti, naħseb li ma jistax ikun li intom m’għandkomx għarfien biżżejjed dwar il‑ħwejjeġ li ntqalu dwar il‑miġja ta’ Kristu, li għallimniekom li huwa l‑Iben ta’ Alla; iva, jiena naf li dawn il‑ħwejjeġ ġew mgħallmin lilkom b’mod abbundanti qabel ma intom inqtajtu minn magħna.

3 U hekk kif intom urejtu x‑xewqa li l‑għażiż ħija jgħarrafkom x’għandkom tagħmlu minħabba hemmkom; u hu kellimkom xi ftit u qalilkom sabiex tħejju moħħkom; iva, u hu ħeġġiġkom biex ikollkom il‑fidi u s‑sabar—

4 Iva, sewwasew anke jekk intom imqar ikollkom fidi biżżejjed li tiżirgħu l‑kelma f’qalbkom, ħalli intom tkunu tistgħu tesperimentaw bit‑tjubija tagħha.

5 U aħna għarafna li l‑mistoqsija l‑kbira li għandkom f’moħħkom hi jekk il‑kelma tinsabx fl‑Iben ta’ Alla, jew jekk hux se jkun hawn Kristu.

6 U intom rajtu wkoll li ħija wriekom, bosta drabi, li l‑kelma li twassal għas‑salvazzjoni tinsab fi Kristu.

7 Ħija rrefera għal kliem Żenos, li l‑fidwa tiġi permezz tal‑Iben ta’ Alla, kif ukoll għal kliem Żenok; u huwa rrefera wkoll għal Mosè, biex jurikom li dawn il‑ħwejjeġ huma vera.

8 U issa, araw, jiena nixhdilkom minn rajja li dawn il‑ħwejjeġ huma vera. Araw, jien ngħidilkom, li jiena naf li Kristu sejjer jiġi fost ulied il‑bnedmin, biex jieħu fuqu t‑trasgressjonijiet tal‑poplu tiegħu, u li huwa sejjer ipatti għad‑dnubiet tad‑dinja; għax il‑Mulej Alla qal dan.

9 Għax hemm bżonn li tiġi fis‑seħħ espjazzjoni; għax skont il‑pjan il‑kbir ta’ Alla l‑Etern jeħtieġ li sseħħ espjazzjoni, għax inkella l‑umanità kollha tispiċċa biex inevitabbilment tintilef; iva, kulħadd webbes rasu; iva, kulħadd waqa’ u jinsab mitluf, u kulħadd jispiċċa jintilef li kieku mhux għall‑espjazzjoni li hemm bżonn li tiġi fis‑seħħ.

10 Għax hemm bżonn li jkun hawn sagrifiċċju kbir u finali; iva, mhux sagrifiċċju ta’ bniedem, lanqas ta’ bhima, lanqas ta’ xi tip ta’ tajra; għax dan is‑sagrifiċċju mhux se jkun sagrifiċċju uman; iżda jeħtieġ li jkun sagrifiċċju infinit u etern.

11 Issa m’hawn l‑ebda bniedem li jista’ jissagrifika demmu biex ipatti għad‑dnubiet ta’ ħaddieħor. Issa, jekk bniedem joqtol, araw, il‑liġi tagħna, li hi ġusta, tgħidilna biex inneħħu l‑ħajja ta’ ħuh? Jiena ngħidilkom, Le.

12 Iżda l‑liġi titlob il‑ħajja ta’ dak li jkun qatel; għalhekk ma jista’ jkun hawn xejn ħlief espjazzjoni infinita li jista’ jpatti għad‑dnubiet tad‑dinja.

13 Għalhekk, hemm bżonn li jkun hawn sagrifiċċju kbir u finali, u mbagħad għandu jkun hemm, jew hemm bżonn li jkun hemm, waqfien mit‑tixrid tad‑demm; imbagħad il‑liġi ta’ Mosè tkun tista’ tiġi fis‑seħħ; iva, hija tiġi fis‑seħħ kollha kemm hi, kull ittra u tikka tagħha, u xejn mhu se jintilef.

14 U araw, din hi t‑tifsira sħiħa tal‑liġi, li kollha kemm hi tidderiġina lejn is‑sagrifiċċju kbir u finali; u dak is‑sagrifiċċju kbir u finali se jkun sewwasew l‑Iben ta’ Alla, infinit u etern.

15 U b’dal‑mod huwa se jġib is‑salvazzjoni lil dawk kollha li jemmnu f’ismu; u dan hu l‑għan ta’ dan is‑sagrifiċċju finali, li tintwera l‑ħniena, liema ħniena tegħleb il‑ġustizzja, u ġġib fis‑seħħ mezz kif il‑bnedmin ikun jista’ jkollhom il‑fidi li twassal għall‑indiema.

16 U b’hekk il‑ħniena tkun tista’ tissodisfa t‑talbiet tal‑ġustizzja, u ddawwarhom f’dirgħajn is‑sigurtà, filwaqt li dak li ma jeżerċita l‑ebda fidi li twassal għall‑indiema jiġi espost għal‑liġi sħiħa li titlob il‑ġustizzja; għalhekk il‑pjan kbir u etern tal‑fidwa jaħdem biss fuq dak li għandu fidi li twassal għall‑indiema.

17 Għalhekk, ħuti, jalla Alla jgħinkom biex intom tkunu tistgħu tibdew teżerċitaw il‑fidi tagħkom li twassal għall‑indiema, biex intom tibdew issejħu l‑isem qaddis tiegħu, ħalli huwa jkun jista’ jkollu ħniena minnkom;

18 Iva, araw li ssejħulu biex jurikom ħniena; għax huwa għandu l‑qawwa li jsalva.

19 Iva, kunu umli, u ibqgħu itolbuh dejjem.

20 Sejħulu meta tkunu fl‑għelieqi tagħkom, iva, għall‑merħliet kollha tagħkom.

21 Sejħulu fi djarkom, iva, għan‑nies kollha ta’ darkom, kemm filgħodu, kemm f’nofsinhar, u kemm filgħaxija.

22 Iva, sejħulu kontra l‑qawwa tal‑għedewwa tagħkom.

23 Iva, sejħulu kontra x‑xitan, li hu l‑għadu ta’ kull ma hu sewwa.

24 Sejħulu għall‑ħsad tal‑għelieqi tagħkom, biex jagħtukom ħafna frott.

25 Sejħulu għall‑merħliet tal‑għelieqi tagħkom, biex huma joktru.

26 Iżda dan mhux kollox; jeħtieġ li intom tiftħu qalbkom f’kamartkom, u fil‑moħbiet tagħkom, u fix‑xagħri tagħkom.

27 Iva, u meta ma tkunux qed issejħu lill‑Mulej, araw li intom tiftħu qalbkom miegħu kontinwament u troddulu ħajr għall‑ġid tagħkom, kif ukoll għall‑ġid ta’ dawk ta’ madwarkom.

28 U issa araw, għeżież ħuti, jien ngħidilkom, taħsbux li dan hu kollox; għax wara li intom tkunu għamiltu dan kollu, jekk intom twarrbu lil min hu fil‑bżonn, u ’l min hu għeri, u ma żżurux lill‑marid u lil min qed ibati, u ma taqsmux ġidkom, jekk għandkom, ma’ dawk li li jinsabu fil‑bżonn—jien ngħidilkom, jekk ma tagħmlu xejn minn dan, araw, talbkom ikun kollu għalxejn, u ma jiswiekom xejn, u intom tkunu bħall‑ipokriti li jiċħdu l‑fidi.

29 Għalhekk, jekk tinsew turu l‑karità, intom ma tkunu xejn ħlief rmixk (li ma jiswa għal xejn), li jintrema barra minn dak li jsaffi, u jintrifes min‑nies.

30 U issa, ħuti, nixtieq li wara li intom rċevejtu daqstant xhieda, għax l‑iskrittura mqaddsa tixhed dwar dan kollu, intom tmorru u tagħmlu l‑frott għall‑indiema.

31 Iva, jien nixtieq li intom tmorru u ma twebbsux aktar qalbkom; għax araw, issa hu ż‑żmien u l‑jum tas‑salvazzjoni tagħkom; u għalhekk, jekk intom tindmu u ma twebbsux qalbkom, il‑pjan kbir ta’ fidwa jibda jaħdem għalikom b’mod immedjat.

32 Għax araw, dil‑ħajja hija ż‑żmien li fih il‑bnedmin għandhom iħejju ruħhom biex jiltaqgħu ma’ Alla; iva, araw iż‑żmien ta’ dil‑ħajja huwa ż‑żmien li fih il‑bnedmin għandhom iwettqu ħidmiethom.

33 U issa, kif għidtilkom qabel, peress li intom kellkom daqstant xhieda, għalhekk, nitlobkom biex ma tibqgħux tipposponu l‑jum tal‑indiema tagħkom sal‑aħħar; għax wara daż‑żmien tal‑ħajja, li ngħata lilna biex inħejju ruħna għall‑ħajja ta’ dejjem, araw, jekk aħna ma nużawx ħina aħjar, imbagħad jasal il‑lejl tad‑dlam li fih ma tista’ titwettaq l‑ebda ħidma.

34 U wara li tkunu spiċċajtu f’dik il‑kriżi terribbli, intom ma tkunux tistgħu tgħidu li jiena lest li nindem, li jiena lest li mmur lura għand Alla tiegħi. Le, intom ma tkunux tistgħu tgħidu dan; għax dak l‑istess spirtu li jippossedi ġisimkom fil‑mument li intom tħallu din il‑ħajja, dak l‑istess spirtu jkollu qawwa li jippossedi ġisimkom f’dik id‑dinja eterna.

35 Għax araw, jekk intom bqajtu tipposponu l‑jum tal‑indiema tagħkom sewwasew sal‑mewt, araw, intom tkunu spiċċajtu taħt il‑ħakma tal‑ispirtu tax‑xitan, u huwa jagħmilkom tiegħu; għalhekk, l‑Ispirtu tal‑Mulej m’għadux aktar magħkom, u m’għadux jgħammar fikom aktar, u x‑xitan għandu kull setgħa fuqkom; u dan huwa l‑istat finali tal‑ħżiena.

36 U jiena naf dan, peress li l‑Mulej qal li huwa ma jgħammarx f’tempji mhux qaddisa, iżda huwa jgħammar fi qlub il‑ġusti; iva, u huwa qal ukoll li l‑ġusti sejrin ipoġġu bilqiegħda fis‑saltna tiegħu, u ma jitilqu qatt minnha; iżda jeħtieġ li lbieshom jiġi mbajjad permezz ta’ demm il‑Ħaruf.

37 U issa, għeżież ħuti, nixtieq li intom tibqgħu tiftakru dawn il‑ħwejjeġ, u tħabirku għas‑salvazzjoni tagħkom bil‑biża’ quddiem Alla, u ma tiċħdux aktar il‑miġja ta’ Kristu;

38 U araw li ma teħduhiex kontra l‑Ispirtu s‑Santu, iżda araw li tirċevuh, u tieħdu fuqkom isem Kristu; u tibqgħu umli sat‑trab, u araw li tqimu ’l Alla, f’kull post li tafu tkunu fih, fi spirtu u verità; u li intom tgħixu kuljum f’radd il‑ħajr għall‑ħniena kbira u l‑bosta barkiet li huwa jsawwab fuqkom.

39 Iva, u jiena nħeġġiġkom, ħuti, biex tibqgħu titolbu bla heda ħalli ma tispiċċawx tinħakmu mit‑tiġrib tax‑xitan, ħalli huwa ma jkunx jista’ jkollu qawwa fuqkom, u ma tispiċċawx taħt il‑ħakma tiegħu fl‑aħħar jum; għax araw, huwa ma jippremjakom bl‑ebda ħaġa tajba.

40 U issa għeżież ħuti, nitlobkom biex tibqgħu tistabru, ħalli bis‑sabar tkunu tistgħu tgħaddu minn kull tip ta’ taħbit; u araw li ma żżebilħux lil dawk li jkeċċukom ’il barra minħabba l‑faqar kbir tagħkom, ma tmorrux intom tispiċċaw midinbin bħalhom;

41 Iżda araw li jkollkom is‑sabar, u ġġarrbu dak it‑taħbit, b’tama ferma li xi darba intom għad tistrieħu minn kull taħbit.