Skrittura
Alma 35


Kapitlu 35

Ix‑xandir tal‑kelma jġib fix‑xejn l‑għemejjel qarrieqa taż‑Żoramiti—Huma jkeċċu lil dawk li kkonvertew, li mbagħad jingħaqdu man‑nies ta’ Għammon ġewwa Ġerson—Alma jitnikket minħabba l‑ħażen tal‑poplu. Madwar 74 Q.K.

1 Issa ġara li wara li Amuleki temm jgħid dan il‑kliem, huma telqu minn ħdejn il‑miġemgħa u qasmu lejn l‑art ta’ Ġerson.

2 Iva, u l‑aħwa li kien għad baqa’, wara li huma xandru l‑kelma liż‑Żoramiti, qasmu wkoll lejn l‑art ta’ Ġerson.

3 U ġara li wara li ż‑Żoramiti l‑aktar influwenti kkonsultaw bejniethom dwar il‑kliem li ġie mxandar lilhom, huma mtlew bil‑korla minħabba l‑kelma, għaliex hija spiċċat ġabet fix‑xejn l‑għemejjel qarrieqa tagħhom; għalhekk huma ma tawx widen għall‑kliem li huma semgħu.

4 U huma bagħtu għan‑nies minn madwar il‑pajjiż kollu u ġabruhom flimkien, u kkonsultaw magħhom dwar il‑kliem li kien ntqal lilhom.

5 Issa l‑mexxejja tagħhom u l‑qassisin u l‑għalliema tagħhom ma wrewx lin‑nies x’kienu x‑xewqat tagħhom; għalhekk huma bdew jitkixxfu biex jaraw kif kien jaħsibha l‑poplu kollu.

6 U ġara li wara li huma sabu kif kien jaħsibha l‑poplu kollu, dawk li kienu favur il‑kliem li kien intqal minn Alma u ħutu ġew imkeċċija ’l barra mill‑pajjiż; u dawn kienu ħafna; u dawn ukoll qasmu lejn l‑art ta’ Ġerson.

7 U ġara li Alma u ħutu ħadu ħsiebhom.

8 Issa n‑nies Żoramiti ħaduha kontra n‑nies ta’ Għammon li kienu jinsabu ġewwa Ġerson, u l‑kap taż‑Żoramiti, li kien raġel mill‑agħar, bagħat jgħid lin‑nies ta’ Għammon li huwa xtaqhom ikeċċu ’l barra minn arthom lil dawk kollha li ġew fosthom ġewwa arthom.

9 U huwa lissen bosta theddid kontrihom. U issa n‑nies ta’ Għammon ma beżgħux minn kliemhom; għalhekk ma keċċewhomx ’il barra, iżda huma laqgħu fosthom liż‑Żoramiti foqra li marru għandhom; u huma ħadu ħsiebhom, u libbsuhom, u tawhom artijiet biex jgħammru fihom; u huma daru bihom skont ħtiġijiethom.

10 Issa dan ipprovoka liż‑Żoramiti tant li huma mtlew bil‑korla għan‑nies ta’ Għammon, u huma bdew jitħalltu mal‑Lamaniti biex jipprovokawhom ħalli huma wkoll jimtlew bil‑korla għalihom.

11 U b’hekk iż‑Żoramiti u l‑Lamaniti bdew iħejju għal gwerra kontra n‑nies ta’ Għammon, kif ukoll kontra n‑Nefiti.

12 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sbatax‑il sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

13 U n‑nies ta’ Għammon telqu mill‑art ta’ Ġerson, u ġew fl‑art ta’ Melek, u għamlu wisa’ fl‑art ta’ Ġerson għall‑armati tan‑Nefiti, biex ikunu jistgħu jiġġieldu mal‑armati tal‑Lamaniti u l‑armati taż‑Żoramiti; u b’dal‑mod ingħata bidu għal gwerra bejn il‑Lamaniti u n‑Nefiti, fit‑tmintax‑il sena tas‑saltna tal‑imħallfin; u rakkont tal‑gwerer tagħhom se jingħata aktar tard.

14 U Alma, u Għammon, u ħuthom, kif ukoll iż‑żewġ ulied ta’ Alma reġgħu lura fl‑art ta’ Żaraħemla, wara li huma kienu strument f’idejn Alla li wassal lil bosta Żoramiti għall‑indiema; u dawk kollha li twasslu għall‑indiema spiċċaw imkeċċijin minn arthom; iżda huma għandhom artijiet fejn jistgħu jgħammru fl‑art ta’ Ġerson, u huma qabdu f’idejhom l‑armi biex jiddefendu lilhom infushom, u lil marthom, u lil uliedhom, u l‑artijiet tagħhom.

15 Issa Alma, li kien imnikket għall‑aħħar minħabba l‑ħażen tal‑poplu tiegħu, iva minħabba l‑gwerer, u t‑tixrid ta’ demm, u l‑ġlied li kien hemm fosthom; u peress li huwa kien mar ixandar il‑kelma, jew aħjar intbagħat biex ixandar il‑kelma, fost in‑nies kollha li kien hemm f’kull belt; u peress li ra li n‑nies bdew iwebbsu qalbhom, u bdew joffendu ruħhom minħabba r‑rigorożità tal‑kelma, huwa sewwed qalbu bil‑kbir.

16 Għalhekk, huwa ordna biex uliedu jinġabru flimkien, ħalli hu jkun jista’ jagħti ċerti struzzjonijiet lil kull wieħed minnhom, wieħed, wieħed, dwar ħwejjeġ relatati mas‑sewwa. U aħna għandna rakkont tal‑kmandamenti li huwa tahom skont l‑istess kitbiet tiegħu.