Il‑kmandamenti ta’ Alma lil ibnu Ħelaman.
Jikkonsisti minn kapitlu 36 u 37.
Kapitlu 36
Alma jixhed ma’ Ħelaman dwar il‑konverżjoni tiegħu wara li huwa kien ra anġlu—Huwa ġarrab it‑tbatija ta’ ruħ indannata; hu sejjaħ isem Ġesù, u wara ġie mwieled minn Alla—Ruħu mtliet b’hena mill‑aktar ħelwa—Huwa ra qtajja’ ta’ anġli jfaħħru ’l Alla—Bosta konvertiti daqu dak li daq hu u raw dak li ra hu. Madwar 74 Q.K.
1 Ibni, agħti widen għal kliemi; għax naħliflek, li diment li int tibqa’ tħares il‑kmandamenti ta’ Alla inti jkollok ir‑risq f’artek.
2 Nixtieqek tagħmel kif għamilt jien, li tiftakar fil‑jasar ta’ missirijietna; għax huma kienu fil‑jasar, u ħadd ma seta’ jeħlishom ħlief l‑Alla ta’ Abraham, u l‑Alla ta’ Iżakk, u l‑Alla ta’ Ġakobb; u bla dubju huwa ħelishom fil‑hemm tagħhom.
3 U issa, O ibni Ħelaman, ara, int għadek f’żogħżitek, u għalhekk, nitolbok biex tisma’ kliemi u titgħallem minni; għax jiena naf li Alla jsostni lil dawk kollha li jafdaw fih fl‑isfidi tagħhom, u fl‑inkwiet tagħhom, u fil‑hemm tagħhom, u huma se jiġu mgħollija ’l fuq fl‑aħħar jum.
4 U ma rridekx taħseb li jiena naf dan minħabba l‑għarfien tiegħi—jiena naf dan mhux permezz ta’ dak li hu temporali iżda permezz ta’ dak li hu spiritwali, mhux permezz tal‑moħħ karnali iżda permezz ta’ Alla.
5 Issa, ara, jiena ngħidlek, li kieku jiena ma ġejtx imwieled minn Alla jien ma kontx inkun naf dawn il‑ħwejjeġ; iżda Alla, permezz ta’ fomm l‑anġli mqaddsa tiegħu, żvela miegħi dawn il‑ħwejjeġ, u mhux għax jien kien jistħoqqli.
6 Għax jiena mort flimkien ma’ wlied Mosija biex nipprova neqred il‑knisja ta’ Alla; u ara, Alla bagħat l‑anġli mqaddsa tiegħu biex iwaqqfuna fi triqitna.
7 U ara, huwa kellimna b’leħen iriegħed, u bdiet titheżżeż l‑art kollha taħt riġlejna; u aħna waqajna mal‑art, għax inħkimna mill‑biża’ tal‑Mulej.
8 U ara, ġie leħen jgħidli: Qum. U jiena qomt u waqaft fuq riġlejja, u rajt quddiemi anġlu.
9 U huwa qalli: Jekk trid li inti tinqered, la tippruvax tkompli teqred il‑knisja ta’ Alla.
10 U ġara li jiena waqajt mal‑art; u għal tlett ijiem u tlett iljieli sħaħ la stajt niftaħ ħalqi, u lanqas stajt nuża riġlejja.
11 U l‑anġlu qalli bosta ħwejjeġ oħra, li ħuti semgħuhom iżda jiena ma smajthomx; għax meta jiena smajt il‑kliem—Jekk trid li inti tinqered, la tippruvax tkompli teqred il‑knisja ta’ Alla—jiena tant inħkimt minn biża’ u bqajt mistagħġeb li stajt ninqered, li waqajt mal‑art u ma smajt xejn aktar.
12 Iżda jiena bdejt inħossni niġi tturmentat minn turment bla tmiem, għax bdejt inħoss ruħi tiġi tturmentata bl‑akbar qawwa minħabba d‑dnubiet kollha tiegħi.
13 Iva, jiena ftakart fi dnubieti kollha u fi ħżuniti, li minħabba fihom kont qed niġi tturmentat permezz tal‑uġigħ tal‑infern; iva, jien għaraft li jien kont ħadtha kontra Alla, u li ma kontx ħarist il‑kmandamenti mqaddsa tiegħu.
14 Iva, u jiena qtilt ħafna minn uliedu, jew aħjar, lilhom jien wassalt għall‑qerda; iva, u f’kelma waħda, kbir wisq kien il‑ħażen tiegħi, li l‑ħsieb biss li jien kelli mmur quddiem il‑preżenza ta’ Alla wassal biex ruħi tiġi tturmentata minn biża’ mill‑aktar kbira u li ma tistax titfisser.
15 Għax jien għidt bejni u bejn ruħi, mhux li kien li jiena stajt niġi eżiljat u estint kemm fir‑ruħ u kemm fil‑ġisem, ħalli ma jkollix għalfejn nittieħed biex nieqaf quddiem il‑preżenza ta’ Alla, biex huwa jagħmel ħaqq minni skont għemili.
16 U issa, għal tlett ijiem u tlett iljieli jiena kont itturmentat sewwasew bl‑uġigħ ta’ ruħ indannata.
17 U ġara li hekk kif jiena kont maħkum minn daqstant turment, hekk kif jien kont qed niġi tturmentat mill‑memorja tal‑ħafna dnubiet tiegħi, ara, ftakart ukoll li jiena kont smajt lil missieri jħabbar lill‑poplu dwar il‑miġja ta’ wieħed jismu Ġesù Kristu, Iben Alla, li għandu jpatti għad‑dnubiet tad‑dinja.
18 Issa, hekk kif moħħi ggranfa ma’ dan il‑ħsieb, jiena tlabt f’qalbi: O Ġesù, inti Bin Alla, ikollok ħniena minni, għax jien ninsab għaddej minn daqstant imrar, u ninsab imdawwar bil‑ktajjen eterni tal‑mewt.
19 U issa, ara, meta f’moħħi feġġ dan il‑ħsieb, jien ma bqajtx niftakar aktar l‑uġigħ tiegħi; iva, u ma bqajtx niġi tturmentat aktar bil‑memorja ta’ dnubieti.
20 O, dik hena! u x’dawl tal‑għaġeb jiena rajt quddiemi; iva, ruħi mtliet b’hena li tisboq l‑uġigħ li kont ħassejt!
21 Iva, jiena ngħidlek, ibni, li ma jista’ jkun hawn xejn aktar skwiżit u aktar morr mill‑uġigħ tiegħi. Iva, u għal darb’oħra jiena ngħidlek, ibni, li mill‑banda l‑oħra, ma jista’ jkun hawn xejn aktar skwiżit u ħelu mill‑hena li jien ħassejt.
22 Iva, għax jien niftakar li kont rajt, kif kien ra wkoll missierna Leħi, lil Alla bilqiegħda fuq it‑tron tiegħu, imdawwar bi qtajja’ bla għadd ta’ anġli, u huma bdew jgħannu u jfaħħru lil Alla tagħhom; iva, u ruħi xtaqet tkun fosthom.
23 Iżda ara, riġlejja reġgħu kisbu saħħithom lura, u jiena waqaft fuq saqajja, u għarraft lin‑nies li jiena kont ġejt imwieled minn Alla.
24 Iva, u minn dak iż‑żmien sal‑ġurnata tal‑lum, jiena ħdimt bla heda, biex inkun nista’ nwassal l‑erwieħ lejn l‑indiema; biex inkun nista’ nwassalhom ħalli jduqu l‑hena mill‑aktar kbira li minnha jiena doqt; biex huma jkunu jistgħu wkoll jiġu mwielda minn Alla, u jimtlew bl‑Ispirtu s‑Santu.
25 Iva, u issa ara, O ibni, il‑Mulej tassew jagħtini hena mill‑aktar kbira fil‑frott ta’ ħidmieti;
26 Għax ara, grazzi għall‑kelma li huwa żvelali, ħafna kienu li ġew imwielda minn Alla, u daqu dak li doqt jien, u raw b’għajnejhom stess dak li rajt jien; għalhekk huma jafu dwar dawn il‑ħwejjeġ li jien tkellimt dwarhom, kif naf jiena issa; u l‑għarfien li jien għandi ġej minn Alla.
27 U jiena ġejt sostnut qalb kull tip ta’ sfidi u nkwiet, iva, u qalb kull tip ta’ taħbit; iva, Alla ħelisni mill‑ħabs, u mill‑jasar, u mill‑mewt; iva, u jiena nafda fih, u madankollu huwa jeħlisni.
28 U jiena naf li huwa sejjer iqajjimni fl‑aħħar jum, biex jiena ngħammar miegħu fil‑glorja; iva, u jiena nibqa’ nfaħħru għal dejjem, għax huwa ħareġ lil missirijietna ’l barra mill‑Eġittu, u huwa bela’ lill‑Eġizzjani fil‑Baħar tal‑Qasab; u huwa mexxihom permezz tal‑qawwa tiegħu lejn l‑art imwiegħda; iva, u minn żmien għall‑ieħor huwa ħelishom mill‑eżilju u mill‑jasar.
29 Iva, u huwa ħareġ ukoll lil missirijietna ’l barra mill‑art ta’ Ġerusalemm; u permezz tal‑qawwa ta’ dejjem tiegħu, minn żmien għall‑ieħor sal‑ġurnata tal‑lum huwa ħelishom ukoll mill‑eżilju u mill‑jasar; u jiena dejjem bqajt niftakar fil‑jasar tagħhom; iva, u inti wkoll għandek tibqa’ tiftakar fil‑jasar tagħhom, kif għamilt jien.
30 Iżda ara, ibni, dan mhux kollox; għax inti għandek tkun taf kif naf jien, li diment li inti tibqa’ tħares il‑kmandamenti ta’ Alla inti jkollok ir‑risq f’artek; u għandek tkun taf ukoll, li jekk inti ma tħarisx il‑kmandamenti ta’ Alla inti tispiċċa tinqata’ mill‑preżenza tiegħu. Issa dan huwa skont kelmtu.