Skrittura
Alma 37


Kapitlu 37

Il‑pjanċi tar‑ram u skrittura oħra ġew imħarsa biex iwasslu l‑erwieħ għas‑salvazzjoni—Il‑Ġarediti nqerdu minħabba ħżunithom—Il‑ġuramenti u l‑patti sigrieti tagħhom jeħtieġ li jinżammu mistura min‑nies—Ħudu parir mingħand il‑Mulej f’kulma tagħmlu—Hekk kif il‑Liahona kienet ta’ gwida għan‑Nefiti, bl‑istess mod il‑kelma ta’ Kristu tmexxi lill‑bnedmin lejn il‑ħajja ta’ dejjem. Madwar 74 Q.K.

1 U issa, ibni Ħelaman, nordnalek biex tieħu għandek l‑annali li ġew fdati f’idejja;

2 U nordnalek ukoll biex tikteb l‑istorja ta’ dan il‑poplu, kif għamilt jien, fuq il‑pjanċi ta’ Nefi, u ara li tħares dal‑ħwejjeġ kollha b’mod sagru kif ħaristhom jiena, l‑istess kif għamilt jien; għax jeħtieġ li jiġu mħarsa għal għan għaqli.

3 U dawn il‑pjanċi tar‑ram, li fihom din l‑inċiżjoni, li fuqhom hemm il‑kitba tal‑iskrittura mqaddsa, li fihom l‑arblu tar‑razza ta’ missirijietna, sa mill‑qedem—

4 Ara, ġie mbassar minn missirijietna, li huma għandhom jiġu mħarsa u għandhom jgħaddu minn ġenerazzjoni għall‑oħra, u li sejrin jiġu mħarsa u ppreservati permezz ta’ id il‑Mulej sakemm jiġu żvelati lil kull ġens, tribù, ilsien u poplu, ħalli huma jkunu jafu bil‑misteri li hemm fihom.

5 U issa ara, jekk huma jiġu mħarsa jeħtieġ li jibqgħu jżommu d‑dija tagħhom; iva, u l‑istess il‑pjanċi kollha li fihom dik li hija kitba mqaddsa.

6 Issa int taf taħseb li din mhi xejn ħlief bluha min‑naħa tiegħi; iżda ara, jiena ngħidlek, li permezz ta’ ħwejjeġ żgħar u sempliċi jiġu fis‑seħħ ħwejjeġ kbar; u ħafna drabi mezzi żgħar iħawdu l‑għorrief.

7 U l‑Mulej Alla jaħdem permezz ta’ ċerti mezzi biex iġib fis‑seħħ l‑għanijiet kbar u eterni tiegħu; u permezz ta’ mezzi żgħar il‑Mulej iħawwad lill‑għorrief u jġib fis‑seħħ is‑salvazzjoni ta’ ħafna erwieħ.

8 U s’issa, kien għerf f’Alla li dawn il‑ħwejjeġ jiġu mħarsa; għax ara, huma kabbru l‑għarfien ta’ dan il‑poplu, iva, u kkonvinċew lil ħafna dwar id‑drawwiet żbaljati tagħhom, u wassluhom għall‑għarfien ta’ Alla tagħhom għas‑salvazzjoni ta’ ruħhom.

9 Iva, jiena ngħidlek, li kieku ma kienx għal dawn il‑ħwejjeġ li hawn f’dawn l‑annali, li jinsabu fuq dawn il‑pjanċi, Għammon u ħutu qatt ma kienu jikkonvinċu eluf u eluf ta’ Lamaniti dwar it‑twemmin żbaljat ta’ missirijiethom; iva, dawn l‑annali u kliemhom wassluhom għall‑indiema; jiġifieri, wassluhom għall‑għarfien tal‑Mulej Alla tagħhom, u biex huma jithennew f’Ġesù Kristu l‑Feddej tagħhom.

10 U min jaf jekk forsi jistgħux ikunu l‑mezz li bih jitwasslu eluf u eluf minnhom, iva, kif ukoll eluf u eluf minn ħutna n‑Nefiti ta’ rashom iebsa, li bħalissa jinsabu jwebbsu qalbhom bid‑dnub u l‑ħażen, għall‑għarfien tal‑Feddej tagħhom?

11 Issa dawn il‑misteri għadhom ma ġewx żvelati għalkollox lili; għalhekk jien m’iniex se nitkellem aktar dwarhom.

12 Hu biżżejjed għalija li ngħid li huma qed jiġu mħarsa għal għan għaqli, liema għan jaf bih Alla; għax huwa jmexxi b’għaqal il‑ħidmiet kollha tiegħu, u l‑mogħdijiet tiegħu huma dritti, u l‑mixja tiegħu hija ċirkwit wieħed etern.

13 O ftakar, ftakar, ibni Ħelaman, kemm huma stretti l‑kmandamenti ta’ Alla. U huwa qal: Jekk tħarsu l‑kmandamenti tiegħi intom ikollkom ir‑risq f’artkom—iżda jekk ma tħarisx il‑kmandamenti tiegħu inti tispiċċa tinqata’ mill‑preżenza tiegħu.

14 U issa ftakar, ibni, li Alla fdalek f’idejk dawn il‑ħwejjeġ, li huma sagri, li hu żammhom sagri, u li se jħarishom u jippreservahom ukoll għal għan għaqli għalih, ħalli huwa jkun jista’ juri l‑qawwa tiegħu lil ġenerazzjonijiet futuri.

15 U issa ara, permezz tal‑ispirtu tal‑profezija jiena ngħidlek li jekk inti tikser il‑kmandamenti ta’ Alla, ara, dawn il‑ħwejjeġ li huma sagri jittieħdu mingħandek permezz tal‑qawwa ta’ Alla, u inti tingħata f’idejn Satana, ħalli jkun jista’ jgħarblek bħal karfa mar‑riħ.

16 Iżda jekk inti tħares il‑kmandamenti ta’ Alla, u tuża dawn il‑ħwejjeġ sagri skont kif jordnalek il‑Mulej, (għax int għandek tikkonsulta lill‑Mulej f’kull ħaġa li għandha x’taqsam magħhom) ara, l‑ebda qawwa fid‑dinja jew fl‑infern ma tkun tista’ teħodhomlok, għax Alla għandu l‑qawwa li jwettaq dak kollu li jgħid.

17 Għax huwa jwettaq il‑wegħdiet kollha li huwa se jagħmel miegħek, għax hu wettaq il‑wegħdiet li huwa għamel ma’ missirijietna.

18 Għax huwa wegħidhom li hu kien sejjer iħares dawn il‑ħwejjeġ għal għan għaqli għalih, ħalli huwa jkun jista’ juri l‑qawwa tiegħu lil ġenerazzjonijiet futuri.

19 U issa ara, għan wieħed huwa diġà wettqu, sewwasew ir‑restawrazzjoni ta’ eluf u eluf ta’ Lamaniti għall‑għarfien tal‑verità; u hu wera l‑qawwa tiegħu permezz tagħhom, u huwa jkompli juri l‑qawwa tiegħu permezz tagħhom lil ġenerazzjonijiet futuri; għalhekk huma se jiġu mħarsa.

20 Għalhekk ibni Ħelaman, jiena nordnalek biex inti twettaq bir‑reqqa dak kollu li jiena għidt, u tħares bir‑reqqa l‑kmandamenti ta’ Alla kif inhuma miktubin.

21 U issa, jien se nkellmek dwar dawk l‑erbgħa u għoxrin pjanċa, u ara li inti tħarishom, ħalli l‑misteri u l‑għemejjel tad‑dlam, u l‑għemejjel sigrieti, jew l‑għemejjel sigrieti ta’ dawk in‑nies li ġew meqruda, ikunu jistgħu jiġu esposti ma’ dan il‑poplu; iva, il‑qtil u s‑serq kollu tagħhom, u l‑issakkeġġar tagħhom, u l‑ħażen kollu u l‑abominazzjonijiet kollha tagħhom, jiġu esposti ma’ dan il‑poplu; iva, u ara li tħares dawn l‑interpreti.

22 Għax ara, il‑Mulej ra li dawn in‑nies bdew iwettqu l‑għemejjel tad‑dlam, iva, huma bdew iwettqu bil‑moħbi qtil u abominazzjonijiet; għalhekk il‑Mulej qal, jekk huma ma jindmux jeħtieġ li huma jinqerdu minn fuq wiċċ l‑art.

23 U l‑Mulej qal: Lill‑qaddej tiegħi Gażelem se nħejjilu ġebla, u hija se tiddi meta tkun fid‑dlam, ħalli jiena nkun nista’ niżvela lin‑nies tiegħi, li huma l‑qaddejja tiegħi, ħalli jiena nkun nista’ niżvelalhom l‑għemejjel ta’ ħuthom, iva, l‑għemejjel sigrieti tagħhom, l‑għemejjel tad‑dlam tagħhom, u l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tagħhom.

24 U issa, ibni, dawn l‑interpreti ġew imħejjija sabiex il‑kelma ta’ Alla tkun tista’ tiġi fis‑seħħ, meta huwa qal:

25 Jiena noħroġ ’il barra mid‑dlam għad‑dawl l‑għemejjel sigrieti u l‑abominazzjonijiet tagħhom; u jekk huma ma jindmux jiena neqridhom minn fuq wiċċ l‑art; u jien noħroġ għad‑dawl is‑sigrieti u l‑abominazzjonijiet tagħhom quddiem kull ġens li jiret l‑art minn issa ’l quddiem.

26 U issa, ibni, qed naraw li huma baqgħu ma nidmux; għalhekk huma spiċċaw inqerdu, u sa issa l‑kelma ta’ Alla ġiet fis‑seħħ; iva, l‑abominazzjonijiet sigrieti tagħhom inħarġu ’l barra mid‑dlam u ġew żvelati lilna.

27 U issa, ibni, jien nordnalek biex iżżomm misturin il‑ġuramenti u l‑patti kollha tagħhom, u l‑ftehim kollu tagħhom li huma parti mill‑abominazzjonijiet sigrieti tagħhom; iva, u ara li żżomm misturin minn dan il‑poplu s‑sinjali u l‑għeġubijiet kollha tagħhom, biex huma ma jkunux jafu bihom, ma jmorrux b’xi mod jaqgħu fid‑dalma wkoll u jinqerdu.

28 Għax ara, hawn saħta fuq din l‑art kollha, li dawk kollha li jwettqu l‑għemejjel tad‑dlam se jispiċċaw jinqerdu, skont il‑qawwa ta’ Alla, meta huma jkunu misjurin waħda sew; għalhekk jien nixtieq li dan il‑poplu ma jinqeridx.

29 Għalhekk għandek iżżomm misturin minn dan il‑poplu dawn il‑pjanijiet sigrieti tal‑ġuramenti tagħhom u tal‑patti tagħhom, u magħhom għandek tiżvela biss il‑ħażen tagħhom u l‑qtil tagħhom u l‑abominazzjonijiet tagħhom; u ara li tgħallimhom sabiex jistmerru dan it‑tip ta’ ħażen u abominazzjonijiet u qtil; u ara li tgħallimhom ukoll li dawn in‑nies spiċċaw inqerdu minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet u l‑qtil li huma wettqu.

30 Għax ara, huma qatlu lill‑profeti kollha tal‑Mulej li ġew fosthom biex ixandrulhom dwar ħżunithom; u d‑demm ta’ dawk li huma qatlu beda jitlob b’ħerqa lill‑Mulej Alla tagħhom biex issir vendetta minn dawk li qatluhom; u b’hekk Alla għamel ħaqq minn dawn kollha li wettqu l‑għemejjel tad‑dlam u li kienu jagħmlu parti minn alleanzi sigrieti.

31 Iva, u misħuta tkun din l‑art għal dejjem ta’ dejjem għal dawk li jwettqu l‑għemejjel tad‑dlam u jagħmlu parti minn alleanzi sigrieti, għax huma jispiċċaw jinqerdu, jekk huma ma jindmux qabel ma jsiru misjurin iżżejjed.

32 U issa, ibni, ftakar il‑kliem li jiena għidtlek; tikxifx ma’ dan il‑poplu dawk il‑pjanijiet sigrieti, iżda għallimhom biex jobogħdu għal dejjem id‑dnub u l‑ħażen.

33 Xandrilhom l‑indiema, u l‑fidi fil‑Mulej Ġesù Kristu; għallimhom jumiljaw ruħhom u jkunu nies ta’ qalb ħelwa u umli; għallimhom jirreżistu kull tiġrib tax‑xitan, permezz tal‑fidi tagħhom fil‑Mulej Ġesù Kristu.

34 Għallimhom biex qatt ma jixbgħu jagħmlu opri tajba, u jkunu nies ta’ qalb ħelwa u umli; għax dawn huma dawk li jsibu l‑mistrieħ għal ruħhom.

35 O, ftakar ibni, u tgħallem l‑għerf f’żogħżitek; iva, f’żogħżitek tgħallem ħares il‑kmandamenti ta’ Alla.

36 Iva, u b’ħerqa itlob lil Alla ħalli hu jkun dejjem ta’ sostenn għalik; iva, ara li kulma tagħmel tagħmlu għall‑Mulej, u kull fejn tmur tmur għall‑Mulej; iva, ara li ħsibijietek ikunu dejjem fil‑Mulej; iva, ara li fil‑fond ta’ qalbek ikollok għal dejjem lill‑Mulej.

37 Ħu parir mingħand il‑Mulej f’dak kollu li tagħmel, u huwa jmexxik fit‑tajjeb; iva, meta tmur torqod billejl mur orqod għall‑Mulej, ħalli huwa jħarsek waqt li inti tkun rieqed; u meta tqum filgħodu ara li qalbek tkun mimlija gratitudni lejn Alla; u jekk tagħmel dan, inti tiġi mgħolli ’l fuq fl‑aħħar jum.

38 U issa, ibni, għandi xi ħaġa xi ngħidlek dwar dik il‑ħaġa li missirijietna sejħulha globu, jew direttur—jew aħjar li missirijietna sejħulha Liahona, li tfisser, boxxla; u kien il‑Mulej li ħejjiha.

39 U ara, m’hawn l‑ebda bniedem li kapaċi jaħdem xi ħaġa b’sengħa daqstant kbira. U ara, hi ġiet imħejjija biex turi lil missirijietna x’rotta kellhom jaqbdu waqt li huma jivvjaġġaw fid‑deżert.

40 U hija kienet tiffunzjona għalihom skont il‑fidi tagħhom f’Alla; għalhekk, jekk huma kellhom il‑fidi li jemmnu li Alla seta’ jġiegħel l‑imgħażel jindikawlhom x’rotta kellhom jaqbdu, ara, hekk kien iseħħ; għalhekk huma, jum wara jum, esperjenzaw dan il‑miraklu u bosta mirakli oħra permezz tal‑qawwa ta’ Alla.

41 Madankollu, minkejja li dawn il‑mirakli seħħew permezz ta’ mezzi żgħar lilhom urewhom għemejjel tal‑għaġeb. Huma waqgħu fil‑għażż, u nsew jeżerċitaw il‑fidi tagħhom u jkunu diliġenti u b’hekk dawk l‑għemejjel tal‑għaġeb waqfu, u huma ma komplewx mexjin ’il quddiem fil‑vjaġġ tagħhom;

42 Għalhekk, huma baqgħu fid‑deżert, jew aħjar, ma qabdux l‑iqsar rotta, u spiċċaw ibatu l‑ġuħ u l‑għatx, minħabba t‑trasgressjonijiet tagħhom.

43 U issa, ibni, nixtieqek tifhem li f’dawn il‑ħwejjeġ hemm ċertu simboliżmu; għaliex peress li missirijietna, minħabba l‑għażż tagħhom, ma taw l‑ebda widen għal din il‑boxxla (issa dawn il‑ħwejjeġ kienu temporali) huma ma kellhomx risq; l‑istess nistgħu ngħidu għal ħwejjeġ li huma spiritwali.

44 Għax ara, huwa daqstant faċli li tagħti widen għall‑kelma ta’ Kristu, li turik rotta dritta lejn l‑hena ta’ dejjem, bħal meta missirijietna taw widen għal din il‑boxxla, li kienet turihom rotta dritta lejn l‑art imwiegħda.

45 U issa jiena ngħidlek, inti ma tara l‑ebda simbolu f’din il‑ħaġa? Għax hekk kif dan id‑direttur mexxa lil missirijietna lejn l‑art imwiegħda, għax huma mxew mar‑rotta li huwa wriehom, bl‑istess mod kliem Kristu, jekk aħna nimxu wara r‑rotta li jurina, imexxina lil hinn minn dan il‑wied ta’ niket lejn art imwiegħda ferm aħjar minn din l‑art.

46 O ibni, la tħallix li naqgħu fil‑għażż għax il‑mod hu daqstant sempliċi; għaliex hekk ġralhom missirijietna; għax dan kien il‑mod li ġie mħejji għalihom, li jekk huma jħarsu lejh huma jgħixu; u dan japplika għalina wkoll. Dan huwa l‑mod li ġie mħejji għalina, u jekk aħna nħarsu lejh inkunu nistgħu ngħixu għal dejjem.

47 U issa, ibni, ara li tieħu ħsieb dawn il‑ħwejjeġ sagri, iva, ara li tħares lejn Alla u tgħix. Mur qalb dan il‑poplu u xandar il‑kelma, u kun meqjus f’dak li tagħmel. Saħħa, ibni.