Skrittura
Alma 38


Il‑kmandamenti ta’ Alma lil ibnu Siblon.

Jikkonsisti minn kapitlu 38.

Kapitlu 38

Siblon kien ippersegwitat minħabba s‑sewwa—Is‑salvazzjoni tinsab fi Kristu, li huwa l‑ħajja u d‑dawl tad‑dinja—Rażżnu l‑passjonijiet kollha tagħkom. Madwar 74 Q.K.

1 Ibni, agħti widen għal kliemi, għax jiena ngħidlek, l‑istess kif għidt lil Ħelaman, li diment li inti tibqa’ tħares il‑kmandamenti ta’ Alla inti jkollok ir‑risq f’artek; u jekk ma tħarisx il‑kmandamenti ta’ Alla inti tispiċċa tinqata’ mill‑preżenza tiegħu.

2 U issa, ibni, inħoss li jien tassew għandi għalfejn nithenna bik, minħabba l‑fermezza tiegħek u l‑fedeltà tiegħek lejn Alla; għax kif inti ilek minn żgħożitek tħares lejn il‑Mulej Alla tiegħek, bl‑istess mod nittama li inti tkompli tħares il‑kmandamenti tiegħu; għax imbierek hu dak li jibqa’ sħiħ sal‑aħħar.

3 Jiena ngħidlek, ibni, li jiena ili nithenna bik, minħabba l‑fedeltà tiegħek u d‑diliġenza tiegħek, u l‑paċenzja u s‑sabar li inti wrejt mal‑poplu Żoramita.

4 Għax jiena naf li inti kont tinsab fil‑jasar; iva, u naf ukoll li inti ġejt imħaġġar minħabba l‑kelma; u inti ġarrabt b’sabar dan kollu għax il‑Mulej kien miegħek; u inti issa taf li int ġejt meħlus mill‑Mulej.

5 U issa ibni, Siblon, nixtieqek iżżomm f’moħħok li diment li inti tibqa’ tafda f’Alla inti se tibqa’ tiġi meħlus mill‑isfidi tiegħek, u mill‑inkwiet tiegħek, u mit‑taħbit tiegħek, u inti tiġi mgħolli ’l fuq fl‑aħħar jum.

6 Issa, ibni, ma rridekx taħseb li jien naf dawn il‑ħwejjeġ minħabba l‑għarfien tiegħi, iżda huwa l‑Ispirtu ta’ Alla li jinsab fija li jiżvelali dawn il‑ħwejjeġ; għax li kieku mhux għax ġejt imwieled minn Alla jiena ma kontx inkun naf dawn il‑ħwejjeġ.

7 Iżda ara, il‑Mulej fil‑ħniena kbira tiegħu bagħat l‑anġlu tiegħu biex iħabbarli li kelli nieqaf inwettaq l‑għemejjel tal‑qerda fost il‑poplu tiegħu; iva, u jiena rajt anġlu quddiem wiċċi, u hu tkellem miegħi, u leħnu kien bħar‑ragħad, u riegħed l‑art kollha.

8 U ġara li jiena għaddejt tlett ijiem u tlett iljieli b’ruħi mifnija bl‑uġigħ u n‑niket; u jiena ksibt maħfra ta’ dnubieti biss wara li jiena tlabt bil‑ħrara lill‑Mulej Ġesù Kristu biex ikollu ħniena minni. Iżda ara, jiena sejjaħtlu u f’ruħi jiena ksibt il‑paċi.

9 U issa, ibni, jien għidtlek dan biex inti tkun tista’ tikseb l‑għerf, ħalli inti tkun tista’ titgħallem minni li m’hawn l‑ebda mod jew mezz ieħor li permezz tiegħu l‑bniedem jista’ jsalva, għajr fi Kristu u permezz ta’ Kristu. Ara, huwa l‑ħajja u d‑dawl tad‑dinja. Ara, huwa l‑kelma tal‑verità u s‑sewwa.

10 U issa, hekk kif inti bdejt tgħallem il‑kelma, nixtieqek tkompli tgħallem; u nixtieqek tkun diliġenti u meqjus f’kull ħaġa.

11 Ara li ma titkabbarx; iva, ara li ma toqgħodx tiftaħar bl‑għerf tiegħek, jew bil‑qawwa tiegħek.

12 Kun ċar f’dak li tgħid, iżda tkunx arroganti; u ara wkoll li trażżan il‑passjonijiet kollha tiegħek, ħalli inti tkun tista’ timtela bl‑imħabba; u ara wkoll li ma toqgħodx titgħażżen.

13 Titlobx kif jitolbu ż‑Żoramiti, għax inti rajt li huma jitolbu biex jisimgħuhom in‑nies, ħalli joqogħdu jfaħħruhom għal għerfhom.

14 Tgħidx: O Alla, inroddlok ħajr talli aħna aħjar minn ħutna; iżda minflok għid: O Mulej, aħfirli għall‑indenjità tiegħi, u nitolbok tiftakar f’ħuti bi ħniena—iva, ara li tistqarr l‑indenjità tiegħek quddiem Alla f’kull ħin.

15 U jalla l‑Mulej iberiklek ruħek, u jilqgħek fis‑saltna tiegħu fl‑aħħar jum, biex hemmhekk inti tgħammar fis‑sliem. Issa mur, ibni, u għallem il‑kelma lil dan il‑poplu. Kun meqjus f’dak li tagħmel. Ibni, saħħa.