Kapitlu 4
Alma jgħammed eluf ta’ konvertiti—Il‑Knisja tinħakem mill‑ħażen, u tinżamm milli tkompli miexja ’l quddiem—Nefija jinħatar prim imħallef—Alma, bħala qassis il‑kbir, jiddedika ħajtu għall‑ministeru. Madwar 86–83 Q.K.
1 Issa ġara li fis‑sitt sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, ma kien hemm l‑ebda tilwim jew gwerer fl‑art ta’ Żaraħemla;
2 Iżda n‑nies bdew ibatu, iva, huma bdew ibatu ferm minħabba t‑telfien ta’ ħuthom, kif ukoll minħabba t‑telfien tal‑merħliet u l‑baqar tagħhom, kif ukoll minħabba t‑telfien tal‑għelieqi tal‑qamħ tagħhom, li spiċċaw mgħaffġa u meqruda mil‑Lamaniti.
3 U hemmhom tant kien kbir li lkoll kellhom tassew għalfejn jitnikktu; u huma kienu jemmnu li dan kien il‑ħaqq ta’ Alla mibgħut fuqhom minħabba ħżunithom u l‑abominazzjonijiet tagħhom; għalhekk huma ġew imqanqla sabiex jiftakru fi dmirhom.
4 U huma bdew jaraw kif iwaqqfu l‑knisja b’mod aktar komplet; iva, u kienu ħafna li ġew mgħammdin fl‑ilmijiet ta’ Sidon u ngħaqdu mal‑knisja ta’ Alla; iva, huma ġew mgħammdin minn Alma, li kien ġie kkonsagrat minn missieru Alma bħala l‑qassis il‑kbir fuq in‑nies tal‑knisja.
5 U ġara li fis‑seba’ sena tas‑saltna tal‑imħallfin kien hemm madwar tlett elef u ħames mitt ruħ li ngħaqdu mal‑knisja ta’ Alla u ġew mgħammda. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑seba’ sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi; u f’dak iż‑żmien kollu bdiet issaltan paċi kontinwa.
6 U ġara li fit‑tmien sena tas‑saltna tal‑imħallfin, in‑nies tal‑knisja bdew jitkabbru, minħabba l‑għana bla qjies tagħhom, u l‑ħarir fin tagħhom, u l‑għażel fin tagħhom, u minħabba l‑bosta merħliet u baqar tagħhom, u d‑deheb u l‑fidda tagħhom, u kull xorta ta’ ħwejjeġ prezzjużi, li huma kisbu permezz ta’ ħidmiethom; u minħabba dan kollu huma bdew jitkabbru bihom infushom, u bdew jilbsu lbies jiswa’ ħafna flus.
7 Issa dan ġab tbatija kbira fuq Alma, iva, u fuq bosta min‑nies li ġew ikkonsagrati minn Alma biex ikunu għalliema, u qassisin, u presbiteri fuq il‑knisja; iva, u bosta minnhom tnikktu bil‑kbir minħabba l‑ħażen li huma raw li beda jsaltan fost nieshom.
8 Għax b’sogħba kbira huma raw u għarfu li n‑nies tal‑knisja bdew jitkabbru bihom infushom, u bdew jorbtu qalbhom mal‑ġid materjali u mal‑frugħa tad‑dinja, u huma bdew jistmerru lil xulxin, u bdew jippersegwitaw lil dawk kollha li ma kinux jemmnu bħalhom u kif jogħġob lilhom.
9 U b’hekk, fit‑tmien sena tas‑saltna tal‑imħallfin, beda jqum tilwim kbir fost il‑poplu tal‑knisja; iva, beda jkun hemm l‑għira, u l‑ġlied, u l‑ħażen, u l‑persekuzzjoni, u nies jitkabbru bihom infushom bi kburija li kienet tiżboq il‑kburija ta’ dawk li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja ta’ Alla.
10 U b’hekk ġiet fi tmiemha t‑tmien sena tas‑saltna tal‑imħallfin; u l‑ħażen tal‑knisja kien ta’ ostaklu mill‑aktar kbir għal dawk li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja; u b’hekk il‑knisja ma komplietx timxi ’l quddiem.
11 U ġara li fil‑bidu tad‑disa’ sena, Alma ra kemm kien hemm ħażen fil‑knisja, u huwa seta’ jara wkoll li l‑eżempju tal‑knisja beda jwassal lil dawk li ma jemmnux biex huma jwettqu għemil ħażin wara l‑ieħor, u b’hekk jispiċċaw iwasslu lill‑poplu għall‑qerda.
12 Iva, huwa ra li kien hemm inugwaljanza kbira fost il‑poplu, fejn xi wħud bdew jintefħu bihom infushom, u jistmerru lil ħaddieħor, u bdew jagħtu daharhom lil min hu fil‑bżonn u lil min hu għeri u mġewwaħ, u lil dawk li kienu bil‑għatx, u li kienu morda u qed ibatu.
13 Issa dan wassal għal ħafna biki fost il‑poplu, filwaqt li oħrajn bdew iċekknu lilhom infushom, u jgħinu lil dawk li kellhom bżonn l‑għajnuna tagħhom, bħalli jaqsmu ġidhom mal‑foqra u ma’ dawk fil‑bżonn, jitimgħu lill‑imġewħin, u jġarrbu b’sabar kull tip ta’ tbatija, f’ġieħ Kristu, li għandu jiġi skont l‑ispirtu tal‑profezija;
14 U huma bdew iħarsu ’l quddiem lejn dak il‑jum, u b’hekk huma kisbu maħfra ta’ dnubiethom; u huma kienu mimlijin b’hena mill‑aktar kbira minħabba l‑qawmien tal‑mejtin, skont ir‑rieda, u l‑qawwa, u l‑ħelsien ta’ Ġesù Kristu mill‑irbit tal‑mewt.
15 U issa ġara li Alma, li seta’ jara b’għajnejh it‑tbatija li kienu għaddejjin minnha d‑dixxipli umli ta’ Alla, u l‑persekuzzjoni li kienu qed jgħadduhom minnha l‑kumplament ta’ niesu, kif ukoll l‑inugwaljanza li beda jara fosthom, beda jitnikket bil‑kbir; madankollu l‑Ispirtu tal‑Mulej baqa’ miegħu.
16 U huwa għażel raġel għaref minn fost il‑presbiteri tal‑knisja, u tah is‑setgħa, skont ir‑rieda tal‑poplu, li huwa seta’ jgħaddi liġijiet skont il‑liġijiet li kienu ġew mogħtija, u li huwa seta’ jinforzahom skont l‑għemejjel ħżiena u r‑reati tal‑poplu.
17 Issa dan ir‑raġel kien jismu Nefija, u hu ġie maħtur bħala prim imħallef; u huwa poġġa fuq is‑siġġu tat‑tribunal biex jagħmel ħaqq min‑nies u jmexxi lill‑poplu.
18 Issa Alma ma tahx il‑kariga li jkun qassis il‑kbir fuq il‑knisja, iżda l‑kariga ta’ qassis il‑kbir żammha f’idejh; iżda huwa għadda s‑siġġu tat‑tribunal f’idejn Nefija.
19 U dan għamlu biex huwa stess ikun jista’ jmur fost il‑poplu tiegħu, jew fost il‑poplu ta’ Nefi, ħalli jxandrilhom il‑kelma ta’ Alla, biex b’xi mod dan iqanqalhom ħalli huma jiftakru fi dmirhom, u jkun jista’ jeqred, permezz tal‑kelma ta’ Alla, il‑kburija kollha u l‑qerq u t‑tilwim kollu li kien hemm fost il‑poplu tiegħu, għax ma seta’ jara l‑ebda mod ieħor kif huwa seta’ jirriformahom ħlief billi jinforza x‑xhieda safja tiegħu kontrihom.
20 U b’hekk fil‑bidu tad‑disa’ sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, Alma għadda s‑siġġu tat‑tribunal f’idejn Nefija, u huwa ddedika ħajtu kollha għas‑saċerdozju l‑kbir tal‑ordni mqaddsa ta’ Alla, sewwasew għax‑xhieda tal‑kelma, skont l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni u l‑profezija.