Skrittura
Alma 41


Kapitlu 41

Fil‑Qawmien il‑bnedmin se jgħaddu għal stat ta’ hena bla tmiem jew ta’ miżerja bla tmiem—Il‑ħażen qatt ma kien ferħ—Il‑bnedmin karnali qed jgħixu fid‑dinja mingħajr Alla—Fir‑Restawrazzjoni kull persuna tirċievi mill‑ġdid il‑karatteristiċi u l‑kwalitajiet li tkun kisbet fil‑ħajja mortali. Madwar 74 Q.K.

1 U issa, ibni, għandi xi ħaġa xi ngħidlek dwar ir‑restawrazzjoni li jiena tkellimt dwarha qabel; għax ara, xi wħud għawġu kemm felħu l‑iskrittura, u minħabba f’hekk spiċċaw intilfu. U nista’ nara li inti wkoll ilek mħasseb mhux ħażin dwar dil‑ħaġa. Iżda ara, ħalli nispjegalek ftit dwarha.

2 Jiena ngħidlek, ibni, li l‑pjan tar‑restawrazzjoni huwa meħtieġ skont il‑ġustizzja ta’ Alla; għax hemm bżonn li kollox jerġa’ lura għall‑ordni xierqa tiegħu. Ara, huwa meħtieġ u ġust, skont il‑qawwa u l‑qawmien ta’ Kristu, li ruħ il‑bniedem terġa’ tingħaqad ma’ ġisimha, u li kull parti tal‑ġisem terġa’ lura f’postha.

3 U fejn tidħol il‑ġustizzja ta’ Alla, huwa meħtieġ li l‑bnedmin isir ħaqq minnhom skont għemilhom; u jekk f’dil‑ħajja għemilhom kien tajjeb, u x‑xewqat ta’ qalbhom kienu tajbin, huma wkoll, fl‑aħħar jum, se jerġgħu lura għal dak li hu tajjeb.

4 U jekk għemilhom kien ħażin huma jitreġġgħu lura għall‑ħażen. Għalhekk, kollox se jerġa’ lura għall‑ordni xierqa tiegħu, kull ħaġa għall‑istruttura naturali tagħha—il‑mortalità titqajjem għall‑immortalità, it‑taħsir għan‑nuqqas ta’ taħsir—kull ħaġa se titqajjem għal hena bla tmiem biex tiret is‑saltna ta’ Alla, jew għal miżerja bla tmiem biex tiret is‑saltna tax‑xitan, waħda fuq naħa, u l‑oħra fuq naħa oħra—

5 Wieħed jiġi mqajjem għall‑ferħ skont ix‑xewqat tiegħu ta’ ferħ, jew għat‑tajjeb, skont ix‑xewqat tiegħu ta’ dak li hu tajjeb; u l‑ieħor għall‑ħażen skont ix‑xewqat tiegħu ta’ ħażen; għax peress li huwa kellu x‑xewqa li jwettaq il‑ħażen il‑jum kollu mela għalhekk huwa se jikseb il‑premju tiegħu tal‑ħażen hekk kif jasal il‑lejl.

6 U min‑naħa l‑oħra jiġri l‑istess ħaġa. Jekk huwa nidem minn dnubietu, u xtaq dak li huwa sewwa sal‑aħħar ta’ ħajtu, bl‑istess mod huwa jikseb dak li huwa sewwa bħala premju.

7 Dawn huma dawk li ġew mifdijin mill‑Mulej; iva, dawn huma dawk li se jinħarġu, li se jinħelsu, minn dak il‑lejl ta’ dlam bla tmiem; u għalhekk huma jew jibqgħu weqfin jew inkella jaqgħu; għax ara, huma l‑imħallfin tagħhom stess, jekk jagħmlux it‑tajjeb jew il‑ħażin.

8 Issa, id‑digrieti ta’ Alla ma jinbidlux; għalhekk, it‑triq tinsab imħejjija biex kull min jimxi fiha jsalva.

9 U issa, ibni, ara li ma tazzardax li għal darb’oħra toffendi lil Alla tiegħek fuq dawk il‑punti ta’ duttrina li dwarhom irriskjajt li taqa’ fid‑dnub.

10 Ara taħseb, għax kien hemm min tkellem dwar ir‑restawrazzjoni, li inti tista’ tgħaddi mid‑dnub għall‑ferħ. Ara, jiena ngħidlek, li l‑ħażen qatt ma kien ferħ.

11 U issa, ibni, il‑bnedmin kollha li jinsabu fi stat naturali, jew aħjar, fi stat karnali, jinsabu għaddejjin minn ħafna mrar, u jinsabu fil‑jasar tal‑ħażen; huma jinsabu fid‑dinja mingħajr Alla, u ħaduha kontra n‑natura ta’ Alla; għalhekk, huma jinsabu fi stat li jmur kontra n‑natura tal‑ferħ.

12 U issa ara, inti taħseb li t‑tifsira tal‑kelma restawrazzjoni hi li taqbad xi ħaġa mill‑istat naturali tagħha u tpoġġiha fi stat mhux naturali, jew tpoġġiha fi stat li jmur kontra n‑natura tagħha?

13 O, ibni, dan mhuwiex il‑każ; iżda t‑tifsira tal‑kelma restawrazzjoni hi li l‑ħażen terġa’ ġġibu lura għall‑ħażen, jew il‑karnali għall‑karnali, jew l‑imxajtan għall‑imxajtan—u t‑tajjeb iġġibu lura għal dak li hu tajjeb; is‑sewwa għal dak li hu sewwa; il‑ġust għal dak li hu ġust; u l‑ħanin għal dak li hu ħanin.

14 Għalhekk, ibni, ara li tkun ħanin ma’ ħutek; imxi magħhom b’ġustizzja, agħmel ħaqq bis‑sewwa, u agħmel dejjem il‑ġid; u jekk tagħmel dan kollu inti tikseb il‑premju li ħaqqek; iva, tintradd lura lilek mill‑ġdid il‑ħniena; iva, tintradd lura lilek mill‑ġdid il‑ġustizzja; iva, jintradd lura lilek mill‑ġdid ġudizzju ġust; u inti tiġi ppremjat mill‑ġdid bis‑sewwa.

15 Għax dak li inti tibgħat jerġa’ jiġi lura għandek, u jiġi rrestawrat lilek; għalhekk, il‑kelma restawrazzjoni tikkundanna b’mod aktar sħiħ lill‑midneb, u ma tiġġustifikah bl‑ebda mod.