Skrittura
Alma 46


Kapitlu 46

Għamalikja jikkonfoffa biex isir sultan—Moroni jgħolli l‑bandiera bit‑titlu tal‑libertà—Huwa jiġbor lin‑nies flimkien biex jiddefendu r‑reliġjon tagħhom—Dawk li tassew jemmnu jissejħu Kristjani—Fdal ta’ Ġużeppi se jiġi ppreservat—Għamalikja u d‑dissidenti jaħarbu lejn l‑art ta’ Nefi—Dawk li ma jappoġġjawx il‑kawża tal‑ħelsien jingħataw il‑mewt. Madwar 73‑72 Q.K.

1 U ġara li dawk kollha li ma tawx widen għal kliem Ħelaman u ħutu nġabru flimkien kontra ħuthom.

2 U issa araw, huma kienu mimlija għadab, tant li kienu determinati li joqtluhom.

3 Issa l‑mexxej ta’ dawk li kienu mimlija għadab għal ħuthom kien raġel ta’ statura kbira u b’saħħtu; u ismu kien Għamalikja.

4 U Għamalikja kellu x‑xewqa li jkun sultan; u dawk in‑nies li kienu mimlija għadab kellhom ukoll ix‑xewqa li huwa jkun is‑sultan tagħhom; u l‑parti l‑kbira minnhom kienu l‑imħallfin inferjuri tal‑pajjiż, u huma bdew jippruvaw jieħdu l‑poter f’idejhom.

5 U huma ġew influwenzati mill‑ħafna kliem ħelu ta’ Għamalikja, li jekk huma jappoġġjawh u jpoġġuh bħala s‑sultan tagħhom hu jagħmilhom mexxejja tal‑poplu.

6 B’hekk huma ħallew lil Għamalikja jqarraq bihom u spiċċaw nqatgħu minn ħuthom, minkejja l‑predikazzjoni ta’ Ħelaman u ħutu, minkejja li kienu tassew jieħdu ħsieb il‑knisja, għax huma kienu qassisin il‑kbar fuq il‑knisja.

7 U kien hemm ħafna fil‑knisja li emmnu fil‑kliem ħelu u falz ta’ Għamalikja, għalhekk huma nqatgħu anke mill‑knisja; u b’hekk kull ħaġa li kellha x’taqsam man‑nies ta’ Nefi kienet mill‑aktar instabbli u perikoluża, minkejja ir‑rebħiet kbar li huma kellhom fuq il‑Lamaniti, u l‑hena kbir li huma kienu esperjenzaw minħabba l‑ħelsien li kienu kisbu bl‑għajnuna tal‑Mulej.

8 B’hekk naraw kemm ulied il‑bnedmin jinsew malajr lill‑Mulej Alla tagħhom, iva, kemm ikunu pronti biex iwettqu l‑ħażen, u jħallu l‑malinn imexxihom.

9 Iva, u naraw ukoll il‑ħażen mill‑aktar kbir li raġel wieħed ħażin jista’ jikkawża li jseħħ fost ulied il‑bnedmin.

10 Iva, naraw li Għamalikja, għax kien raġel dejjem b’xi pjan qarrieq f’moħħu u raġel ta’ ħafna kliem ħelu u falz, qarraq b’qalb ħafna nies u wassalhom biex jagħmlu l‑ħażen; iva, u biex jippruvaw jeqirdu l‑knisja ta’ Alla, u jeqirdu s‑sisien tal‑libertà li tahom Alla, li hi barka li Alla bagħat fuq wiċċ l‑art f’ġieħ il‑ġusti.

11 U issa ġara li meta Moroni, li kien il‑kap kmandant tal‑armati tan‑Nefiti, sema’ b’dan id‑diżgwid, huwa nkorla għal Għamalikja.

12 U ġara li huwa ċarrat il‑mantell tiegħu; u qabad biċċa minnu, u kiteb fuqha—B’tifkira ta’ Alla tagħna, u tar‑reliġjon u l‑ħelsien tagħna, u tal‑paċi tagħna, u tan‑nisa tagħna u ta’ wliedna—u rabatha ma’ tarf il‑lasta.

13 U huwa libes l‑elmu tiegħu, kif ukoll il‑pettoral, u t‑tarki tiegħu, u libes l‑armatura madwar ġenbejh; u qabad il‑lasta li f’tarfha kien hemm il‑mantell imċarrat tiegħu, (u sejħilha t‑titlu tal‑libertà) u niżel għarkupptejh mal‑art, u talab b’qawwa lil Alla tiegħu biex isawwab fuq ħutu l‑barkiet tal‑libertà, sakemm dejjem ikun għad baqa’ grupp ta’ Kristjani biex jgħammru f’dik l‑art—

14 U hekk kienu msejħin in‑nies kollha li kienu jemmnu tassew fi Kristu, li kienu jagħmlu parti mill‑knisja ta’ Alla, minn dawk li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja.

15 U dawk li kienu jagħmlu parti mill‑knisja kienu nies fidili; iva, dawk kollha li kienu jemmnu tassew fi Kristu ħadu fuqhom, b’ferħ, l‑isem ta’ Kristu, jew aħjar, bdew jissejħu Kristjani, minħabba t‑twemmin tagħhom fi Kristu li għandu jiġi.

16 U għalhekk, f’dan il‑mument, Moroni talab biex il‑kawża tal‑Kristjani, u l‑ħelsien tal‑pajjiż ikunu sostnuti.

17 U ġara li wara li huwa talab b’qawwa lil Alla, huwa sejjaħ l‑art kollha li kienet fin‑nofsinhar tal‑art ta’ Ħerba, iva, f’kelma waħda, l‑art kollha, kemm fin‑naħa ta’ fuq kif ukoll fin‑naħa t’isfel—Art magħżula, u l‑art tal‑libertà.

18 U huwa qal: Alla żgur mhuwiex se jħalli li aħna, li aħna nies iddisprezzati minħabba li nieħdu fuqna l‑isem ta’ Kristu, nisfaw mgħaffġin u meqrudin, sakemm ma nġibux dan b’idejna minħabba t‑trasgressjonijiet tagħna.

19 U meta Moroni qal dan il‑kliem, huwa mar fost il‑poplu, ixejjer il‑biċċa drapp li ċarrat minn ilbiesu, ħalli kulħadd ikun jista’ jara l‑kitba li huwa kiteb fuq il‑biċċa drapp imċarrta, u b’leħen għoli beda jgħajjat u jgħid:

20 Araw, dawk kollha li jippreservaw dan it‑titlu fuq din l‑art, ħa jiġu huma bil‑qawwa tal‑Mulej, u jidħlu f’patt li huma sejrin jippreservaw drittijiethom, u r‑reliġjon tagħhom, ħalli l‑Mulej Alla jkun jista’ jberikhom.

21 U ġara li meta Moroni xandar dan il‑kliem, araw, in‑nies ġew jiġru flimkien lebsin l‑armatura madwar qaddhom, u bdew iċarrtu lbieshom bħala sinjal, jew bħala patt, li huma ma kinux se jiċħdu lill‑Mulej Alla tagħhom; jew, fi kliem ieħor, li jekk huma jiksru l‑kmandamenti ta’ Alla, jew jaqgħu fit‑trasgressjoni, u jibdew jistħu jieħdu fuqhom l‑isem ta’ Kristu, il‑Mulej jispiċċa jġibhom fix‑xejn bl‑istess mod kif huma ċarrtu lbieshom.

22 Issa dan kien il‑patt li huma għamlu, u huma xeħtu lbieshom ħdejn riġlejn Moroni, u qalu: Aħna qed nagħmlu patt ma’ Alla tagħna, li aħna nispiċċaw ninqerdu, l‑istess bħal ħutna fl‑art tat‑tramuntana, jekk aħna naqgħu fit‑trasgressjoni; iva, huwa jixħetna taħt riġlejn l‑għedewwa tagħna, bl‑istess mod kif aħna xħetna lbiesna taħt riġlejk biex taħt saqajk nispiċċaw mgħaffġin, jekk aħna naqgħu fit‑trasgressjoni.

23 Moroni qalilhom: Araw, aħna fdal ta’ nisel Ġakobb; iva, aħna fdal ta’ nisel Ġużeppi, li ħutu ċarrtulu lbiesu biċċiet biċċiet; iva, u issa araw, ejjew niftakru biex inħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla, għax jekk ma nagħmlux dan, ħutna jispiċċaw iqattgħu lbiesna biċċiet, u aħna niġu mixħutin il‑ħabs, jew mibjugħin, jew maqtula.

24 Iva, ejjew nippreservaw il‑libertà tagħna bħala fdal ta’ Ġużeppi; iva, ejjew niftakru fil‑kliem li qal Ġakobb qabel miet, għax araw, huwa ra li parti mill‑fdal ta’ lbies Ġużeppi ġie ppreservat u ma tmermirx. U huwa qal—Bl‑istess mod kif dan il‑fdal ta’ lbies ibni ġie ppreservat, l‑istess il‑fdal ta’ nisel ibni se jkun ippreservat minn Alla, u huwa se jilqgħu għandu, filwaqt li l‑bqija ta’ nisel Ġużeppi se jispiċċaw jinqerdu, l‑istess bħall‑bqija ta’ dan l‑ilbies.

25 Issa araw, dan inikket ruħi bil‑kbir; madankollu, ruħi tithenna f’ibni, minħabba dik il‑parti ta’ nislu li Alla se jilqa’ għandu.

26 Issa araw, dan kien id‑diskors ta’ Ġakobb.

27 U issa min jaf jekk forsi l‑fdal ta’ nisel Ġużeppi, li sejrin jinqerdu bħal ilbiesu, humiex dawk li nqatgħu minn magħna? Iva, u l‑istess jiġrilna aħna jekk ma nżommux sħiħ fil‑fidi ta’ Kristu.

28 U issa ġara li meta Moroni qal dan il‑kliem huwa telaq minn hemm, u bagħat messaġġiera ma’ kull naħa tal‑pajjiż fejn kien hemm id‑diżgwid, u ġabar flimkien lin‑nies kollha li kellhom ix‑xewqa li jippreservaw il‑libertà tagħhom, biex huma jiddefendu ruħhom kontra Għamalikja u dawk li nqatgħu minn magħhom, li kienu jissejħu Għamalikjaħiti.

29 U ġara li meta Għamalikja ra li n‑nies ta’ Moroni kienu aktar numerużi mill‑Għamalikjaħiti—u ra wkoll li niesu kellhom dubju dwar kemm kienet ġusta l‑kawża li kienu qed jiddefendu—għalhekk, minħabba l‑biża’ li huwa kellu li l‑għan tiegħu ma kienx se jintlaħaq, huwa ħa miegħu lil dawk li kienu lesti jmorru miegħu u rħielha lejn l‑art ta’ Nefi.

30 Issa Moroni kien tal‑idea li ma kienx ikun jaqbel li l‑Lamaniti jissaħħu aktar fil‑qawwa tagħhom; għalhekk huwa ħaseb li kellu jinterċetta lin‑nies ta’ Għamalikja, jew jaqbadhom u jeħodhom lura, u lil Għamalikja jagħtih il‑mewt; iva, għax kien jaf li hu kien sejjer ixewwex lil‑Lamaniti biex jimtlew bil‑għadab kontrihom, u jwassalhom biex jiġu ħalli jiġġieldu kontrihom; u hu kien jaf li Għamalikja kien lest li jagħmel dan biex ikun jista’ jikseb dak li ried.

31 Għalhekk Moroni ra li jkun jaqbel li huwa jieħu l‑armati tiegħu, li kienu nġabru flimkien, u armaw lilhom infushom, u daħlu f’patt li kienu lesti jżommu l‑paċi—u ġara li huwa ħa l‑armata tiegħu u telaq bit‑tined tiegħu lejn ix‑xagħri, biex jinterċetta r‑rotta ta’ Għamalikja fix‑xagħri.

32 U ġara li huwa għamel kif xtaq, u rħielha lejn ix‑xagħri, u waqqaf l‑armati ta’ Għamalikja milli jkomplu javvanzaw.

33 U ġara li Għamalikja ħarab flimkien ma’ ftit min‑nies tiegħu, u l‑bqija spiċċaw f’idejn Moroni u ttieħdu lura lejn l‑art ta’ Żaraħemla.

34 Issa, peress li Moroni kien raġel li kien ġie maħtur mill‑prim imħallfin u permezz tar‑rieda tal‑poplu, huwa kellu s‑setgħa, skont ir‑rieda tiegħu, fuq l‑armati tan‑Nefiti, li jistabbilixxi u jeżerċita l‑awtorità tiegħu fuqhom.

35 U ġara li huwa ordna li jingħataw il‑mewt dawk kollha fost l‑Għamalikjaħiti li ma kinux lesti jidħlu f’patt biex jappoġġjaw il‑kawża tal‑ħelsien, biex huma jkollhom gvern ħieles; u ftit biss kienu dawk li ċaħdu l‑patt tal‑ħelsien.

36 U ġara wkoll, li huwa ordna biex il‑bandiera bit‑titlu tal‑libertà tittella’ fuq kull torri li kien hemm madwar l‑art kollha li kienet f’idejn in‑Nefiti; u b’hekk Moroni waqqaf l‑istendard tal‑libertà fost in‑Nefiti.

37 U f’arthom reġgħet bdiet issaltan il‑paċi; u b’hekk huma żammew il‑paċi f’arthom sal‑aħħar tas‑sena dsatax tas‑saltna tal‑imħallfin.

38 U Ħelaman u l‑qassisin il‑kbar ukoll żammew l‑ordni fil‑knisja; iva, sewwasew għal erba’ snin sħaħ bdiet issaltan paċi u hena kbira fil‑knisja.

39 U ġara li kien hemm ħafna li mietu, b’fidi soda li ruħhom kienet ġiet mifdija mill‑Mulej Ġesù Kristu; b’hekk huma ħallew din id‑dinja mimlija hena.

40 U kien hemm xi ftit li spiċċaw mietu bid‑deni, għax matul is‑sena kien hemm żmien li fih laqat waħda sew il‑pajjiż—iżda ma kinux wisq dawk li mietu bid‑deni, minħabba l‑kwalità eċċellenti ta’ bosta pjanti u għeruq li Alla kien ħejja biex jelimina l‑kawża tal‑mard, li n‑nies kienu suxxettibbli għalih minħabba n‑natura tal‑klima—

41 Iżda kienu ħafna li mietu bix‑xjuħija; u dawk li mietu fil‑fidi ta’ Kristu jinsabu fil‑hena miegħu, kif nemmnu li jinsabu.