Skrittura
Alma 49


Kapitlu 49

L‑invażuri Lamaniti ma jirnexxilhomx jieħdu f’idejhom il‑bliet fortifikati ta’ Għammonija u Noè—Għamalikja jisħet lil Alla u jaħlef li jixrob demm Moroni—Ħelaman u ħutu jkomplu jsaħħu l‑Knisja. Madwar 72 Q.K.

1 U issa ġara li fil‑ħdax‑il xahar tas‑sena dsatax, fl‑għaxar jum tax‑xahar, l‑armati tal‑Lamaniti dehru resqin lejn l‑art ta’ Għammonija.

2 U araw, il‑belt reġgħet inbniet mill‑ġdid, u Moroni poġġa armata mal‑fruntieri tal‑belt, u madwarhom poġġew munzell ramel biex jipproteġihom mill‑vleġeġ u l‑ġebel tal‑Lamaniti; għax araw, huma kienu jiġġieldu permezz tal‑ġebel u l‑vleġeġ.

3 Araw, jien għidt li l‑belt ta’ Għammonija reġgħet inbniet mill‑ġdid. Jien ngħidilkom, iva, parti minnha reġgħet inbniet; u peress li darba l‑Lamaniti kienu qerduha minħabba l‑ħażen tal‑poplu, huma bdew jassumu li ma kienx se jkun diffiċli li jerġgħu jeħduha f’idejhom.

4 Iżda araw, kemm kien kbir id‑diżappunt tagħhom; għax araw, in‑Nefiti poġġew madwarhom munzell ramel, li tant kien għoli li l‑Lamaniti la setgħu jixħtulhom il‑ġebel u l‑vleġeġ, u lanqas ma setgħu jaħbtu għalihom, sakemm huma ma jagħmlux dan mill‑post tad‑daħla.

5 Issa did‑darba l‑kap kmandanti tal‑Lamaniti baqgħu mistagħġbin bil‑kbir, minħabba l‑għerf li n‑Nefiti wrew meta ħejjew il‑postijiet ta’ difiża tagħhom.

6 Issa l‑mexxejja tal‑Lamaniti bdew jassumu, minħabba li kienu daqstant numerużi, iva, huma bdew jassumu li huma kellhom il‑privileġġ li jaħbtu għalihom kif kienu għamlu qabel; iva, u huma ħejjew lilhom infushom ukoll permezz tat‑tarki, u l‑pettorali; u ħejjew lilhom infushom ukoll permezz ta’ lbies tal‑ġild, iva, ilbies mill‑aktar oħxon sabiex jgħattu l‑ġisem għeri tagħhom.

7 U għax ħejjew irwieħhom huma bdew jassumu li kien se jkun faċli li huma jegħlbu lil ħuthom u jixħtuhom taħt il‑madmad tal‑jasar, jew li joqtluhom u jimmassakrawhom kif jogħġob lilhom.

8 Iżda araw, b’għaġeb kbir għalihom, huma kienu jinsabu lesti għalihom, b’mod li ħadd ma kien ra qabel fost dawk li kienu ġejjin minn nisel Leħi. Issa huma kienu jinsabu lesti għal‑Lamaniti, biex jiġġieldulhom skont l‑ordni li jagħtihom Moroni.

9 U ġara li l‑Lamaniti, jew l‑Għamalikjaħiti, stagħġbu bil‑kbir għall‑mod kif huma ħejjew lilhom infushom għall‑gwerra.

10 Issa, kieku s‑sultan Għamalikja niżel mill‑art ta’ Nefi, bl‑armata tiegħu warajh, forsi kien jasal biex jordna lil‑Lamaniti biex jaħbtu għan‑Nefiti fil‑belt ta’ Għammonija; għax araw, demm niesu ma kien ifisser xejn għalih.

11 Iżda araw, Għamalikja nnifsu ma niżilx għall‑battalja. U araw, il‑kap kmandanti tiegħu m’azzardawx jaħbtu għan‑Nefiti fil‑belt ta’ Għammonija, għax Moroni bidel il‑pjan li kellu għan‑Nefiti, hekk li l‑Lamaniti ħarġu diżappuntati minħabba l‑postijiet fejn kienu mistoħbija u b’hekk ma setgħux jaħbtu għalihom.

12 Għalhekk huma rtiraw lejn ix‑xagħri, u qabdu l‑kamp tagħhom u mxew lejn l‑art ta’ Noè, għax bdew jassumu li dan kien l‑aħjar post fejn huma setgħu jaħbtu għan‑Nefiti.

13 Għax huma ma kinux jafu li Moroni kien iffortifika kull belt, jew aħjar kien bena fortizzi ta’ difiża għal kull belt fl‑art kollha tal‑madwar; għalhekk huma baqgħu mexjin lejn l‑art ta’ Noè b’determinazzjoni kbira; iva, il‑kap kmandanti tagħhom marru quddiemhom u ħadu ġurament li kienu sejrin jeqirdu lill‑poplu ta’ dik il‑belt.

14 Iżda araw, b’għaġeb kbir għalihom, il‑belt ta’ Noè, li sa dakinhar kienet post dgħajjef, issa, grazzi għal Moroni, saret belt b’saħħitha, iva, tant li hija saret aktar b’saħħitha mill‑belt ta’ Għammonija.

15 U issa, araw, din kienet mossa għaqlija min‑naħa ta’ Moroni; għax kien jemmen li huma kienu se jispiċċaw jinħakmu minn biża’ meta jaslu fil‑belt ta Għammonija; u peress li l‑belt ta’ Noè sa dakinhar kienet l‑aktar parti dgħajfa tal‑pajjiż, għalhekk huma kienu se jmorru biex jiġġieldu hemm; u kollox seħħ kif xtaq hu.

16 U araw, Moroni ħatar lil Leħi biex ikun kap kmandant fuq in‑nies ta’ dik il‑belt; u dan kien l‑istess Leħi li kien tqabad kontra l‑Lamaniti fil‑wied li kien jinsab fin‑naħa tal‑lvant tax‑xmara Sidon.

17 U issa, araw, ġara li meta l‑Lamaniti sabu li l‑belt kienet immexxija minn Leħi huma reġgħu bdew jaqtgħu qalbhom, għax kienu jibżgħu ferm minn Leħi; madankollu l‑kap kmandanti tagħhom ħalfu permezz ta’ ġurament li kienu lesti jattakkaw il‑belt; għalhekk huma ordnaw lill‑armati biex ikomplu sejrin.

18 Issa araw, il‑Lamaniti ma kellhom l‑ebda mod ieħor kif setgħu jidħlu fil‑fortizzi ta’ difiża tagħhom ħlief li jgħaddu mid‑daħla, minħabba l‑għoli tal‑ħajt tar‑ramel li huma kienu bnew, kif ukoll minħabba l‑foss daqstant fond li huma kienu ħaffru mad‑dawra kollha, ħlief għal fejn kien hemm id‑daħla.

19 U b’hekk in‑Nefiti kienu jinsabu lesti biex jeqirdu lil dawk kollha li jippruvaw jitilgħu mal‑forti, biex jidħlu minn x’imkien ieħor, billi jixħtulhom il‑ġebel u l‑vleġeġ.

20 B’hekk huma kienu jinsabu lesti, iva, bl‑aktar grupp ta’ rġiel b’saħħithom li kellhom, bix‑xwabel u l‑iżbandoli tagħhom, biex jidorbu lil dawk kollha li jippruvaw jidħlu fil‑post ta’ difiża tagħhom minn fejn kien hemm id‑daħla; u b’hekk huma kienu jinsabu lesti biex jiddefendu lilhom infushom kontra l‑Lamaniti.

21 U ġara li l‑kmandanti tal‑Lamaniti ħadu l‑armati tagħhom quddiem il‑post tad‑daħla, u bdew jiġġieldu man‑Nefiti, biex jippruvaw jidħlu fil‑post ta’ difiża tagħhom; iżda araw, minn ħin għall‑ieħor huma bdew jiġu mġiegħla jirtiraw, tant li huma sfaw maqtula f’taqtigħa mill‑aktar kbira.

22 Issa meta huma raw li ma setgħux jaqbdu lin‑Nefiti taħt idejhom min‑naħa tal‑passaġġ, huma bdew iħaffru l‑art ħalli jkunu jistgħu joħolqu passaġġ li minnu jgħaddu l‑armati tagħhom, biex huma jkollhom ċans daqshom biex jiġġieldu; iżda araw, fl‑attentati tagħhom huma sfaw meqruda permezz tal‑ġebel u l‑vleġeġ li bdew jinxteħtu fuqhom; u minflok mal‑fosos imtlew bir‑ramel tal‑art, bosta nħawi minnhom spiċċaw imtlew bil‑mejtin u l‑midrubin tagħhom.

23 B’hekk in‑Nefiti setgħu jikkontrollaw għal kollox lill‑għedewwa tagħhom; u l‑Lamaniti komplew jippruvaw jeqirdu lin‑Nefiti sakemm il‑kap kmandanti tagħhom inqatlu lkoll; iva, kien hemm aktar minn elf Lamanita li sfaw maqtula; filwaqt li mill‑banda l‑oħra, lanqas Nefita wieħed ma nqatel.

24 Kien hemm sewwasew madwar ħamsin li sfaw midruba, fejn huma kienu esposti għall‑vleġeġ tal‑Lamaniti minn fejn kien hemm il‑passaġġ, iżda huma pproteġew lilhom infushom permezz tat‑tarki tagħhom, u l‑pettorali u l‑elmi tagħhom, tant li huma ġarrbu bosta ġrieħi fuq riġlejhom, ħafna minnhom serji.

25 U ġara, li meta l‑Lamaniti raw li l‑kap kmandanti tagħhom inqatlu lkoll huma ħarbu lejn ix‑xagħri. U ġara li huma reġgħu lura lejn l‑art ta’ Nefi, biex jgħarrfu lis‑sultan tagħhom, Għamalikja, li kien Nefita mit‑twelid, dwar l‑għadd kbir fosthom li tilfu ħajjithom.

26 U ġara li huwa nkorla bil‑kbir għan‑nies tiegħu, peress li huwa ma rnexxilux iwettaq xewqtu li jsaltan fuq in‑Nefiti; huwa ma rnexxilux jixħethom taħt il‑madmad tal‑jasar.

27 Iva, huwa nkorla bis‑sħiħ, u seħet lil Alla, kif ukoll lil Moroni, u ħalef, permezz ta’ ġurament, li kien sejjer jixroblu demmu; u dan għaliex Moroni kien obda l‑kmandamenti ta’ Alla fejn huwa ħejja kollox b’mod tajjeb biex iħares lill‑poplu tiegħu.

28 U ġara li mill‑banda l‑oħra, in‑nies ta’ Nefi raddew ħajr lill‑Mulej Alla tagħhom, minħabba l‑qawwa bla qjies tiegħu fejn huwa ħelishom minn idejn l‑għedewwa tagħhom.

29 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena dsatax tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

30 Iva, u bdiet issaltan fosthom paċi kontinwa, u fil‑knisja kien hemm ġid kbir minħabba li, b’diliġenza kbira, huma taw widen għall‑kelma ta’ Alla, li ġiet imxandra lilhom minn Ħelaman, u Siblon, u Kurjantun, u Għammon u ħutu, iva, u minn dawk kollha li ġew ordnati permezz tal‑ordni mqaddsa ta’ Alla, u ġew mgħammdin għall‑indiema, u ġew mibgħuta biex ixandru l‑kelma fost il‑poplu.