Skrittura
Alma 56


Kapitlu 56

Ħelaman jibgħat ittra lil Moroni, fejn jiddeskrivilu l‑istat tal‑gwerra mal‑Lamaniti—Antipu u Ħelaman jiksbu rebħa kbira fuq il‑Lamaniti—L‑elfejn żagħżugħ ta’ Ħelaman jiġġieldu b’qawwa mirakoluża, u ħadd minnhom ma jinqatel. Vers 1, madwar 62 Q.K.; versi 2–19, madwar 66 Q.K.; u versi 20–57, madwar 65–64 Q.K.

1 U issa ġara li fil‑bidu tas‑sena tletin tas‑saltna tal‑imħallfin, fit‑tieni jum tal‑ewwel xahar, Moroni rċieva ittra mingħand Ħelaman, li fiha ddeskriva dak kollu relatat mal‑poplu f’dawk l‑inħawi tal‑pajjiż.

2 U dan huwa l‑kliem li huwa kiteb, fejn qal: Għażiż Moroni, ħija fil‑Mulej kif ukoll fil‑hemm li ġġib magħha l‑gwerra tagħna; ara, għażiż ħija, għandi xi ħaġa xi ngħidlek dwar il‑gwerra tagħna f’din in‑naħa tal‑pajjiż.

3 Ara, elfejn minn fost ulied l‑irġiel li Għammon ħareġ ’il barra mill‑art ta’ Nefi—issa inti kont taf li dawn kienu ġejjin minn nisel Laman, li kien it‑tifel il‑kbir ta’ missierna Leħi;

4 Issa jien m’għandix għalfejn noqgħod nirrakkontalek dwar twemminhom jew dwar in‑nuqqas ta’ fidi tagħhom, għax dan kollu inti tafu—

5 Għalhekk biżżejjed għalija li ngħidlek li elfejn żagħżugħ minn fost dawn iż‑żgħażagħ ħadu l‑armi tal‑gwerra f’idejhom, u riedu li jiena nkun il‑mexxej tagħhom; u aħna morna biex niddefendu lil pajjiżna.

6 U issa inti taf ukoll dwar il‑patt li għamlu missirijiethom, fejn huma ma kinux lesti jaqbdu b’idejhom l‑armi tal‑gwerra u jeħduha kontra ħuthom u jxerrdu d‑demm.

7 Iżda fis‑sena sitta u għoxrin, meta raw kemm konna qed nbatu u l‑hemm li konna għaddejjin minnu, huma kienu għoddhom se jiksru l‑patt li huma għamlu u kienu se jaqbdu f’idejhom l‑armi tal‑gwerra biex jiddefenduna.

8 Iżda jiena ma ridx inħallihom jiksru dan il‑patt li huma għamlu, għax kont nemmen li Alla lilna kien se jqawwina tant li ma jkollniex għalfejn nibqgħu nbatu aktar jekk huma jibqgħu leali lejn il‑ġurament li kienu ħadu.

9 Iżda ara, aħna għandna tassew għalfejn nithennew minħabba dil‑ħaġa. Għax ara, fis‑sena sitta u għoxrin, jiena, Ħelaman, imxejt quddiem dawn l‑elfejn żagħżugħ sal‑belt tal‑Lhudija, biex nassisti lil Antipu, li inti ħtart bħala mexxej tal‑poplu f’dik in‑naħa tal‑pajjiż.

10 U jiena ordnajt lill‑elfejn uliedi, (għax huma denji li jissejħu wliedi) biex jingħaqdu mal‑armata ta’ Antipu, u għal dan Antipu feraħ bil‑kbir għax l‑armata tiegħu issaħħet ferm aktar; għax ara, hi kienet ċkienet għax il‑Lamaniti, bil‑forzi kollha tagħhom, kienu qatlu bosta rġiel minn tagħna, u għal dan għandna tassew għalfejn nitnikktu.

11 Madankollu, nistgħu nikkonslaw irwieħna minħabba l‑fatt li huma mietu għall‑kawża ta’ pajjiżhom u ta’ Alla tagħhom, iva, u huma jinsabu kuntenti.

12 U l‑Lamaniti ħadu wkoll ħafna bħala priġunieri, kollha kemm huma kap kmandanti, u ma ħelsuha lil ħadd aktar mill‑mewt. U naħsbu li bħalissa huma jinsabu fl‑art ta’ Nefi; dejjem jekk huma ma nqatlux.

13 U issa dawn huma l‑ibliet li l‑Lamaniti ħadu f’idejhom billi xerrdu d‑demm ta’ bosta mill‑irġiel qalbiena tagħna.

14 L‑art ta’ Manti, jew il‑belt ta’ Manti, u l‑belt ta’ Żeżrom, u l‑belt ta’ Kumeni, u l‑belt ta’ Antipara.

15 U dawn huma l‑ibliet li huma kellhom f’idejhom meta jiena wasalt fil‑belt tal‑Lhudija; u jiena sibt lil Antipu u lil niesu jaħdmu qatigħ biex jiffortifikaw il‑belt.

16 Iva, u huma kienu mnikkta kemm fil‑ġisem kif ukoll fl‑ispirtu, għax huma kienu għaddew il‑jum jitqabdu b’kuraġġ u l‑lejl jaħdmu biex isaħħu bliethom; u b’hekk huma esperjenzaw kull tip ta’ tbatija.

17 U issa huma kienu determinati li jew jieħdu dan il‑post f’idejhom jew imutu; għalhekk tistgħu timmaġinaw kif din il‑forza żgħira li jiena ġibt miegħi, iva, dawn uliedi, imlewhom b’tama u b’hena mill‑aktar kbira.

18 U issa ġara li meta l‑Lamaniti raw li Antipu kien ġie mogħti aktar suldati biex isaħħaħ l‑armata tiegħu, huma ġew imġiegħla, b’ordni ta’ Għammoron, biex ma jaħbtux għall‑belt tal‑Lhudija, jew għalina.

19 U b’hekk aħna ġejna mberkin mill‑Mulej; għax li kieku huma ħabtu għalina fid‑dgħufija kollha tagħna jista’ jkun li kienu jeqirdu l‑armata żgħira tagħna; iżda b’hekk aħna ġejna mħarsa.

20 Huma kellhom ordni mingħand Għammoron biex jibqgħu iżommu f’idejhom l‑ibliet li kienu ħadu. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena sitta u għoxrin. U fil‑bidu tas‑sena sebgħa u għoxrin aħna konna ninsabu lesti biex niddefendu ’l beltna u lilna nfusna.

21 Issa aħna kellna x‑xewqa li l‑Lamaniti jiġu jaħbtu għalina; għax ma xtaqniex li aħna naħbtu għalihom ġol‑fortizzi tagħhom.

22 U ġara li aħna poġġejna l‑ispiji mad‑dawra kollha, biex isegwu l‑passi tal‑Lamaniti, ma jmorrux jgħaddu minn ħdejna mal‑lejl jew matul il‑jum, biex imorru jattakkaw l‑ibliet l‑oħra tagħna li kienu jinsabu fin‑naħa tat‑tramuntana.

23 Għax aħna konna nafu li f’dawk l‑ibliet ma kinux b’saħħithom biżżejjed biex jaffrontawhom; għalhekk xtaqna, li jekk huma jgħaddu minn ħdejna, aħna naħbtu għalihom minn wara, u b’hekk nattakkawhom minn wara waqt li jkunu qed jiġu attakkati minn quddiem. Aħna konna qed nimmaġinaw li stajna negħlbuhom; iżda ara, bqajna ddiżappuntati f’din ix‑xewqa tagħna.

24 Huma m’azzardawx jgħaddu minn ħdejna bl‑armata kollha tagħhom, lanqas b’parti minnha, għax beżgħu li ma kinux b’saħħithom biżżejjed u jispiċċaw jiġu megħluba.

25 Lanqas m’azzardaw jinżlu lejn il‑belt ta’ Żaraħemla; kif m’azzardawx lanqas jaqsmu mir‑ras tax‑xmara Sidon lejn il‑belt ta’ Nefija.

26 U b’hekk, bil‑forzi kollha tagħhom, kienu determinati li jibqgħu jżommu l‑ibliet li kienu ħadu f’idejhom.

27 U issa ġara li fit‑tieni xahar ta’ din is‑sena, aħna rċevejna bosta provvisti minn missirijiet dawk l‑elfejn uliedi.

28 U ntbagħtu għandna wkoll elfejn raġel mill‑art ta’ Żaraħemla. U b’hekk aħna konna ninsabu preparati b’għaxart elef raġel, u bil‑provvisti għalihom, għal marthom u għal uliedhom.

29 U l‑Lamaniti, li bdew jaraw il‑forzi tagħna jiżdiedu kuljum, u l‑provvisti jaslu għandna biex jgħinuna, bdew jibżgħu, u bdew ifittxu kif setgħu jaħbtu għalina ħabta u sabta, jekk dan kien iwassal biex aħna ma nkomplux nirċievu l‑provvisti u nissaħħu aktar.

30 Issa meta aħna rajna li l‑Lamaniti bdew iħossuhom skomdi dwar dil‑ħaġa, ħassejna fina x‑xewqa li nużaw magħhom strataġemma; għalhekk Antipu ordna biex jien nerħilha flimkien ma’ wliedi ż‑żgħar lejn belt fil‑qrib, bħallikieku konna qed inġorru l‑provvisti lejn belt fil‑qrib.

31 U aħna kellna ngħaddu qrib il‑belt ta’ Antipara, bħallikieku konna se nibqgħu sejrin sa belt oħra lil hinn minnha, fil‑fruntieri ma’ xatt il‑baħar.

32 U ġara li aħna tlaqna, bħallikieku konna qed inġorru l‑provvisti tagħna, biex immorru f’dik il‑belt.

33 U ġara li Antipu telaq fi triqtu flimkien ma’ parti mill‑armata tiegħu, u l‑bqija ħallihom warajh biex jibqgħu jieħdu ħsieb il‑belt. Iżda hu ma telaqx qabel ma l‑ewwel tlaqt jiena flimkien mal‑armata żgħira tiegħi, u jien wasalt qrib il‑belt ta’ Antipara.

34 U issa, fil‑belt ta’ Antipara kien hemm stazzjonati l‑aktar armata b’saħħitha tal‑Lamaniti; iva, l‑aktar waħda numeruża.

35 U ġara li meta l‑ispiji tagħhom għaddewlhom l‑informazzjoni, huma ġew flimkien mal‑armati tagħhom u bdew resqin biex jaħbtu għalina.

36 U ġara li aħna ħrabna minn quddiemhom, lejn in‑naħa tat‑tramuntana. U b’hekk begħidna minn hemm l‑aktar armata b’saħħitha tal‑Lamaniti;

37 Iva, ħadnihom sa post imbiegħed mhux ħażin, tant li meta huma raw l‑armata ta’ Antipu miexja warajhom, bil‑qawwa kollha tagħha, huma la rħewlha lejn il‑lemin u lanqas lejn ix‑xellug, iżda komplew mexjin dritt warajna; u nassumu li l‑intenzjoni tagħhom kienet li joqtluna qabel jilħaqhom Antipu, u dan biex huma ma jispiċċawx iċċirkondati min‑nies tagħna.

38 U issa Antipu, meta ra x’periklu konna fih, ordna lill‑membri tal‑armata tiegħu biex iħaffu l‑pass tagħhom. Iżda ara, kien billejl; għalhekk huma ma laħquniex, u lanqas Antipu ma laħaqhom; għalhekk aħna waqqafna l‑kamp tagħna għal matul il‑lejl.

39 U ġara li qabel sebaħ, il‑Lamaniti kienu diġà bdew mexjin warajna. Issa aħna ma konniex b’saħħitna biżżejjed biex naffrontawhom; iva, jien ma ridtx li ż‑żgħar uliedi jispiċċaw jaqgħu f’idejhom; għalhekk aħna komplejna mexjin, u ġbidna lejn ix‑xagħri.

40 Issa huma m’azzardawx iduru la lejn il‑lemin u lanqas lejn ix‑xellug ma jmorrux jispiċċaw iċċirkondati; u lanqas jiena ma ridt indur lejn il‑lemin jew lejn ix‑xellug ma jmorrux jilħquna, u ma nkunux kapaċi naffrontawhom, u jispiċċaw joqtluna, u jirnexxielhom jaħarbu; għalhekk għaddejna l‑jum kollu niġru qalb ix‑xagħri, sewwasew sakemm dalam.

41 U ġara li għal darb’oħra, meta sebaħ aħna rajna lil‑Lamaniti resqin lejna, u ħrabna minn quddiemhom.

42 Iżda ġara li huma ma baqgħux mexjin warajna wisq meta waqfu jsegwuna; u kienet l‑għodwa tat‑tielet jum tas‑seba’ xahar.

43 U issa, jekk huma ġewx milħuqa minn Antipu jew le ma nafux, iżda jien għidt lin‑nies tiegħi: Araw, aħna ma nafux, iżda naħsbu li huma waqfu bil‑għan li aħna mmorru naffrontawhom, ħalli jkunu jistgħu jaqbduna fin‑nasba tagħhom;

44 Għalhekk xi tgħidu, uliedi, intom lesti tmorru tiġġieldu kontrihom?

45 U issa jiena ngħidlek, għażiż ħija Moroni, li kuraġġ kbir daqs tagħhom fost in‑Nefiti kollha qatt ma rajt.

46 Għax kif jien dejjem sejjaħtilhom uliedi (għax ilkoll kemm huma kienu għadhom tassew żgħar) anke huma qaluli: Missier, ara Alla tagħna jinsab magħna, u hu se jara li aħna ma niġux megħluba; għalhekk ħallina mmorru; aħna m’aħniex se noqtlu lil ħutna jekk iħalluna bi kwietna; għalhekk ħallina mmorru, ma jmorrux jegħlbu l‑armata ta’ Antipu.

47 Issa huma qatt ma kienu ġġieldu qabel, madankollu ma beżgħux mill‑mewt; u kien jimpurtahom aktar mil‑libertà ta’ missirijiethom milli minn ħajjithom; iva, huma kienu ġew mgħallmin minn ommhom, li jekk ma jiddubitawx, Alla kien se jeħlishom.

48 U huma tennewli kliem ommhom, u qalu: Aħna ma niddubitawx li ommijietna kienu jafu dan.

49 U ġara li jiena erġajt lura flimkien mal‑elfejn żagħżugħ tiegħi biex naffrontaw lil dawn il‑Lamaniti li mxew warajna. U issa ara, huma ġew milħuqa mill‑armati ta’ Antipu, u ngħata bidu għal battalja tal‑biża’.

50 L‑armata ta’ Antipu li nħakmet minn għeja, minħabba l‑mixja twila li mxew fi żmien daqstant qasir, kienet għoddha waqgħet f’idejn il‑Lamaniti; u li kieku jien ma mortx lura mal‑elfejn żagħżugħ tiegħi huma kienu jilħqu l‑għan tagħhom.

51 Għax Antipu kien nqatel permezz tax‑xabla, u l‑istess ħafna mill‑mexxejja tiegħu, peress li kellhom fuqhom għeja kbira, minħabba l‑pass mgħaġġel li mxew bih—għalhekk in‑nies ta’ Antipu, li tħawdu minħabba li l‑mexxejja tagħhom sfaw megħluba, bdew jirtiraw minn quddiem il‑Lamaniti.

52 U ġara li l‑Lamaniti qawwew qalbhom, u marru warajhom; u b’hekk il‑Lamaniti bdew isegwuhom bl‑enerġija kollha tagħhom meta Ħelaman mar jaffrontahom min‑naħa ta’ wara flimkien mal‑elfejn żagħżugħ tiegħu, u huma tant bdew joqtlu minnhom li l‑armata kollha tal‑Lamaniti waqfet u daret lejn Ħelaman.

53 Issa meta n‑nies ta’ Antipu raw li l‑Lamaniti tawhom daharhom, huma ġabru flimkien l‑irġiel tagħhom u reġgħu ħabtu għal‑Lamaniti min‑naħa ta’ wara.

54 U issa ġara li aħna, in‑nies ta’ Nefi, in‑nies ta’ Antipu, u jien flimkien mal‑elfejn żagħżugħ tiegħi, dawwarna lil‑Lamaniti minn kull naħa, u qtilnihom; iva, tant li huma kienu mġiegħla jagħtuna l‑armi tal‑gwerra u lilhom infushom bħala priġunieri tal‑gwerra.

55 U issa ġara li meta huma taw lilhom infushom f’idejna, ara, jiena bdejt ngħodd lill‑ġuvintur li kienu qed jiġġieldu miegħi, għax bżajt li kien hemm ħafna minnhom li sfaw maqtula.

56 Iżda ara, x’hena kbira ħassejt fija meta sibt li lanqas ruħ waħda ma spiċċat mixħuta fl‑art; iva, u huma tqabdu bħallikieku kellhom magħhom il‑qawwa ta’ Alla; iva, ma naħsibx li qatt kien hawn nies li ġġieldu b’daqstant qawwa mirakoluża; u huma ħabtu għal‑Lamaniti b’qawwa mill‑aktar kbira, li wassluhom biex jinħakmu mill‑biża’; u kien għalhekk li l‑Lamaniti taw lilhom infushom bħala priġunieri tal‑gwerra.

57 U peress li aħna ma kellna l‑ebda post għall‑priġunieri tagħna minfejn stajna ngħassu fuqhom biex inżommuhom ’il bogħod mill‑armati tal‑Lamaniti, għalhekk aħna bgħatniehom fl‑art ta’ Żaraħemla, u bgħatna magħhom ukoll uħud minn dawk l‑irġiel li ma ġewx maqtula minn Antipu; u l‑bqija jiena ħadthom u tlabthom jingħaqdu maż‑żgħażagħ Għammonin tiegħi, u erħejnielha lejn il‑belt tal‑Lhudija.