Skrittura
Alma 57


Kapitlu 57

Ħelaman jitkellem dwar il‑konkwista ta’ Antipara u ċ‑ċediment u aktar tard id‑difiża ta’ Kumeni—Il‑ġuvintur Għammonin tiegħu jiġġieldu b’kuraġġ; ilkoll jispiċċaw midruba, iżda ħadd minnhom ma jinqatel—Gid jirrapporta l‑qtil u l‑ħarba tal‑priġunieri Lamaniti. Madwar 63 Q.K.

1 U issa ġara li jiena rċevejt ittra mingħand Għammoron, is‑sultan, fejn huwa ddikjara li jekk jiena ngħaddilu lill‑priġunieri tal‑gwerra li aħna żammejna għandna huwa jagħtina lura l‑belt ta’ Antipara.

2 Iżda jiena bgħatt ittra lis‑sultan, fejn għidtlu li aħna konna ninsabu ċerti li l‑forzi tagħna kienu biżżejjed biex aħna nieħdu f’idejna l‑belt ta’ Antipara bil‑qawwa tagħna; u jekk aħna npartu l‑priġunieri ma’ dik il‑belt, nistgħu nqisu lilna nfusna bħala nies bla għaqal, li ngħidu biss li lesti li npartu l‑priġunieri tagħna.

3 U Għammoron ma laqax il‑proposta tal‑ittra tiegħi, għax huwa ma riedx li jkun hemm tpartit ta’ priġunieri; għalhekk aħna bdejna nħejju biex naħbtu għall‑belt ta’ Antipara.

4 Iżda n‑nies ta’ Antipara telqu mill‑belt, u ħarbu lejn l‑ibliet l‑oħra tagħhom, li kienu jinsabu f’idejhom, biex jiffortifikawhom; u b’hekk il‑belt ta’ Antipara waqgħet f’idejna.

5 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmienja u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin.

6 U ġara li fil‑bidu tas‑sena disgħa u għoxrin, aħna rċevejna konsenja ta’ provvisti, kif ukoll żieda ta’ aktar nies għall‑armata tagħna, mill‑art ta’ Żaraħemla, u mill‑art tal‑madwar, li kienu jgħoddu mas‑sitt elef raġel, minbarra sittin oħra minn ulied l‑Għammonin li ġew biex jingħaqdu ma’ ħuthom, mat‑tajfa żgħira tiegħi komposta minn elfejn raġel. U issa ara, aħna sirna b’saħħitna, iva, u rċevejna wkoll bosta provvisti.

7 U ġara li kienet ix‑xewqa tagħna li nidħlu f’battalja mal‑armata li tpoġġiet biex tipproteġi l‑belt ta’ Kumeni.

8 U issa ara, jien se nurikom li aħna mhux se ndumu wisq biex naqtgħu xewqitna; iva, bil‑forza mill‑aktar b’saħħitha tagħna, jew b’parti mill‑forza b’saħħitha tagħna, aħna ċċirkondajna l‑belt ta’ Kumeni, ftit qabel ma’ huma waslu biex jirċievu konsenja ta’ provvisti.

9 U ġara li aħna waqqafna l‑kamp tagħna madwar il‑belt u domna hemm bosta ljieli; iżda aħna rqadna bix‑xwabel tagħna ħdejna, u ħallejna l‑għassa, ma jmorrux il‑Lamaniti jidħlu fuqna mal‑lejl u joqtluna, kif ippruvaw jagħmlu ħafna drabi; iżda kull darba li huma ppruvaw jagħmlu dan demmhom ġie mxerred.

10 Fl‑aħħar il‑provvisti tagħhom waslu, u huma kienu sejrin jidħlu fil‑belt mal‑lejl. U minflok ma sabu l‑Lamaniti jilqgħuhom, sabu lilna n‑Nefiti; għalhekk, aħna qbadnihom f’idejna flimkien mal‑provvisti tagħhom.

11 U minkejja li l‑Lamaniti ġew imċaħħda mill‑provvisti tagħhom, huma xorta waħda kienu determinati li jżommu l‑belt f’idejhom; għalhekk kien jaqbel li aħna naqbdu dawk il‑provvisti u nibagħtuhom il‑Lhudija u l‑priġunieri tagħna nibagħtuhom fl‑art ta’ Żaraħemla.

12 U ġara li ma kinux għaddew wisq jiem meta l‑Lamaniti bdew jitilfu kull tama li jiksbu xi għajnuna; għalhekk huma għaddew il‑belt f’idejna; u b’hekk aħna ksibna l‑għanijiet tagħna billi ħadna f’idejna l‑belt ta’ Kumeni.

13 Iżda ġara li l‑għadd ta’ priġunieri tagħna tant kien kbir li minkejja l‑enormità tas‑suldati tagħna, aħna kellna bilfors nużaw il‑forzi tagħna kollha biex joqogħdu għassa magħhom, jew biex ineħħulhom ħajjithom.

14 Għax ara, huma bdew jippruvaw jaħarbu fi gruppi kbar, u bdew jiġġieldu bil‑ġebel, u bil‑lembubi, jew b’kull ħaġa oħra li setgħu jaqbdu f’idejhom, tant li aħna spiċċajna qtilna ’l fuq minn elfejn minnhom wara li huma taw lilhom infushom bħala priġunieri tal‑gwerra.

15 Għalhekk kien jaqbel għalina li nneħħulhom ħajjithom, jew li nibqgħu għassa magħhom, bix‑xabla f’idejna, sakemm ninżlu fl‑art ta’ Żaraħemla; u anke l‑provvisti tagħna ma kinux aktar suffiċjenti għan‑nies tagħna, minkejja dak li ħadna mingħand il‑Lamaniti.

16 U issa, f’dan il‑mument kritiku, din il‑kwistjoni saret ħaġa mill‑aktar serja fejn aħna kellna naraw x’se naqbdu nagħmlu b’dawn il‑priġunieri tal‑gwerra; madankollu, iddeċidejna li nibagħtuhom lejn l‑art ta’ Żaraħemla; għalhekk aħna għażilna ftit mill‑irġiel tagħna, u tajnihom ir‑responsabbiltà li jieħdu l‑priġunieri tagħna lejn l‑art ta’ Żaraħemla.

17 Iżda ġara li l‑għada huma ġew lura. U issa ara, aħna ma staqsejnihom xejn dwar il‑priġunieri; għax ara, il‑Lamaniti kienu qed jaħbtu għalina, u huma ġew fil‑ħin biex jeħilsuna milli naqgħu f’idejhom. Għax ara, Għammoron, biex jgħinhom, bagħatilhom konsenja ġdida ta’ provvisti u armata mill‑aktar numeruża.

18 U ġara li dawk l‑irġiel li aħna bgħatna mal‑priġunieri waslu fil‑ħin biex iwaqqfuhom, għax kienu għoddhom se jegħlbuna.

19 Iżda ara, l‑elfejn u sittin ruħ li kienu jagħmlu parti mit‑tajfa żgħira tiegħi bdew jitqabdu b’qilla liema bħalha; iva, huma bdew jaffrontaw lil‑Lamaniti b’kuraġġ, u qatlu lil dawk kollha li ħaduha magħhom.

20 U hekk kif il‑bqija tal‑armata tagħna kienu se jċedu quddiem il‑Lamaniti, ara, dawk l‑elfejn u sittin baqgħu sodi u determinati.

21 Iva, u huma obdew u raw li jwettqu kull ordni sal‑anqas dettall; iva, u kollox ingħatalhom skont il‑fidi tagħhom; u jiena ftakart fil‑kliem li huma qaluli li ommijiethom kienu għallmuhom.

22 U issa ara, huma dawn uliedi, u dawk l‑irġiel li ġew magħżula biex jittrasportaw lill‑priġunieri, li lejhom għandna nkunu grati għal din ir‑rebħa kbira; għax kienu huma li għelbu lil‑Lamaniti; għalhekk huma ġew mġiegħla jerġgħu lura lejn il‑belt ta’ Manti.

23 U aħna żammejna f’idejna l‑belt tagħna ta’ Kumeni, u ma ġejniex meqrudin ilkoll permezz tax‑xabla; madankollu, kienu ħafna fostna li tilfu ħajjithom.

24 U ġara li wara li l‑Lamaniti ħarbu, jiena dlonk tajt ordni biex l‑irġiel tiegħi li sfaw midruba kellhom jittieħdu minn fost il‑mejtin, u ordnajt sabiex il‑ġrieħi tagħhom jiġu nfaxxati.

25 U ġara li kien hemm mitejn suldat, minn fost l‑elfejn u sittin suldat tiegħi, li ntilfu minn sensihom minħabba t‑telfien ta’ demm; madankollu, grazzi għat‑tjubija ta’ Alla, li wasslitna biex nibqgħu miblugħin bil‑għaġeb, kif ukoll biex l‑armata kollha tagħna tithenna, lanqas ruħ waħda fosthom ma nqerdet; iva, u lkoll kemm huma sofrew bosta ġrieħi.

26 U issa, il‑ħarsien tagħhom kien xi ħaġa li għaġġbet l‑armata kollha tagħna, iva, li huma spiċċaw ħelsuha waqt li elf minn ħutna sfaw maqtula. U aħna ġustament nattribwixxu dan għall‑qawwa mirakoluża ta’ Alla, minħabba l‑fidi mill‑aktar kbira tagħhom f’dak li kienu ġew mgħallma li għandhom jemmnu—li kien hemm Alla ġust, u li dawk kollha li ma jiddubitawx, jiġu mħarsa permezz tal‑qawwa tal‑għaġeb tiegħu.

27 Issa din kienet il‑fidi ta’ dawn li jiena tkellimt dwarhom; huma għadhom żgħar, u ma joqogħdux ibiddlu ħsibijiethom, u huma jafdaw f’Alla l‑ħin kollu.

28 U issa ġara li wara li aħna dorna bl‑irġiel midruba tagħna, u dfinna l‑mejtin tagħna kif ukoll il‑mejtin tal‑Lamaniti, li kienu ħafna, ara, aħna staqsejna lil Gid dwar il‑priġunieri li kienu bdew neżlin magħhom lejn l‑art ta’ Żaraħemla.

29 Issa Gid kien il‑kap kmandant tat‑tajfa, li kien inħatar biex jgħasses fuqhom sakemm jaslu f’dik l‑art.

30 U issa, dan huwa l‑kliem li qalli Gid: Ara, aħna bdejna neżlin lejn l‑art ta’ Żaraħemla flimkien mal‑priġunieri tagħna. U ġara li aħna ltqajna mal‑ispiji tal‑armati tagħna, li kienu ġew mibgħuta biex iħarsu l‑kamp tal‑Lamaniti.

31 U huma għajtulna u qalulna—Araw, l‑armati tal‑Lamaniti jinsabu resqin lejn il‑belt ta’ Kumeni; u araw, huma se jaħbtu għalihom, iva, u se jeqirdu lin‑nies tagħna.

32 U ġara li l‑priġunieri tagħna semgħu l‑għajjat tagħhom, u dan wassalhom biex huma jimtlew bil‑kuraġġ; u huma qamu kontrina.

33 U ġara li minħabba l‑irvell tagħhom aħna kellna nużaw ix‑xwabel tagħna fuqhom. U ġara li huma taw salt f’daqqa għal fuq ix‑xwabel tagħna, u f’dak il‑mument, bosta minnhom spiċċaw inqatlu; u l‑bqija rnexxielhom jiżgiċċaw u jaħarbu minn ħdejna.

34 U ara, meta huma ħarbu u rajna li ma stajniex nilħquhom, aħna tlaqna ngħaġġlu lejn il‑belt ta’ Kumeni; u ara, aħna wasalna fil‑ħin biex stajna nassistu lil ħutna fil‑ħarsien tal‑belt.

35 U ara, aħna erġajna ġejna meħlusa minn idejn l‑għedewwa tagħna. U jkun imbierek isem Alla tagħna; għax ara, huwa hu li ħelisna; iva, li wettaq għalina din il‑ħaġa daqstant kbira.

36 Issa ġara li meta jiena, Ħelaman, smajt dan il‑kliem li qalli Gid, imtlejt b’hena mill‑aktar kbira minħabba t‑tjubija ta’ Alla li ħarisna, biex ma ninqerdux ilkoll kemm aħna; iva, u nemmen li l‑erwieħ ta’ dawk li nqatlu kisbu l‑mistrieħ ta’ Alla tagħhom.