Kapitlu 58
Ħelaman, Gid, u Teomner jieħdu f’idejhom il‑belt ta’ Manti permezz ta’ strataġemma—Il‑Lamaniti jirtiraw—L‑ulied subien tan‑nies ta’ Għammon jiġu mħarsa hekk kif huma jibqgħu sodi fid‑difiża tal‑libertà u l‑fidi tagħhom. Madwar 63–62 Q.K.
1 U ara, issa ġara li l‑għan tagħna li jmiss kien li aħna niksbu f’idejna l‑belt ta’ Manti; iżda ara, ma kien hemm l‑ebda mod kif aħna stajna noħorġuhom ’il barra mill‑belt permezz tat‑tajfiet żgħar tagħna. Għax ara, huma ftakru f’dak li aħna konna għamilna qabel; għalhekk aħna bl‑ebda mod ma stajna nħajruhom biex huma joħorġu minn ġewwa l‑fortizzi tagħhom.
2 U huma kienu ferm aktar numerużi mill‑armata tagħna, hekk li aħna ma ssugrajniex immorru u naħbtu għalihom ġol‑fortizzi tagħhom.
3 Iva, u kien jaqbel li aħna nħallu l‑irġiel tagħna jkomplu jiddefendu dawk l‑inħawi tal‑art li aħna erġajna ħadna f’idejna; għalhekk kien jaqbel li nkomplu nistennew, ħalli nkunu nistgħu nirċievu aktar nies mill‑art ta’ Żaraħemla kif ukoll konsenja ġdida ta’ provvisti.
4 U ġara li għalhekk jiena bgħatt messaġġier għand il‑gvernatur ta’ artna, biex ninfurmah bis‑sitwazzjoni tal‑poplu tagħna. U ġara li aħna bqajna nistennew biex nirċievu l‑provvisti u aktar nies mill‑art ta’ Żaraħemla.
5 Iżda ara, dan ftit li xejn kien ta’ siwi għalina; għax il‑Lamaniti wkoll minn jum għall‑ieħor bdew jirċievu aktar nies, kif ukoll għadd ta’ provvisti; u din kienet is‑sitwazzjoni li konna fiha f’dan il‑perjodu ta’ żmien.
6 U minn żmien għall‑ieħor il‑Lamaniti bdew jaħbtu għalina ħabta u sabta, u bdew jirrisolvu għal strataġemma biex jeqirduna; madankollu aħna ma stajniex immorru naffrontawhom, minħabba l‑postijiet fejn kienu qed jistaħbew u l‑fortizzi tagħhom.
7 U ġara li aħna għamilna xhur sħaħ nistennew f’dawn iċ‑ċirkustanzi diffiċli, sewwasew sakemm konna għoddna se ninqerdu minħabba nuqqas ta’ ikel.
8 Iżda ġara li aħna rċevejna l‑ikel, li ngħata lilna bħala għajnuna minn armata ta’ elfejn raġel; u din hi l‑għajnuna kollha li aħna rċevejna, biex inkunu nistgħu niddefendu lilna nfusna u lil pajjiżna milli jaqgħu f’idejn l‑għedewwa tagħna, iva, biex inkunu nistgħu naffrontaw għadu li l‑għadd tiegħu ma jingħaddx.
9 U issa għalfejn aħna spiċċajna f’din is‑sitwazzjoni imbarazzanti, jew għalfejn ma bagħtulniex aktar nies, ma nafuhiex; għalhekk aħna mtlejna bin‑niket u bil‑biża’, ma tmurx artna tintlaqat b’xi mod mill‑kastigi ta’ Alla, u dan iwassal għall‑waqgħa u l‑qerda sħiħa tagħna.
10 Għalhekk aħna ftaħna qalbna fit‑talb ma’ Alla, biex huwa jsaħħaħna u jeħlisna minn idejn l‑għedewwa tagħna, iva, u jagħtina wkoll il‑qawwa li nkunu nistgħu nibqgħu nżommu f’idejna blietna, u artijietna, u ġidna, biex inkunu nistgħu nsostnu lill‑poplu tagħna.
11 Iva, u ġara li l‑Mulej Alla tagħna ġie jżurna bil‑wegħda li huwa kien se jeħlisna; iva, hekk li huwa wasslilna messaġġ ta’ paċi f’ruħna, u mliena b’fidi kbira, u wassalna biex aħna nittamaw għall‑ħelsien tagħna fih.
12 U aħna għamilna l‑kuraġġ bil‑ftit nies li konna rċevejna, u konna determinati li konna sejrin negħlbu l‑għedewwa tagħna, u nibqgħu nżommu taħt idejna artijietna, u ġidna, u lin‑nisa tagħna, u lil uliedna, u l‑kawża tal‑libertà tagħna.
13 U għalhekk aħna morna bil‑qawwa tagħna kollha kontra l‑Lamaniti, li kienu fil‑belt ta’ Manti; u aħna tellajna t‑tined tagħna fin‑naħa tax‑xagħri, li kienet tinsab qrib il‑belt.
14 U ġara li filgħodu, hekk kif il‑Lamaniti raw li aħna konna ninsabu fil‑fruntiera ħdejn ix‑xagħri li kien hemm qrib il‑belt, huma bagħtu l‑ispiji tagħhom madwarna biex ikunu jistgħu jiskopru l‑kobor u l‑qawwa tal‑armata tagħna.
15 U ġara li meta huma raw li aħna ma konniex b’saħħitna, skont il‑kobor tagħna, u għax beżgħu li aħna stajna niżolawhom mis‑sapport li kellhom jekk huma ma jiġux biex jaħbtu għalina u joqtluna, kif ukoll għax ħasbu li kien se jkun faċli li jeqirduna bl‑eżerċti numerużi tagħhom, għalhekk huma bdew iħejju biex jiġu ħalli jiġġieldu kontrina.
16 U meta aħna rajna li huma kienu qed iħejju biex jiġu jaħbtu għalina, ara, jien ordnajt biex Gid, flimkien ma’ numru żgħir ta’ rġiel, għandhom imorru jinħbew fix‑xagħri, u Teomner u numru żgħir ta’ rġiel għandhom imorru wkoll jinħbew ukoll fix‑xagħri.
17 Issa Gid u n‑nies tiegħu kienu jinsabu fuq in‑naħa tal‑lemin u l‑oħrajn fuq in‑naħa tax‑xellug; u meta huma marru jistaħbew, ara, jiena bqajt, mal‑bqija tal‑armata tiegħi, fl‑istess post fejn qabel konna tellajna t‑tined tagħna bi tħejjija għal meta l‑Lamaniti jiġu jiġġieldu kontrina.
18 U ġara li l‑Lamaniti ġew għalina bl‑armata mill‑aktar numeruża tagħhom. U meta huma ġew u kienu għoddhom se jaqbdu jattakkawna bix‑xwabel tagħhom, jien ordnajt biex in‑nies tiegħi, dawk li kienu miegħi, jirtiraw lejn ix‑xagħri.
19 U ġara li l‑Lamaniti ġew warajna b’ħeffa liema bħalha, għaliex huma kellhom xewqa kbira li jilħquna ħalli jkunu jistgħu joqtluna; għalhekk huma baqgħu ġejjin warajna fix‑xagħri; u aħna għaddejna minn bejn Gid u Teomner, b’tali mod li l‑Lamaniti ma ndunawx bihom.
20 U ġara li meta l‑Lamaniti għaddew minn hemm, jew meta l‑armata għaddiet minn hemm, Gid u Teomner qamu minn fejn kienu mistoħbija, u waqqfu l‑ispiji tal‑Lamaniti milli jkomplu sejrin ħalli huma ma jerġgħux lura fil‑belt.
21 U ġara li meta huma waqqfuhom milli jkomplu sejrin fi triqthom, huma ġrew lejn il‑belt u ħabtu għall‑għassiesa li kienu għadhom jgħassu l‑belt, hekk li huma spiċċaw qatluhom u ħadu f’idejhom il‑belt.
22 Issa dan ġara għaliex il‑Lamaniti ħallew l‑armata kollha tagħhom, għajr għal ftit għassiesa, titmexxa lejn ix‑xagħri.
23 U ġara li b’dan il‑mod Gid u Teomner ħadu f’idejhom il‑fortizzi tagħhom. U ġara li wara żmien twil nivvjaġġaw fix‑xagħri, aħna erħejnielha lejn l‑art ta’ Żaraħemla.
24 U meta l‑Lamaniti raw li huma kienu mexjin lejn l‑art ta’ Żaraħemla, huma mtlew b’biża’ mill‑aktar kbira, għax beżgħu li tfassal xi pjan li seta’ jwassalhom għall‑qerda tagħhom; għalhekk huma għal darb’oħra bdew jirtiraw lejn ix‑xagħri, iva, huma marru lura mill‑istess triq li kienu ġew minnha.
25 U ara, kien billejl u huma waqqfu t‑tined tagħhom, għax il‑kap kmandanti tal‑Lamaniti bdew jassumu li n‑Nefiti kienu għajjenin minħabba t‑triq li ħadu; u għax bdew jassumu li huma kienu ġegħlu l‑armata kollha tagħhom tirtira għalhekk ma qagħdux jinkwetaw dwar il‑belt ta’ Manti.
26 Issa ġara li meta wasal il‑lejl, jiena ordnajt lin‑nies tiegħi biex ma jorqdux, iżda tlabthom biex jibqgħu mexjin lejn l‑art ta’ Manti u jgħaddu minn triq oħra.
27 U minħabba li aħna għaddejna l‑lejl nimxu, ara, l‑għada konna qtajna lil‑Lamaniti waħda sew, tant li wasalna qabilhom fil‑belt ta’ Manti.
28 U b’hekk ġara li, permezz ta’ din l‑istrataġemma aħna ħadna f’idejna l‑belt ta’ Manti mingħajr ebda tixrid ta’ demm.
29 U ġara li meta l‑armati tal‑Lamaniti waslu qrib il‑belt, u raw li aħna konna ninsabu lesti biex naffrontawhom, huma stagħġbu bil‑kbir u nħakmu minn biża’ kbira, tant li huma spiċċaw ħarbu lejn ix‑xagħri.
30 Iva, u ġara li l‑armati tal‑Lamaniti ħarbu ’l barra minn kull parti ta’ din in‑naħa tal‑pajjiż. Iżda ara, huma ħadu magħhom bosta nisu u tfal ’il barra mill‑pajjiż.
31 U dawk l‑ibliet li kienu ttieħdu mil‑Lamaniti, ilkoll kemm huma bħalissa jinsabu f’idejna; u missirijietna u n‑nisa tagħna u wliedna qed jerġgħu jirritornaw lura fi djarhom, kollha kemm huma għajr dawk li kienu ttieħdu priġunieri mil‑Lamaniti.
32 Iżda ara, l‑armati tagħna huma żgħar biex aħna nibqgħu nżommu f’idejna numru daqshekk kbir ta’ bliet u daqstant ġid.
33 Iżda ara, aħna nafdaw f’Alla li wassalna biex nirbħu dawk l‑artijiet, hekk li aħna ħadna f’idejna dawk l‑ibliet u dawk l‑artijiet, li kienu tagħna.
34 Issa aħna ma nafux għalfejn il‑gvern mhux lest jagħtina aktar nies; lanqas dawk l‑irġiel li ġew għandna ma jafu għalfejn aħna ma ġejniex mogħtija aktar nies.
35 Ara, aħna nassumu li intom ma tantx qed ikollkom wisq suċċess, u ħadtu lill‑forzi kollha f’dik in‑naħa tal‑pajjiż; jekk hu hekk, ma nixtiequx li noqogħdu nilmentaw.
36 U jekk mhux hekk, ara, nissuspettaw li hemm ċertu nuqqas ta’ qbil fil‑gvern, u dan qed iwassal biex huma ma jibagħtux aktar irġiel biex jgħinuna; għax nafu li huma aktar numerużi min‑nies li bagħtulna.
37 Iżda, ara, ma tagħmilx differenza—aħna nafdaw li Alla sejjer jeħlisna, minkejja d‑dgħufija tal‑armati tagħna, iva, u huwa sejjer jeħlisna minn idejn l‑għedewwa tagħna.
38 Ara, ninsabu fl‑aħħar tas‑sena disgħa u għoxrin, u għandna f’idejna artijietna; u l‑Lamaniti ħarbu lejn l‑art ta’ Nefi.
39 U dawk ulied in‑nies ta’ Għammon, li dwarhom tkellimt b’daqstant ammirazzjoni, jinsabu miegħi fil‑belt ta’ Manti; u l‑Mulej kien ta’ sostenn għalihom, iva, u ma ħallihomx imutu permezz tax‑xabla, hekk li lanqas ruħ waħda ma nqatlet.
40 Iżda ara, huma ġarrbu bosta ġrieħi; madankollu huma jżommu sħiħ f’dik il‑libertà li permezz tagħha Alla tahom il‑ħelsien; u minn jum għal jum huma jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom bir‑reqqa; iva, huma jaraw li jħarsu bla heda l‑preċetti tiegħu, u d‑digrieti tiegħu, u l‑kmandamenti tiegħu; u l‑fidi tagħhom fil‑profeziji li jikkonċernaw dak li għandu jseħħ hija b’saħħitha.
41 U issa, għażiż ħija, Moroni, jalla l‑Mulej Alla tagħna, li fdiena u tana ħielsa, iżommok dejjem fil‑preżenza tiegħu; iva, u jalla huwa jkun dejjem hemm ma’ dan il‑poplu, sewwasew biex intom tiksbu b’suċċess dak kollu li l‑Lamaniti ħadu mingħandna, li kien għas‑sostenn tagħna. U issa, ara, jiena se nagħlaq l‑ittra tiegħi. Jiena Ħelaman, iben Alma.