Kapitlu 62
Moroni jitlaq fi triqtu biex imur jgħin lil Paħoran fl‑art ta’ Gidgħon—Nies is‑sultan li jirrifjutaw li jiddefendu pajjiżhom jingħataw il‑mewt—Paħoran u Moroni jerġgħu jieħdu lura f’idejhom Nefija—Bosta Lamaniti jingħaqdu man‑nies ta’ Għammon—Teankum joqtol lil Għammoron u konsegwentement jinqatel hu ukoll—Il‑Lamaniti jiġu mkeċċija mill‑pajjiż, u tibda ssaltan il‑paċi—Ħelaman jerġa’ lura għall‑ministeru u jibni l‑Knisja. Madwar 62–57 Q.K.
1 U issa ġara li meta Moroni rċieva din l‑ittra huwa għamel il‑kuraġġ, u mtela b’hena mill‑aktar kbira minħabba l‑fedeltà ta’ Paħoran, li hu ma kienx ukoll traditur tal‑ħelsien u tal‑kawża ta’ pajjiżu.
2 Iżda huwa tnikket bil‑kbir minħabba l‑ħażen ta’ dawk li kienu neħħew lil Paħoran minn fuq is‑siġġu tat‑tribunal, iva, fi ftit kliem minħabba dawk li kienu rribellaw kontra pajjiżhom kif ukoll kontra Alla tagħhom.
3 U ġara li Moroni ħa miegħu grupp żgħir ta’ rġiel, skont ix‑xewqa ta’ Paħoran, u poġġa lil Leħi u lil Teankum responsabbli mill‑bqija tal‑armata tiegħu, u rħielha lejn l‑art ta’ Gidgħon.
4 U huwa għolla l‑istendard tal‑libertà f’kull post li fih daħal, u saħħaħ l‑armata tiegħu kemm seta’ waqt il‑mixja tiegħu lejn l‑art ta’ Gidgħon.
5 U ġara li kienu eluf li nġabru flimkien madwar l‑istendard tiegħu, u qabdu f’idejhom ix‑xwabel biex jiddefendu l‑ħelsien tagħhom, sabiex huma ma jispiċċawx fil‑jasar.
6 U għalhekk, meta Moroni ġabar kemm seta’ rġiel flimkien waqt li kien fi triqtu, huwa wasal fl‑art ta’ Gidgħon; u meta hu għaqqad flimkien il‑forzi tiegħu ma’ ta’ Paħoran huma saru forza mill‑aktar b’saħħitha, saħansitra aktar b’saħħitha min‑nies ta’ Pakus, li kien is‑sultan ta’ dawk id‑dissidenti li kienu keċċew lil nies il‑ħelsien ’il barra mill‑art ta’ Żaraħemla u ħadu f’idejhom dik l‑art.
7 U ġara li Moroni u Paħoran niżlu flimkien mal‑armati tagħhom fl‑art ta’ Żaraħemla, u marru jaħbtu għall‑belt, fejn affrontaw lin‑nies ta’ Pakus, hekk li huma spiċċaw jiġġieldu f’battalja.
8 U araw, Pakus ġie maqtul u n‑nies tiegħu ttieħdu bħala priġunieri, u Paħoran reġa’ lura fis‑siġġu tat‑tribunal tiegħu.
9 U n‑nies ta’ Pakus telgħu tribunal, skont il‑liġi, u l‑istess nies is‑sultan li kienu ttieħdu u ġew mitfugħa l‑ħabs; u huma ngħataw il‑mewt skont il‑liġi; iva, dawk in‑nies ta’ Pakus u nies is‑sultan, dawk kollha li ma kinux lesti jaqbdu f’idejhom l‑armi biex jiddefendu pajjiżhom, iżda kienu lesti li jeħduha kontrih, ingħataw il‑mewt.
10 U b’hekk kien jaqbel li din il‑liġi tiġi osservata b’mod strett minħabba s‑sigurtà ta’ pajjiżhom; iva, u dawk kollha li jinstabu li qed jirrifjutaw il‑ħelsien tagħhom bdew jingħataw il‑mewt minnufih skont il‑liġi.
11 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tletin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi; Moroni u Paħoran kienu rrestawraw il‑paċi fl‑art ta’ Żaraħemla, fost il‑poplu tagħhom, u qatlu lil dawk kollha li ma kinux leali lejn il‑kawża tal‑ħelsien.
12 U ġara li fil‑bidu tas‑sena wieħed u tletin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, Moroni ordna minnufih sabiex jintbagħtu l‑provvisti, u tintbagħat ukoll armata ta’ sitt elef raġel għand Ħelaman, biex jgħinuh jiddefendi dik in‑naħa tal‑pajjiż.
13 U hu ordna wkoll biex tintbagħat armata ta’ sitt elef raġel, u jintbagħat ukoll ammont suffiċjenti ta’ ikel, lill‑armati ta’ Leħi u Teankum. U ġara li dan seħħ biex dik l‑art tiġi ffortifikata għal kontra l‑Lamaniti.
14 U ġara li Moroni u Paħoran, ħallew warajhom grupp kbir ta’ nies fl‑art ta’ Żaraħemla, u qabdu triqthom flimkien ma’ grupp kbir ta’ nies lejn l‑art ta’ Nefija, u kienu determinati li jegħlbu lil‑Lamaniti f’dik il‑belt.
15 U ġara li hekk kif kienu sejrin lejn dik l‑art, huma qabdu taħt idejhom grupp kbir ta’ Lamaniti, u qatlu ħafna minnhom, u ħadu l‑provvisti tagħhom u l‑armi tagħhom tal‑gwerra.
16 U ġara li wara li qabduhom, huma ġegħluhom jidħlu f’patt li ma kinux sejrin jaqbdu aktar l‑armi tagħhom tal‑gwerra kontra n‑Nefiti.
17 U meta huma daħlu f’dan il‑patt huma bagħtuhom biex jgħammru man‑nies ta’ Għammon, u dawk li ma ġewx maqtula kienu b’kollox madwar erbat elef ruħ.
18 U ġara li meta huma bagħtuhom fi triqthom huma komplew jimxu lejn l‑art ta’ Nefija. U ġara li meta huma waslu fil‑belt ta’ Nefija, huma waqqfu t‑tined tagħhom fil‑pjanuri ta’ Nefija, li jinsabu qrib il‑belt ta’ Nefija.
19 Issa Moroni kellu x‑xewqa li l‑Lamaniti joħorġu biex jiġġieldu kontrihom fuq il‑pjanuri; iżda l‑Lamaniti, għax kienu jafu x’kuraġġ mill‑aktar kbir huma kellhom, u għax raw kemm kienu numerużi, għalhekk m’azzardawx joħorġu jiġġieldu kontrihom; għalhekk dakinhar ma ħarġux għall‑ġlied.
20 U meta wasal il‑lejl, Moroni ħareġ fid‑dalma tal‑lejl, u tela’ fuq is‑sur biex jispija ħalli jara f’liema naħa tal‑belt kienu waqqfu l‑kamp bl‑armata tagħhom il‑Lamaniti.
21 U ġara li huma kienu fuq in‑naħa tal‑lvant, qrib id‑daħla; u kienu jinsabu lkoll reqdin. U issa Moroni reġa’ lura ħdejn l‑armata tiegħu, u ordnalhom biex iħejju malajr għadd ta’ ħbula b’saħħithom u slielem, biex iniżżluhom minn fuq is‑sur għan‑naħa ta’ ġewwa tas‑sur.
22 U ġara li Moroni ordna biex in‑nies tiegħu jibqgħu mexjin sakemm jaslu fuq is‑sur, u jinżlu f’dik in‑naħa tal‑belt, iva, sewwasew fin‑naħa tal‑punent, fejn il‑Lamaniti ma kienu waqqfu l‑ebda kamp bl‑armati tagħhom.
23 U ġara li matul il‑lejl huma niżlu lkoll fil‑belt, permezz tal‑ħbula mill‑aktar b’saħħithom tagħhom u s‑slielem tagħhom; għalhekk meta sebaħ huma kienu jinsabu lkoll bejn is‑swar tal‑belt.
24 U issa, meta l‑Lamaniti qamu u raw li l‑armati ta’ Moroni kienu jinsabu bejn is‑swar, huma mtlew b’biża’ liema bħalha, tant li bdew jaħarbu mid‑daħla tal‑belt.
25 U issa meta Moroni ra li huma kienu qed jaħarbu minn quddiemu, hu ordna lin‑nies tiegħu biex imorru jaffrontawhom, u huma qatlu ħafna minnhom, u ċċirkondaw ħafna oħrajn, u ħaduhom bħala priġunieri; u l‑bqija ħarbu lejn l‑art ta’ Moroni, li kienet tinsab fil‑fruntieri ma’ xatt il‑baħar.
26 B’hekk Moroni u Paħoran ħadu f’idejhom il‑belt ta’ Nefija mingħajr ma tilfu bniedem wieħed; u kien hemm ħafna Lamaniti li sfaw maqtula.
27 Issa ġara li ħafna mil‑Lamaniti li kienu priġunieri kellhom ix‑xewqa li jingħaqdu man‑nies ta’ Għammon u jsiru nies ħielsa.
28 U ġara li dawk kollha li wrew din ix‑xewqa, ingħatalhom skont xewqathom.
29 Għalhekk, il‑priġunieri kollha Lamaniti ngħaqdu man‑nies ta’ Għammon, u bdew jaħdmu qatigħ, fejn huma bdew jaħdmu l‑art, jiżirgħu kull tip ta’ żerriegħa, u jrabbu merħliet u baqar ta’ kull għamla; u b’hekk in‑Nefiti ħelsu minn tagħbija mill‑aktar kbira; iva, sewwasew huma ħelsu mill‑priġunieri kollha Lamaniti.
30 Issa ġara li Moroni, wara li ħa f’idejh il‑belt ta’ Nefija, u li ħa għandu għadd kbir ta’ priġunieri, fejn dan wassal biex l‑armati tal‑Lamaniti jiċkienu waħda sew, reġa’ kiseb lura bosta Nefiti li kienu ttieħdu bħala priġunieri, u dan saħħaħ bil‑kbir l‑armata ta’ Moroni; għalhekk Moroni telaq mill‑art ta’ Nefija għall‑art ta’ Leħi.
31 U ġara li meta l‑Lamaniti raw li Moroni kien ġie biex jaffrontahom, huma reġgħu nħakmu mill‑biża’ u ħarbu minn quddiem l‑armata ta’ Moroni.
32 U ġara li Moroni u l‑armata tiegħu baqgħu sejrin warajhom minn belt għall‑oħra, sakemm sabu ma’ wiċċhom lil Leħi u lil Teankum; u l‑Lamaniti ħarbu minn ħdejn Leħi u Teankum, u niżlu sewwasew lejn il‑fruntieri ma’ xatt il‑baħar, sakemm waslu fl‑art ta’ Moroni.
33 U l‑armati tal‑Lamaniti nġabru lkoll flimkien, hekk li spiċċaw lkoll ħaġa waħda fl‑art ta’ Moroni. Issa magħhom kien hemm ukoll Għammoron, is‑sultan tal‑Lamaniti.
34 U ġara li Moroni u Leħi u Teankum waqqfu l‑kamp tagħhom flimkien mal‑armati tagħhom madwar il‑fruntieri tal‑art ta’ Moroni, b’tali mod li l‑Lamaniti spiċċaw iċċirkondati fil‑fruntieri ta’ ħdejn ix‑xagħri fin‑naħa tan‑nofsinhar, u fil‑fruntieri ta’ ħdejn ix‑xagħri fin‑naħa tal‑lvant.
35 U b’hekk huma waqqfu l‑kamp tagħhom għal matul il‑lejl. Għax araw, kemm in‑Nefiti u kemm il‑Lamaniti kienu għajjenin waħda sew minħabba t‑triq twila li kienu ħadu; għalhekk matul il‑lejl huma ma qagħdu jaħsbu dwar l‑ebda strataġemma, għajr għal Teankum; għax hu kien inkurlat bil‑kbir għal Għammoron, hekk li hu kien jemmen li Għammoron, u ħuh Għamalikja, kienu l‑kawża ta’ din il‑gwerra kbira u dejjiema bejnhom u bejn il‑Lamaniti, li wasslet għal daqstant gwerer u tixrid tad‑demm, iva, u ġabet magħha ġuħ kbir.
36 U ġara li Teankum, fl‑għadab tiegħu, baqa’ sejjer fil‑kamp tal‑Lamaniti, u niżel man‑naħa l‑oħra tas‑swar tal‑belt. U miegħu ġarr ħabel, u beda jmur minn post għall‑ieħor, sakemm hu sab lis‑sultan; u xeħitlu lanza, li nifditu ħdejn qalbu. Iżda araw, qabel miet is‑sultan qajjem lill‑qaddejja tiegħu, u huma marru jiġru wara Teankum, u qatluh.
37 Issa ġara li meta Leħi u Moroni saru jafu li Teankum miet huma tnikktu bil‑kbir; għax araw, hu kien raġel li kien tqabad b’kuraġġ għal pajjiżu, iva, il‑veru ħabib tal‑libertà; u huwa għadda minn tbatija mill‑aktar kbira. Iżda araw, huwa miet, u qabad it‑triq tal‑bnedmin kollha tal‑art.
38 Issa ġara li l‑għada Moroni baqa’ sejjer fi triqtu, u ġie wiċċ imb wiċċ mal‑Lamaniti, u huma qatluhom fejn għamlu massakru sħiħ minnhom; u keċċewhom ’il barra mill‑pajjiż; u huma ħarbu, u f’dak il‑waqt huma ma reġgħux lura biex jaffrontaw lin‑Nefiti.
39 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena wieħed u tletin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi; u b’hekk għal bosta snin huma esperjenzaw il‑gwerer, u t‑tixrid ta’ demm, u l‑ġuħ, u t‑tbatija.
40 U l‑poplu ta’ Nefi esperjenza l‑qtil, u l‑ġlied, u d‑diżgwid, u kull xorta ta’ ħażen; madankollu f’ġieħ is‑sewwa, iva, grazzi għat‑talb tal‑ġusti, huma spiċċaw ħelsuha.
41 Iżda araw, minħabba li l‑gwerra bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti kienet twalet waħda sew, kienu bosta li webbsu qalbhom, minħabba li l‑gwerra kienet twalet ħafna; u kienu ħafna li rattbu qalbhom minħabba hemmhom, hekk li huma spiċċaw biex umiljaw ruħhom quddiem Alla, sewwasew b’umiltà liema bħalha.
42 U ġara li wara li Moroni ffortifika dawk l‑inħawi tal‑pajjiż li kienu l‑aktar esposti għal‑Lamaniti, sakemm ġew imsaħħa biżżejjed, huwa reġa’ lura fil‑belt ta’ Żaraħemla; u Ħelaman ukoll reġa’ lura fil‑post ta’ wirtu; u reġa’ bdiet issaltan il‑paċi fost il‑poplu ta’ Nefi.
43 U Moroni għadda l‑kontroll tal‑armati tiegħu f’idejn ibnu, li kien jismu Moronija; u huwa rtira lejn daru biex hemm ikun jista’ jqatta’ l‑bqija ta’ ħajtu fil‑paċi.
44 U Paħoran reġa’ lura fis‑siġġu tat‑tribunal tiegħu; u Ħelaman aċċetta li jerġa’ jmur ixandar il‑kelma ta’ Alla lill‑poplu; għax minħabba daqstant gwerer u tilwim kien jaqbel li fil‑knisja tiġi stabbilita ċerta ordni.
45 Għalhekk, Ħelaman u ħutu marru u bdew ixandru l‑kelma ta’ Alla b’qawwa liema bħalha u dan wassal biex huma kkonvinċew lil ħafna nies dwar ħżunithom, u wassluhom biex jindmu minn dnubiethom u jitgħammdu fil‑Mulej Alla tagħhom.
46 U ġara li huma reġgħu waqqfu l‑knisja ta’ Alla, madwar il‑pajjiż kollu.
47 Iva, u tfasslu ċerti regoli relatati mal‑liġi. U ġew magħżula l‑imħallfin tagħhom, u l‑prim imħallfin tagħhom.
48 U n‑nies ta’ Nefi reġa’ beda jkollkom ir‑risq f’arthom, u reġgħu bdew joktru u jissaħħu bil‑kbir fuq wiċċ l‑art. U huma bdew isiru mill‑aktar għonja.
49 Iżda minkejja l‑għana tagħhom, jew il‑qawwa tagħhom, jew il‑ġid tagħhom, huma ma kinux nies imkabbrin fil‑kburija ta’ għajnejhom; lanqas ma kienu tqal biex jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom; iżda huma umiljaw ruħhom bil‑kbir quddiemu.
50 Iva, huma ftakru kemm kien għamel għalihom ħwejjeġ kbar il‑Mulej, li huwa ħelishom mill‑mewt, u mill‑jasar, u mill‑ħabsijiet, u minn kull tip ta’ taħbit, u huwa ħelishom minn idejn l‑għedewwa tagħhom.
51 U huma talbu bla heda lill‑Mulej Alla tagħhom, hekk li l‑Mulej berikhom, skont kelmtu, għalhekk huma bdew jissaħħu u jkollkom ir‑risq fuq wiċċ l‑art.
52 U ġara li dan kollu ġie fis‑seħħ. U Ħelaman miet, fis‑sena ħamsa u tletin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.