Skrittura
Alma 8


Kapitlu 8

Alma jxandar u jgħammed ġewwa Melek—Huwa ma jkunx milqugħ f’Għammonija u jitlaq—Anġlu jordnalu biex imur lura u jxandar l‑indiema lill‑poplu—Huwa jiġi milqugħ minn Amuleki, u t‑tnejn li huma jxandru f’Għammonija. Madwar 82 Q.K.

1 U issa ġara li Alma reġa’ lura mill‑art ta’ Gidgħon, wara li għallem lin‑nies ta’ Gidgħon bosta ħwejjeġ li ma jistgħux jinkitbu, hu li waqqaf l‑ordni tal‑knisja, l‑istess kif kien għamel fl‑art ta’ Żaraħemla, iva, u huwa reġa’ lura f’daru ġewwa Żaraħemla biex jistrieħ mill‑ħidma li huwa wettaq.

2 U b’hekk ġiet fi tmiemha d‑disa’ sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

3 U ġara li fil‑bidu tal‑għaxar sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, Alma telaq minn hemm u rħielha lejn l‑art ta’ Melek, fuq in‑naħa tal‑punent tax‑xmara Sidon, fuq in‑naħa tal‑punent ħdejn il‑fruntieri tax‑xagħri.

4 U huwa beda jgħallem lin‑nies fl‑art ta’ Melek skont l‑ordni mqaddsa ta’ Alla, li permezz tagħha huwa ġie msejjaħ; u huwa beda jgħallem lin‑nies madwar l‑art ta’ Melek.

5 U ġara li n‑nies ġew għandu minn madwar il‑fruntieri kollha tal‑art li kien hemm ma’ xatt tax‑xagħri. U huma ġew mgħammdin f’kull naħa tal‑pajjiż;

6 Għalhekk meta huwa temm il‑ħidma tiegħu f’Melek hu telaq minn hemm, u għamel tlett ijiem jivvjaġġa fin‑naħa tat‑tramuntana tal‑art ta’ Melek; u huwa wasal f’belt li kien jisimha Għammonija.

7 Issa kienet id‑drawwa tal‑poplu ta’ Nefi li huma jsemmu artijiethom, u bliethom, u l‑irħula tagħhom, iva, saħansitra kull raħal żgħir tagħhom, għal dak li ħadhom f’idejh l‑ewwel; u l‑istess ġara bl‑art ta’ Għammonija.

8 U ġara li meta Alma wasal fil‑belt ta’ Għammonija huwa beda jxandrilhom il‑kelma ta’ Alla.

9 Issa Satana ħakem bil‑kbir qlub in‑nies tal‑belt ta’ Għammonija; għalhekk huma ma ridux jisimgħu minn kliem Alma.

10 Madankollu Alma ħadem qatigħ fl‑ispirtu, fejn beda jitqabad ma’ Alla fit‑talb setgħan tiegħu, biex huwa jsawwab l‑Ispirtu tiegħu fuq in‑nies li kienu fil‑belt; u biex huwa jippermettilu wkoll li jgħammidhom għall‑indiema.

11 Madankollu, huma webbsu qalbhom, u qalulu: Ara, aħna nafu li inti Alma; u nafu li inti l‑qassis il‑kbir fuq il‑knisja li inti waqqaft f’bosta nħawi tal‑pajjiż, skont twemminek; u aħna ma nagħmlux parti mill‑knisja tiegħek, u ma nemmnux fi twemmin bla sens bħal dan.

12 U issa nafu li peress li aħna ma nagħmlux parti mill‑knisja tiegħek aħna nafu li int m’għandek l‑ebda jedd fuqna; u inti għaddejt is‑siġġu tat‑tribunal lil Nefija; għalhekk inti m’intix il‑prim imħallef tagħna.

13 Issa meta n‑nies qalu dan, u bdew jopponu dak kollu li huwa qal, u bdew jgħajruh, u jobżqu fuqu, u raw li huwa jitkeċċa ’l barra minn belthom, huwa telaq minn hemm u rħielha lejn il‑belt li kien jisimha Aron.

14 U ġara li waqt li kien sejjer ’l hemm, mgħobbi bin‑niket, u jesperjenza daqstant tbatija u diqa ta’ qalb, minħabba l‑ħażen tan‑nies li kienu fil‑belt ta’ Għammonija, ġara li waqt li Alma kien mgħobbi bin‑niket, araw deherlu anġlu tal‑Mulej u qallu:

15 Hieni inti, Alma; għalhekk, erfa’ rasek ’il fuq u thenna, għax int għandek tassew għalxiex tithenna; għax inti kont fidil fil‑ħarsien tal‑kmandamenti ta’ Alla miż‑żmien li fih inti rċevejt l‑ewwel messaġġ mingħandu. Ara, jiena hu dak li wassaltlek dak il‑messaġġ.

16 U ara, jiena ġejt mibgħut għandek biex inti terġa’ lura fil‑belt ta’ Għammonija, u terġa’ tmur ixxandar għal darb’oħra lin‑nies tal‑belt; iva, nitolbok biex tmur u xxandrilhom. Iva, għidilhom li jekk huma ma jindmux il‑Mulej Alla lest li jeqridhom.

17 Għax ara, bħalissa huma qed jagħmlu minn kollox biex jaraw kif jistgħu jeqirdu l‑libertà tal‑poplu tiegħek, (għax dan jgħid il‑Mulej) u dan imur kontra l‑liġijiet u d‑digrieti, u l‑kmandamenti li huwa ta lill‑poplu tiegħu.

18 Issa ġara li wara li Alma rċieva l‑messaġġ tiegħu mingħand l‑anġlu tal‑Mulej huwa reġa’ lura minnufih lejn l‑art ta’ Għammonija. U hu daħal fil‑belt minn naħa oħra, iva, min‑naħa li tinsab fin‑nofsinhar tal‑belt ta’ Għammonija.

19 U hekk kif daħal fil‑belt, huwa qabdu l‑ġuħ u qal lil wieħed raġel: Inti lest tagħti lil dan il‑qaddej umli ta’ Alla xi ħaġa x’jiekol?

20 U r‑raġel wieġbu: Jiena Nefita, u naf li inti profeta qaddis ta’ Alla, għax inti r‑raġel li kellimni dwaru l‑anġlu meta deherli, fejn huwa qalli: Lilu inti għandek tilqa’ għandek. Għalhekk, ejja miegħi f’dari u jien naqsam l‑ikel tiegħi miegħek; u jien naf li inti se tkun ta’ barka għalija u għal dari.

21 U ġara li r‑raġel laqgħu f’daru; u r‑raġel kien jismu Amuleki; u huwa mar ġab il‑ħobż u l‑laħam u poġġihom quddiem Alma.

22 U ġara li Alma kiel il‑ħobż u xaba’; u huwa bierek lil Amuleki u lil daru, u radd ħajr lil Alla.

23 U wara li kiel u xaba’ huwa qal lil Amuleki: Jien Alma, u jiena l‑qassis il‑kbir tal‑knisja ta’ Alla madwar il‑pajjiż kollu.

24 U ara, jiena ġejt imsejjaħ biex inxandar il‑kelma ta’ Alla fost dan il‑poplu kollu, skont l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni u l‑profezija; u jien kont qiegħed f’din l‑art u huma ma laqgħunix, iżda keċċewni ’l barra u jien kont għoddni se ndur lura u nħalli din l‑art darba għal dejjem.

25 Iżda ara, jiena ġejt ordnat biex nerġa’ lura u nħabbar lil dan il‑poplu, iva, u biex jiena nixhed kontrihom u dwar ħżunithom.

26 U issa, Amuleki, għax inti lili tmajtni u daħħaltni f’darek, hieni inti; għax jiena kont bil‑ġuħ, għaliex kont ili sajjem għal bosta jiem.

27 U Alma baqa’ ma’ Amuleki għal bosta jiem qabel ma huwa beda jxandar lill‑poplu.

28 U ġara li l‑poplu kompla jikber dejjem aktar fi ħżunitu.

29 U l‑kelma waslet għand Alma li tgħid: Mur; u għid ukoll lill‑qaddej tiegħi Amuleki, mur, u ħabbar lil dan il‑poplu u għidilhom—Indmu, għax dan jgħid il‑Mulej, jekk intom ma tindmux jien se nżur lil dan il‑poplu fl‑għadab tiegħi; iva, u jiena ma nreġġax lura l‑qilla tiegħi.

30 U Alma mar qalb il‑poplu, u l‑istess Amuleki, biex ixandrilhom kliem Alla; u huma mtlew bl‑Ispirtu s‑Santu.

31 U huma ġew mogħtija qawwa, hekk li ħadd ma seta’ jaqfilhom ġo xi ċella; u lanqas ma kien possibbli li xi ħadd joqtolhom; madankollu huma ma eżerċitawx il‑qawwa tagħhom ħlief meta huma ġew marbutin bil‑ħbula u mixħutin f’ħabs. Issa, dan seħħ biex il‑Mulej ikun jista’ juri l‑qawwa tiegħu permezz tagħhom.

32 U ġara li huma marru u bdew inxandru u jħabbru lill‑poplu, skont l‑ispirtu u l‑qawwa li tahom il‑Mulej.