It-Talba Mqanqla Tiegħi lil Ħuti n-Nisa
Aħna neħtieġu l-qawwa tagħkom, il-konverżjoni tagħkom, il-konvinzjoni tagħkom, l-abbiltà tagħkom li tmexxu, l-għerf tagħkom u l-ilħna tagħkom.
Għeżież Presbiteri Rasband, Stevenson, u Renlund, aħna, ħutkom, nilqgħukom fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Nirringrazzjaw lil Alla għar-rivelazzjoni kontinwa li Huwa jagħti lill-profeta Tiegħu, il-President Thomas S. Monson.
Ħuti, meta sitt xhur ilu aħna ltqajna hawn fil-konferenza ġenerali, ħadd minna ma antiċipa t-tibdil immedjat li kien se jseħħ li spiċċa mess is-sentiment ta’ kull membru fil-Knisja. Il-Presbiteru L. Tom Perry wassal messaġġ mill-aktar qawwi dwar l-irwol li ż-żwieġ u l-familja jokkupaw fil-pjan tal-Mulej, fejn xejn ma jista’ joħdilhom posthom. Ilkoll inħsadna meta ftit jiem biss wara, sirna nafu dwar il-kanċer li fi ftit żmien kien se jieħdu minn fostna.
Għalkemm President Boyd K. Packer saħħtu kienet ilha sejra lura, huwa kien kuraġġjuż biżżejjed li ”jibqa’ għaddej” bil-ħidma tal-Mulej. April li għadda kien iħossu dgħajjef ħafna, iżda kien determinat li jiddikjara x-xhieda tiegħu sakemm il-Mulej jagħtih in-nifs li jagħmel dan. Imbagħad, wara 34 jum biss wara l-mewt tal-Presbiteru Perry, il-President Packer ukoll qasam għan-naħa l-oħra tal-velu.
Fl-aħħar konferenza ġenerali aħna lkoll immissjajna lill-Presbiteru Richard G. Scott, iżda stajna nirriflettu dwar ix-xhieda qawwija li huwa qasam dwar is-Salvatur fil-ħafna konferenzi ġenerali ta’ qabel. U kien biss 12-il ġurnata ilu, li l-Presbiteru Scott ġie msejjaħ lura d-dar u hemm jerġa’ jingħaqad mal-maħbuba tiegħu Jeanene.
Jiena kelli l-privileġġ li nkun flimkien ma’ kull wieħed minn dawn l-Aħwa tul l-aħħar jiem tagħhom, fejn anke ngħaqadt ma’ membri tal-familja immedjata tal-President Packer u tal-Presbiteru Scott ftit qabel ma huma għaddew għan-naħa l-oħra. Bilkemm stajt nemmen li dawn it-tliet ħbieb mill-aktar għeżież għalija, dawn il-qaddejja meraviljużi tal-Mulej, ma kinux aktar magħna. Nimmissjahom aktar milli tistgħu timmaġinaw.
Hekk kif bdejt nirrifletti dwar dawn il-mumenti xejn mistennija, impressjoni li baqgħet stampata f’ moħħi hija dik li jiena osservajt fin-nisa li ħallew warajhom. Imnaqqxa f’ moħħi hemm l-imaġini mill-aktar serena ta’ Sister Donna Smith Packer u Sister Barbara Dayton Perry ħdejn is-sodda ta’ żewġhom, iż-żewġ nisa mimlijin bl-imħabba, il-verità u l-fidi pura.
Hekk kif Sister Packer kienet tinsab bilqiegħda ħdejn żewġha fl-aħħar sigħat tiegħu, fuq wiċċha kienet tiddi l-paċi li tiżboq kull għarfien.1 Għalkemm hija kienet għarfet li l-maħbub sieħeb tagħha għal kważi 70 sena kien wasal biex iħalliha, hija wriet it-trankwilità ta’ mara mimlija fidi. Kienet tidher qisha anġlu, l-istess kif kienet tidher f’ dan ir-ritratt tagħhom waqt id-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Brigham City, f’ Utah.
Jiena rajt l-istess imħabba u fidi jdawlu lil Sister Perry. Id-devozzjoni tagħha kemm lejn żewġha u lejn il-Mulej kienet waħda mill-aktar ovvja, u wasslitni biex inħossni verament kommoss.
Waqt l-aħħar sigħat ta żwieġhom f’ din id-dinja, u kif għadhom sal-ġurnata tal-lum, dawn in-nisa tal-azzar urew il-qawwa u l-kuraġġ li dejjem juru n-nisa kollha li jżommu l-patti tagħhom.2 Impossibbli tkejjel l-influwenza li għandhom dawn in-nisa, mhux biss fuq il-familji iżda wkoll fuq il-Knisja tal-Mulej, bħala nisa miżżewġin, ommijiet, u nanniet; bħala aħwa u zijiet; bħala għalliema u mexxejja; u speċjalment bħala nies eżemplari u difensuri devoti tal-fidi.3
Nistgħu ngħidu li dan kien minnu f’ kull dispensazzjoni tal-evanġelju minn żmien Adam u Eva. Madankollu n-nisa ta’ din id-dispensazzjoni huma distinti minn kull mara ta’ kull dispensazzjoni oħra għaliex din id-despensazzjoni hija distinta minn dawk kollha li ġew qabel.4 Din iġġib magħha kemm privileġġi kif ukoll responsabbiltajiet.
Sitta u tletin sena ilu, fl-1979, il-President Spencer W. Kimball tenna profezija mill-aktar profonda dwar l-impatt li n-nisa li jżommu l-patti tagħhom se jkollhom fuq il-futur tal-Knisja tal-Mulej. Huwa pprofetizza: ”Ħafna mit-tkabbir ewlieni li se jkollha l-Knisja fl-aħħar jiem se jseħħ għaliex ħafna min-nisa twajba tad-dinja … se jersqu lejn il-Knisja f’ numri kbar. Dan jiġi fis-seħħ dejjem jekk in-nisa tal-Knisja jirriflettu f’ ħajjithom is-sewwa u l-intelliġenza u dejjem jekk in-nisa tal-Knisja jkunu jidhru bħala distinti u differenti—b’ mod pożittiv—min-nisa tad-dinja.”5
Għeżież ħuti, li intom is-sieħba mill-aktar importanti tagħna f’ dawn l-aħħar żminijiet, għalikom beda jirreferi l-President Kimball. Intom in-nisa li hu pprofetizza dwarhom! Il-virtù, id-dawl, l-imħabba, l-għarfien, il-kuraġġ, il-karattru, il-fidi u l-ħajja twajba tagħkom wasslu biex nisa twajbin oħra fid-dinja, flimkien mal-familji tagħhom, jersqu lejn il-Knisja f’ numru akbar minn qatt qabel!6
Aħna, ħutkom, neħtieġu l-qawwa tagħkom, il-konverżjoni tagħkom, il-konvinzjoni tagħkom, l-abbiltà tagħkom li tmexxu, l-għerf tagħkom u l-ilħna tagħkom. Is-saltna ta’ Alla ma tistax tkun kompleta mingħajr in-nisa li jagħmlu patti sagri u mbagħad iżommuhom, nisa li jistgħu jitkellmu bil-qawwa u l-awtorità ta’ Alla!7
Il-President Packer iddikjara:
”Neħtieġu nisa li huma organizzati u nisa li jistgħu jorganizzaw. Neħtieġu nisa bl-abbiltà eżekuttiva li jistgħu jippjanaw u jmexxu u jamministraw; nisa li jistgħu jgħallmu, nisa li jistgħu jsemmgħu leħinhom. …
”Neħtieġu nisa bid-don tad-dixxerniment li jistgħu jagħrfu l-kurrent tad-dinja u jindunaw b’ dak li, għalkemm popolari, huwa superfiċjali jew perikoluż.”8
Illum, ippermettuli nżid li neħtieġu nisa li jafu jwettqu ħwejjeġ importanti permezz tal-fidi tagħhom u li huma difensuri kuraġġjużi tal-mortalità u l-familji f’ dinja mifnija bid-dnub. Neħtieġu nisa li huma devoti biex jieħdu ħsieb ulied Alla fit-triq tagħhom tal-patt lejn l-eżaltazzjoni; nisa li jafu kif jistgħu jirċievu r-rivelazzjoni personali, li jifhmu l-qawwa u l-paċi tal-għotja mqaddsa tat-tempju; nisa li jafu jduru lejn il-qawwiet tas-sema biex jipproteġu u jsaħħu lill-ulied u lill-familji; nisa li jgħallmu mingħajr biża’ ta’ xejn.
Tul ħajti, jiena ġejt imbierek b’ nisa hekk. Marti Dantzel, li issa tinsab fuq in-naħa l-oħra, kienet mara hekk. Jiena nibqa’ għal dejjem grat għall-influwenza, li waslet biex trasformatli ħajti, li hija kellha fuqi f’ kull aspett tal-ħajja, fosthom fl-isforzi tiegħi biex niżviluppa metodi ġodda fil-kirurġija fuq qalb miftuħa.
Tmienja u ħamsin sena ilu jiena ġejt mitlub sabiex nopera fuq tifla ċkejkna, li kienet marida gravi minħabba marda tal-qalb li kienet twieldet biha. Ħuha akbar minnha kien miet qabilha bl-istess kundizzjoni. Il-ġenituri tagħha talbu b’ ħerqa għall-għajnuna. Jiena ma tantx kont ottimist dwar jekk kenitx se tirnexxi iżda ħlift li nagħmel dak kollu li stajt biex insalvalha ħajjitha. Minkejja l-isforz kollha tiegħi, it-tifla mietet. Aktar tard, l-istess ġenituri ġabuli tifla oħra, li kellha biss 16-il xahar, li kienet twieldet ukoll b’ qalb difettuża. Għal darb’oħra, skont ix-xewqa tagħhom, jiena għamilt l-operazzjoni. Din it-tifla mietet ukoll. It-tielet telfa ġo l-istess familja, ħaġa mill-aktar ta’ qsim il-qalb, wasslet biex emozzjonatni għall-aħħar.
Mort id-dar maħkum bin-niket. Inxħitt mal-art fis-salott tagħna u għaddejt il-lejl nibki. Dantzel baqgħet ħdejja, tismagħni niddikjara ripetutament li qatt aktar ma kont se ntwettaq operazzjoni oħra fuq il-qalb. Imbagħad, għall-ħabta tal-5 ta’ filgħodu, Dantzel ħarset lejja u b’ imħabba staqsietni, ”Waqaft tibki? Mela ilbes. Mur lura fil-laboratorju. Mur ix-xogħol! Jeħtieġ titgħallem aktar. Jekk inti tieqaf issa, oħrajn se jkollhom jitgħallmu dak li diġà tgħallimt inti b’ tant sofferenza.”
O, kemm kont neħtieġ il-viżjoni, il-kuraġġ u l-imħabba ta’ marti! Jiena mort lura x-xogħol u tgħallimt aktar. Kieku ma kienx għall-inkuraġġiment ispirat ta’ Dantzel, qatt ma kont nispiċċa nopera fuq il-qalb mifuħa u qatt ma kont inkun preparat biex fl-1972 nagħmel l-operazzjoni li salvat il-ħajja tal-President Spencer W. Kimball.9
Ħuti, jirnexxielkom taraw il-kobor u l-immensità tal-influwenza tagħkom meta intom tgħidu dawk il-ħwejjeġ li tħossu f’ qalbkom u f’ moħħkom skont kif jidderiġikom l-Ispirtu? Wieħed president tal-wited mill-aktar eċċellenti kellimni dwar laqgħa tal-kunsill tal-wited li fiha spiċċaw jiddiskutu sfida mill-aktar diffiċli. F’ mument minnhom, hu rrealizza li l-president tal-Primarja tal-wited kienet għadha ma qalet xejn, għalhekk huwa staqsieha jekk kellhiex xi suġġerimenti. ”Mela, fil-fatt għandi,” hija qalet u mbagħad kompliet biex qasmet magħhom ħsieb li spiċċa bidel id-direzzjoni sħiħa tal-laqgħa. Il-president tal-wited kompla, ”Hekk kif hija tkellmet, l-Ispirtu xehed miegħi li hija kienet spiċċat il-leħen tar-rivelazzjoni li tant konna ilna nfittxu li niksbu bħala kunsill.”
Għeżież ħuti, hi x’inhi s-sejħa tagħkom, hi x’inhi ċ-ċirkustanza li tinsabu fiha, aħna neħtieġu s-suġġerimenti tagħkom, l-ideat tagħkom u l-ispirazzjoni tagħkom. Neħtieġu li intom issemmgħu leħinkom u titkellmu fil-kunsilli tagħkom tal-qasam u tal-wited. Neħtieġu lil kull oħt miżżewġa sabiex titkellem bħala ”sieħba li tikkontribwixxi u sħiħa ”10 hekk kif intom tingħaqdu flimkien ma’ żwieġkom fit-tmexxija tal-familja tagħkom. Miżżewġin jew le, intom l-aħwa nisa tippossedu ħiliet distinti u intuwizzjoni speċjali li rċevejtu bħala doni minn Alla. Aħna ħutkom l-irġiel ma nistgħu qatt ikollna l-influwenza mill-aktar unika tagħkom.
Aħna nafu li l-qofol tal-ħolqien kollu kien il-ħolqien tal-mara!11 Neħtieġu l-qawwa tagħkom!
L-attakki kontra l-Knisja, id-duttrina tagħha u l-mod kif aħna ngħixu se jkomplu jiżdiedu. Minħabba f’ hekk, neħtieġu nisa li għandhom għarfien sod tad-duttrina ta’ Kristu u li jużaw dan l-għarfien biex jgħallmu u jgħinu jrabbu ġenerazzjoni li tkun kapaċi tirreżisti d-dnub.12 Neħtieġu nisa li kapaċi jagħrfu l-qerq fil-forom kollha tiegħu. Neħtieġu nisa li jafu kif jaċċessaw il-qawwa li Alla għamel disponibbli għal dawk li jżommu l-patti u li jesprimu t-twemmin tagħhom b’ kunfidenza u karità. Neħtieġu nisa li għandhom il-kuraġġ u l-viżjoni ta’ Ommna Eva.
Għeżież ħuti, xejn mhu kruċjali aktar għall-ħajja eterna tagħkom mill-istess konverżjoni tagħkom. Huwa n-nisa li verament ikkonvertew u li jżommu l-patti tagħhom—nisa bħall-għażiża marti Wendy—li l-ħajja twajba tagħhom aktar ma tmur aktar se tispikka f’ dinja li qed tiddeterjora u li b’hekk jibdew jidhru bħala differenti u distinti f’ sens mill-aktar pożittiv .
Għalhekk illum jiena se nerġa’ nitlob bil-ħerqa lil ħuti n-nisa tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem sabiex ixammru l-kmiem! Araw li tokkupaw il-post xieraq u bżonnjuż tagħkom fid-djar tagħkom, fil-komunità tagħkom, u fis-saltna ta’ Alla—aktar minn qatt qabel. B’ ħerqa jiena nitlobkom sabiex iġġibu fis-seħħ il-profezija tal-President Kimball. U jiena nwegħidkom f’ isem Ġesù Kristu li hekk kif tagħmlu dan, l-Ispirtu s-Santu ikabbar l-influwenza tagħkom b’ qawwa aktar minn qatt qabel.
Jiena nixhed magħkom dwar ir-realtà tal-Mulej Ġesù Kristu u l-qawwa feddejja u mqaddsa Tiegħu. U bħala wieħed mill-Appostli Tiegħu, jien nirringrazzjakom, għeżież ħuti, u nberikkom sabiex tilħqu l-massimu ta’ dak li tistgħu tilħqu, sabiex iġġibu fis-seħħ l-għan tal-ħolqien tagħkom, hekk kif nimxu id f’id f’ din il-ħidma sagra. Flimkien aħna ngħinu nħejju id-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej. Ta’ dan jiena nixhed, bħala ħukom, f’ isem Ġesù Kristu, amen.