2010-2019
Ejjew Inħallu t-Trumbetta Ddoqq b’ Ċarezza
Ottubru 2015


Ejjew Inħallu t-Trumbetta Ddoqq b’ Ċarezza

Id-dinja teħtieġ dixxipli ta’ Kristu li kapaċi jikkommunikaw il-messaġġ tal-evanġelju b’ ċarezza u jagħmlu dan minn qalbhom.

Is-sajf li għadda, marti u jiena kellna żewġ neputijiet joqogħdu magħna, filwaqt li l-ġenituri tagħhom marru jieħdu sehem f’ attività mal-wited tagħhom li kienet tikkonsisti f’mixja fuq il-passi tal-pijunieri. It-tifla tagħna riedet tkun ċerta li wliedha kienu se jqattgħu ħin jipprattikaw il-pjanu fil-ħin li kienu ’l bogħod mid-dar. Hija kienet taf li wara ftit jiem għand in-nanniet kien se jkun aktar faċli għalihom li jinsew jipprattikaw. Lejla waħda jiena ddeċidejt li npoġġi bilqiegħda flimkien man-neputi tiegħi, Andrew, li għandu 13-il sena, u noqgħod nisimgħu jdoqq.

Huwa tifel mimli enerġija u jħobb l-ambjent ta’ barra. Xejn ma jiddejjaq iqatta’ ħinu kollu jikkaċċja u jistad. Waqt li kien qed jipprattika l-pjanu, stajt ninnota li kien jippreferi ferm aktar li minflok idoqq kien jinsab jistad f’ xi xmara fil-qrib. Jiena bdejt nisimgħu jdoqq b’ ċerta forza kull akkordju ta’ xi kanzunetta familjari. Beda jdoqq kull nota bl-istess qawwa u temp, tant li kien diffiċli għalija li nagħraf ċar il-melodija. Jiena poġġejt miegħu fuq il-bank u bdejt nispjegalu l-importanza li huwa jsemma’ ftit aktar il-melodija u ftit anqas dawk in-noti li jakkumpanjaw l-istess melodija. Aħna semmejna li l-pjanu huwa aktar minn sempliċiment miraklu mekkaniku. Jista’ jkun ukoll estenzjoni tal-istess vuċi tiegħu u ta’ dak li jħoss ġo fih u jista’ jsir strument meraviljuż ta’ komunikazzjoni. L-istess kif persuna titkellem u tgħaddi minn kelma għall-oħra b’ ċerta tranżizzjoni, l-istess il-melodija għandha tgħaddi b’ ċerta ħlewwa min-nota għall-oħra.

Spiċċajna biex dħaqna flimkien hekk kif huwa kompla jipprova għal bosta drabi. It-tbissima fuq ħaddejh bdiet tiddi ferm aktar hekk kif il-melodija familjari bdiet aktar ma tmur aktar tingħaraf b’ kuntrast mal-grupp ta’ noti li qabel kienu qed joħolqu konfużjoni. Il-messaġġ sar wieħed ċar: ”Jien iben Alla, Hu lili bagħatni hawn.”1 Jiena staqsejt lil Andrew jekk hu setax jinnota d-differenza fil-messaġġ. Huwa wieġeb, ”Iva, Nannu, nista’ ninnotaha!”

L-Appostlu Pawlu għallimna dwar li għandna nqabblu l-komunikazzjoni mal-istrumenti mużikali meta huwa kiteb lill-Korintin:

”L-istess bħal fl-istrumenti tad-daqq bla ħajja, flawt jew ċetra; kieku dawn ma jagħtux ilħna li jingħażlu minn xulxin, kif jista’ wieħed jagħraf x’inhu jindaqq bil-flawt jew x’inhu jindaqq biċ-ċetra?

U jekk it-trumbetta tagħti leħen li ma tagħrafx x’inhu, min iħejji ruħu għat-taqbida?” 2

Illum aktar minn qatt qabel huwa żmien li fih id-dinja teħtieġ dixxipli ta’ Kristu li kapaċi jikkommunikaw il-messaġġ tal-evanġelju b’ ċarezza u jagħmlu dan minn qalbhom. Neħtieġu li t-trumbetta ddoqq b’ ċarezza.

Kristu kien ċertament l-aqwa eżempju għalina. Huwa dejjem wera l-kuraġġ li jieqaf għal dak li hu sewwa. Kliemu baqa’ jidwi tul is-sekli hekk kif huwa stedinna biex niftakru sabiex inħobbu lil Alla u lil għajrna, li nobdu l-kmandamenti kollha ta’ Alla u ngħixu bħala dawl li jdawwal lid-dinja. Huwa ma beżax jitkellem kontra l-qawwiet jew il-mexxejja tad-dinja ta’ żmienu, saħansitra meta dawn kienu qed jopponu l-missjoni Tiegħu li ġiet mogħtija minn Missieru tas-Smewwiet. Kliemu ma kienx intenzjonat biex iħawwad iżda biex iqanqal qlub il-bnedmin. Huwa kien jaf b’ ċarezza r-rieda ta’ Missieru f’ dak kollu li qal u li għamel.

Jogħoġobni wkoll l-eżempju ta’ Pietru, li kkonfronta lin-nies tad-dinja b’ kuraġġ u b’ ċarezza f’ jum l-Għid il-Ħamsin. F’ dak il-jum, bosta nies inġabru minn pajjiżi differenti biex jikkritikaw lill-ewwel Qaddisin għaliex kienu semgħuhom jitkellmu b’ ilsna differenti u ħasbu li kienu fis-sakra. Pietru, meta ħass ruħu jitqanqal bl-Ispirtu, qam biex jiddefendi l-Knisja u l-membri tagħha. Huwa xehed permezz ta’ dan il-kliem: ”Nies tal-Lhudija, u intom ilkoll li toqogħdu f’ Ġerusalemm, kunu afu dan u isimgħu sewwa x’se ngħidilkom jien.”3

Imbagħad huwa kkwota mill-iskrittura li fiha l-profeziji ta’ Kristu u qasam din it-testimonjanza mill-aktar ċara: ”Mela ħa jkun jaf fiż-żgur il-poplu kollu ta’ Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija.”4

Kienu ħafna li semgħu kliemu u ħassew l-Ispirtu, u 3,000 ruħ spiċċaw biex ingħaqdu mal-Knisja tal-ewwel żminijiet. Din hija evidenza qawwija li bniedem wieħed, li hu lest li jqum jixhed meta d-dinja tkun tidher li sejra fid-direzzjoni opposta, jista’ jagħmel differenza.

Meta aħna bħala membri nieħdu deċiżjoni li nqumu u b’ qawwa nixhdu dwar id-duttrina ta’ Alla u l-Knisja Tiegħu, ġo fina sseħħ bidla. Aħna nieħdu d-dehra Tiegħu fuqna. Insiru viċin aktar tal-Ispirtu Tiegħu. Min-naħa tiegħu Huwa jieqaf quddiemna u jkun ”fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħna, u l-Ispirtu tiegħu se jkun f’ qalbna, u l-anġli tiegħu jduru magħna, biex jgħinuna.”5

Id-dixxipli vera ta’ Kristu ma joqogħdux jiskużaw id-duttrina, meta din tmur kontra l-kurrent tad-dinja. Pawlu kien dixxiplu ieħor qalbieni li ddikjara b’ mod ċar li hu ma ”jistħix mill-evanġelju; għax l-evanġelju hu qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu.”6 Id-dixxipli vera jirrappreżantaw lill-Mulej meta ma jkunx konvenjenti li jagħmlu dan. Id-dixxipli vera jixtiequ jispiraw qlub il-bnedmin, mhux sempliċiment jimpressjonawhom.

Ħafna drabi ma tkunx ħaġa konvenjenti jew komda li tieqaf għall-Kristu. Jiena ċert li l-istess kien Pawl meta ġie msejjaħ quddiem is-Sultan Agrippa u ġie mitlub jiġġustifika lilu nnifsu u jgħid li għandu jgħid. Pawlu, mingħajr ma qagħad jaħsibha, iddikjara t-twemmin tiegħu b’ qawwa kbira li dan is-sultan li beda jagħmel minn kollox biex jintimidah spiċċa ammetta li ”kważi” kien ipperswadih biex isir Kristjan.

It-tweġiba ta’ Pawlu kienet xhieda tax-xewqa tiegħu li n-nies jifhmu b’ mod assolut dak li kellu xi jgħid. Huwa qal lis-Sultan Agrippa li kienet ix-xewqa tiegħu li dawk kollha li semgħuh mhux biss jispiċċaw biex ”kważi” isiru Kristjani, iżda pjuttost isiru ”kompletament” dixxipli ta’ Kristu.7 Dawk li jitkellmu b’ ċarezza jista’ jġibu dan fis-seħħ.

Tul is-snin li jiena studjajt l-istorja tal-ħolma ta’ Leħi fil-Ktieb ta’ Mormon,8 dejjem ħarist lejn il-bini kbir u spazzjuż bħala l-post li fih joqogħdu biss l-aktar bnedmin ribellużi. Il-bini kien mimli b’ nies jiżżufjettaw u jippuntaw subgħajhom lejn dawk li kienu qed iżommu mal-bastun tal-ħadid, li jirrappreżenta l-kelma ta’ Alla, u li kienu mexjin lejn is-siġra tal-ħajja, li tirrappreżenta l-imħabba ta’ Alla. Xi wħud ma felħux jibqgħu taħt il-pressjoni tan-nies li kienu qed jiżżuffjettaw bihom u ħallew it-triq li kienu fiha. Oħrajn iddeċidew li jingħaqdu ma’ dawk li kienu qed jiżżufjettaw. Ma kellhomx il-kuraġġ li jitkellmu b’ qawwa kontra l-kritika jew il-messaġġi tad-dinja?

Hekk kif nara d-dinja tal-lum titbiegħed minn Alla, jiena naħseb li dan il-bini qed jespandi fid-daqs tiegħu. Ħafna llum jinsabu jippassiġġaw fis-swali tal-bini kbir u spazzjuż mingħajr ma jintebħu li huma fil-fatt qed isiru parti mill-kultura tiegħu. Ħafna drabi huma jispiċċaw jaqgħu għat-tentazzjoni u l-messaġġi. Aħna eventwalment nispiċċaw narawhom ukoll jiżżufjettaw jew jingħaqdu ma’ dawk li jinsabu jikkritikaw jew jiżżuffjettaw.

Għal ħafna snin kont naħseb li l-folla li tinsab tiżżufjetta kienet qed tgħaddi biż-żmien bil-mod li l-fidili jgħixu ħajjithom, iżda l-ilħna mill-bini ta’ żmienna bidlu t-ton tagħhom u l-mod kif jagħmlu dan. Dawk li jiżżuffjettaw ħafna drabi jippruvaw jitfu l-messaġġ sempliċi tal-evanġelju billi jattakkaw xi aspetti mill-istorja tal-Knisja jew jikkritikaw b’ mod dirett lil xi profeta jew mexxej ieħor. Huma dejjem jattakkaw il-qalba tad-duttrina tagħna u l-liġijiet ta’ Alla, mogħtija mill-Ħolqien tad-dinja. Aħna, bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu u membri tal-Knisja Tiegħu, m’ għandna qatt nerħu jdejna minn mal-bastun tal-ħadid. Għandna nħallu t-trumbetta ddoqq b’ ċarezza mill-qalba ta’ ruħna.

Il-messaġġ sempliċi hu li Alla huwa Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna u Ġesù Kristu hu Ibnu. L-evanġelju ġie rrestawrat f’ dawn l-aħħar jiem permezz ta’ profeti ħajjin u l-evidenza ta’ dan hu l-Ktieb ta’ Mormon. It-triq li twassal għall-ferħ hi permezz tal-junit bażiku tal-familja kif organizzat u żvelat oriġinalment minn Missierna tas-Smewwiet. Din hija l-melodija familjari tal-messaġġ li ħafna jistgħu jagħrfu, peress li diġà semgħuha qabel fil-ħajja primortali.

Wasal iż-żmien li aħna, il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, nieqfu u nixhdu. Wasal iż-żmien sabiex in-noti tal-melodija tal-evanġelju jinstemgħu aktar mill-istorbju tad-dinja. Jiena nżid it-testimonjanza tiegħi għall-messaġġ tas-Salvatur u l-Feddej ta’ din id-dinja. Huwa jgħix! L-evanġelju Tiegħu ġie rrestawrat u l-barkiet tal-hena u l-paċi jistgħu jkunu tagħna f’ din il-ħajja jekk aħna nimxu skont il-kmandamenti Tiegħu u fit-triq Tiegħu. Din hija x-xhieda tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja