2010-2019
Nistagħġeb bl-Imħabba
Ottubru 2015


Nistagħġeb bl-Imħabba

It-testimonjanza tiegħi ta’ Ġesù Kristu nbniet fuq bosta esperjenzi speċjali li fihom jien sirt naf verament l-imħabba kbira Tiegħu għal kull wieħed u waħda minna.

Għeżież ħuti madwar id-dinja, jiena verament grat lejn l-Ewwel Presidenza talli stednuni sabiex naqsam it-testimonjanza umli tiegħi f’ dan il-Jum tas-Sabbath. Il-kliem ta’ wieħed mill-innijiet favoriti tagħna l-Qaddisin tal-Aħħar Jiem jiddeskrivi s-sentimenti tiegħi bħalissa:

Nistagħġeb bl-imħabba li joffrili Ġesù,

Inħossni nitħawwad bil-grazzja li jtini hu. …

Nistagħġeb ukoll li hu niżel mit-tron divin

Biex jeħles ruħ ribelluża u mkabbra bħal din,

Għalija mħabbtu tant kbira w manjifika,

Biżżejjed biex lili jifdi, jiġġustifika. …

O, x’ ġest veru sabiħ, hu għalija miet!1

Ftit jiem ilu, jiena kelli l-privileġġ kbir li niltaqa’ mal-Ewwel Presidenza u rċevejt din is-sejħa mingħand il-profeta għażiż tagħna, il-President Thomas S. Monson. Nixtieq nixhed magħkom ilkoll dwar il-qawwa u l-imħabba li jippossedi l-President Monson hekk kif huwa qalli, ”Din is-sejħa ġejja mingħand il-Mulej Ġesù Kristu.”

Jiena nħossni verament kommoss meta naħseb dwar l-importanza u s-sinifikat ta’ dan il-kliem tant ħelu mlissen mill-profeta għażiż tagħna. Lilkom, President Monson, President Eyring, President Uchtdorf, jiena nħobbkom u lest li naqdi lill-Mulej u lilkom b’ qalbi kollha, b’ ħilti kollha, b’ moħħi kollu u bil-qawwa tiegħi kollha.

O, kemm kont inħobb lill-President Boyd K. Packer u lill-Presbiteri L. Tom Perry u Richard G. Scott. Nimmissjahom verament. Jiena nħossni mbierek li ġejt imħarreġ u mgħallem personalment minn dawn l-Aħwa għeżież. Jiena żgur li m’iniex ikkwalifikat biex nilbes iż-żarbun tagħhom, madankollu inħossni onorat li ġejt imsejjaħ biex nagħmel parti mill-istess kworum li kienu jagħmlu parti minnu huma fil-ministeru tal-Mulej.

Meta naħseb f’ dawk kollha li grazzi għalihom jiena l-bniedem li jien illum, l-ewwel li tiġi f’ moħħi hi s-sieħba ħelwa, altruwista u eterna tiegħi, Melanie. Tul is-snin, hija għenet biex bħat-tafal taċ-ċeramista lili tiffurmani f’ dixxiplu aktar irraffinat ta’ Ġesù Kristu. L-imħabba u s-sapport tagħha, u tal-5 uliedna, tan-nisa u l-irġiel tagħhom u tal-24 neputijiet tagħna lili sostnewni. Lilkom il-membri tal-familja għażiża tiegħi, jiena nħobbkom.

Bħal Nefi tal-qedem, jiena twelidt minn ġenituri twajbin fl-evanġelju u huma wkoll kellhom ġenituri twajbin li jmorru lura sa sitt ġenerazzjonijiet. L-ewwel antenati tiegħi li ngħaqdu mal-Knisja kienu mill-Ingilterra u d-Danimarka. Dawn l-ewwel pijunieri taw ħajjithom għall-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u ħallew warajhom wirt biex jimxu fuqu dawk ta’ warajhom. Jiena verament grat għall-membri tal-familja tiegħi Qaddisin tal-Aħħar Jiem li ġejjin minn ġenerazzjonijiet diversi, u naf li dan huwa għan mill-aktar den li aħna lkoll għandna nimmiraw għalih.

Huma ħafna l-oħrajn li kkontribwew biex jiena nkun imħejji għal din is-sejħa l-ġdida. Dawn jinkludu lill-ħbieb u l-membri tal-familja li kelli fi tfuliti, il-mexxejja, l-għalliema u n-nies eżemplari li kelli meta kont żgħir. Xieraq ninkludi wkoll lil dawk li kienu parti mill-ewwel missjoni tiegħi fl-istati tal-lvant u l-missjunarji għeżież tagħna mill-Missjoni tat-Tramuntana ta’ New York, fi New York. Lejkom kollha li infuwenzajtu u ffurmajtu ħajti, jiena verament grat.

Kien veru ta’ pjaċir għalija li kont inservi magħkom, Ħuti tas-Sebgħin. Għal 15-il sena sħaħ jiena kont nagħmel parti minn wieħed mill-akbar kwora u fratellanza għażiża fil-Knisja. Grazzi, għeżież qaddejja kollegi tiegħi. Issa nħares ’il quddiem li nagħmel parti minn kworum ġdid. President Russell M. Nelson, l-imħabba tiegħi għalik u għal kull membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu hija waħda profonda.

Sister Rasband u jiena ġejna mberkin bl-opportunità li niltaqgħu ma’ għadd ta’ membri tul il-bosta essajnments li kellna qalb il-kongregazzjonijiet u l-missjonijiet madwar id-dinja. Aħna verament inħobbu lill-Qaddisin tal-Aħħar Jiem kollha ma’ kullimkien! Il-fidi tagħkom qawwiet il-fidi tiegħi; it-testimonjanzi tagħkom saħħew it-testimonjanza tagħna.

Issa, jekk illum tippermettuli naqsam magħkom messaġġ qasir, il-messaġġ huwa dan: il-Mulej qal, ”Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.”2 Jiena ċert li l-ebda għażla, dnub jew żball li intom jew xi ħadd ieħor jista’ jwettaq mhu se jibdel l-imħabba Tiegħu għalikom jew għalihom. Dan ma jfissirx li Huwa se jiskuża jew jaċċetta xi mġiba ħażina—jien ċert li le—iżda dan ifisser li aħna għandna nilħqu lil għajrna b’ imħabba sabiex nistednuhom, nikkonvinċuhom, naqduhom u nsalvawhom. Ġesù Kristu jħares lil hinn mill-etniċità, l-istat soċjali jew iċ-ċirkustanzi tal-bnedmin sabiex jgħallimhom din il-verità profonda.

Jiena ġejt mistoqsi diversi drabi meta kien li jiena ksibt it-testimonjanza tiegħi.

Ma niftakar qatt li kien hemm xi żmien li fih ma kontx nemmen f’ Missierna tas-Smewwiet u f’ Ġesù Kristu. Ħabbejthom minn meta sirt naf dwarhom waqt li kont inkun fuq irkupptejn ommi, waqt li taqrali l-iskrittura u l-istejjer mill-evanġelju. Dak it-twemmin fl-ewwel snin ta’ ħajti issa nbidel f’ għarfien u xhieda ta’ Missier tas-Smewwiet li tant iħobbna, li jisma’ u jwieġeb talbna. It-testimonjanza tiegħi ta’ Ġesù Kristu nbniet fuq bosta esperjenzi speċjali li permezz tagħhom jien sirt naf verament l-imħabba kbira Tiegħu għal kull wieħed u waħda minna.

Jiena grat tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur tagħna u nixtieq li bħal Alma ntenni permezz tat-tromba ta’ Alla.3 Jiena naf li Joseph Smith huwa l-profeta tar-Restawrazzjoni ta’ Alla u li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla. U naf li l-President Thomas S. Monson huwa l-qaddej u l-profeta vera ta’ Alla fid-dinja llum.

Hekk kif aħna nimxu wara l-profeta tagħna, jien nitlob li aħna jkollna f’ qalbna l-karità lejn ħaddieħor u li aħna nsiru xhieda ħajjin u verament ”nistagħġbu bl-imħabba li joffrilna Ġesù.” O, jalla dan ikun ”ġest veru sabiħ, għalik u għalija.” F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja