2010-2019
Qatt M’hu Kmieni Wisq u Qatt M’hu Tard Wisq
Ottubru 2015


Qatt M’hu Kmieni Wisq u Qatt M’hu Tard Wisq

Qatt mhu kmieni wisq u qatt mhu tard wisq biex immexxu lil uliedna, niggwidawhom u nimxu magħhom għaliex il-familji huma għal dejjem.

Ħuti, aħna ninsabu f’ battalja mad-dinja. Fil-passat, id-dinja kienet tikkompeti magħna għall-enerġija u l-ħin ta’ wliedna. Illum tiġġieled magħna għall-identità u l-moħħ tagħhom. Bosta ilħna storbjużi u prominenti qed jippruvaw jiddefinixxu min huma wliedna u x’ għandhom jemmnu. Ma nistgħux inħallu lis-soċjetà tinfluwenza lill-familja tagħna b’ tali mod li tispiċċa ssir bħad-dinja. Jeħtieġ nirbħu din il-battalja. Kollox jiddependi minnha.

It-tfal tal-Knisja jkantaw kanzunetta li tgħallimhom dwar l-identità reali tagħhom: ”Jien iben Alla. … Hu lili bagħatni hawn, u fuq din l-art Hu tagħni dar b’ ġenituri.” Imbagħad, it-tfal jitolbuna: ”Iggwidani, imxi ħdejja. … Għinni biex kliemu nifhem jien qabel ma jkun tard wisq.”1

Il-President Russell M. Nelson għallimna fl-aħħar konferenza ġenerali li, minn issa ’l quddiem, aħna għandna ningaġġaw ruħna f’ li ”inkunu ġenituri mill-aktar ġusti.”2 Dawn huma żminijiet perikolużi. Iżda l-aħbar it-tajba hi li Alla jaf li hekk kien se jkun, u Huwa pprovdielna l-kunsill li jinsab fl-iskrittura sabiex aħna nkunu nafu kif nistgħu ngħinu lil uliedna u n-neputijiet tagħna.

Immaġni
Is-Salvatur mat-tfal mill-Ktieb ta’ Mormon

Fil-Ktieb ta’ Mormon, is-Salvatur deher lin-Nefiti. Huwa ġabar lil uliedhom madwaru. Huwa berikhom, talab għalihom u beka minħabba fihom.3 Imbagħad Huwa qal lill-ġenituri, ”Araw, liċ-ċkejknin tagħkom.”4

Il-kelma araw tfisser preċiżament li tħarsu u taraw b’ għajnejkom. X’ ried Ġesù li l-ġenituri jaraw fiċ-ċkejknin tagħhom? Taħsbu li riedhom li jaraw ftit mill-potenzjal divin ta’ wliedhom?

Hekk kif illum aħna nħarsu lejn uliedna u n-neputijiet tagħna, x’ taħsbu li s-Salvatur jixtieqna naraw fihom? Nagħrfu aħna li wliedna huma l-akbar grupp ta’ investigaturi fil-Knisja? X’ għandna nagħmlu biex naraw li sseħħ fihom il-konverżjoni li tibqa’?

Fil-ktieb ta’ Mattew, is-Salvatur jgħallimna dwar il-konverżjoni li tibqa’. Grupp kbir ta’ nies inġabru ħdejn il-Baħar tal-Galilija biex jisimgħuh jgħallem.

F’ dan il-waqt, Ġesù qal storja dwar wieħed li jiżra’—il-parabbola tal-bidwi li jiżra’.5 Biex jispjega dan lid-dixxipli Tiegħu, u ultimament lilna lkoll, Huwa qal, ”Kull meta xi ħadd jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, imbagħad jersaq il-ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu.”6 Il-messaġġ għall-ġenituri huwa wieħed ċar: hemm differenza bejn li nisimgħu u li nifhmu. Jekk uliedna sempliċiment jisimgħu iżda ma jifhmux l-evanġelju, hemm inkunu qed niftħu l-bieb għal Satana biex hu jneħħi dawn il-veritajiet minn ġo qalbhom.

Madankollu, jekk aħna ngħinuhom ikabbru l-għeruq tal-konverżjoni vera, imbagħad fis-sħana tal-jum, meta l-ħajja tkun diffiċli—u diffiċli żgur se tkun—l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jkun jista’ jsawwar xi ħaġa fihom li ma taffetwax ruħha mill-influwenzi tad-dinja. Kif nistgħu niżguraw li dawn il-veritajiet qawwija mhumiex qed jidħlu minn widna u joħorġu minn oħra? Li nisimgħu biss il-kliem jaf ma jkunx biżżejjed.

Ilkoll nafu li l-kliem jevolvi. Xi kultant aħna ngħidu dak li għandna ngħidu u huma jisimgħu dak li għandhom jisimgħu. Lit-tfal ċkejknin tagħkom tafu tgħidulhom, ”Tinstemgħu qiskom diska li dejjem tirrepeti.” Probabbilment huma jwieġbu billi jgħidulek, ”Pa, diska x’ inhi?”

Missierna tas-Smewwiet iridna nirnexxu għaliex fil-verità, huma l-ewwel kienu wliedu qabel saru wliedna. Bħala ġenituri f’ Sijon, aħna rċevejna d-don tal-Ispirtu s-Santu. Hekk kif intom titolbu għall-gwida, ”huwa jurikom dak kollu li għandkom tagħmlu”7 biex tgħallmu lil uliedkom. Hekk kif intom tiżviluppaw il-proċess tat-tagħlim, ”il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu twassal dan fi qlub it-tfal.”8

Ma nistax naħseb f’ eżempju akbar dwar li tgħin lil xi ħadd jifhem xi ħaġa mill-istorja ta’ Helen Keller. Hija kienet nieqsa mid-dawl u mis-smigħ u għexet f’ dinja li kienet mudlama u siekta. Waħda għalliema jisimha Anne Sullivan marret biex tgħinha. Kif tista’ tgħallem tifla li la tara u lanqas tisma’?

Immaġni
Helen Keller u Anne Sullivan

Għal żmien twil, Anne bdiet issibha diffiċli biex tikkomunika ma’ Helen. Jum fost l-oħrajn għal ħabta ta’ nofsinhar, hija ħaditha sa ħdejn il-pompa tal-ilma. Hija poġġiet id Helen taħt il-post li minnu kien se joħroġ l-ilma u bdiet tippompja l-ilma. Anne spelliet il-kelma I-L-M-A fuq l-id l-oħra ta’ Helen. Kollu għal xejn. Għalhekk reġgħet ippruvat. I-L-M-A. Helen għafset id Anne peress li bdiet tifhem. Sa filgħaxija kienet tgħallmet 30 kelma. Fi ftit xhur, hija tgħallmet 600 kelma u kienet kapaċi taqra permezz tal-Braille. Helen Keller spiċċat biex kisbet lawrja mill-università u għenet biex tinbidel għall-aħjar il-ħajja ta’ dawk li la setgħu jaraw u lanqas jisimgħu.9 Dan kien miraklu, u l-għalliema tagħha kienet dik li wettqet il-miraklu, l-istess kif tkunu intom, il-ġenituri.

Jiena rajt x’ kienet kapaċi twettaq għallima oħra mill-aqwa meta kont qed inservi bħala l-president ta’ wited tal-adulti mhux miżżewġin ġewwa l-università ta’ Brigham Young-Idaho. Din l-esperjenza bidlitli ħajti. Darba waħda t-Tlieta filgħaxija, jiena intervistajt wieħed żagħżugħ jismu Pablo, mill-Belt tal-Messiku, li ried imur jaqdi missjoni. Jiena staqsejtu dwar it-testimonjanza tiegħu u x-xewqa tiegħu li jservi. Huwa wieġeb b’ mod perfett għall-mistoqsijiet tiegħi. Imbagħad jiena staqsejtu mistoqsijiet biex nara huwiex den. Huwa wieġeb b’ eżattezza. Fil-fatt, tant wieġeb tajjeb, li jiena bdejt naħseb, ”Forsi mhux qed jifhem x’ qed nistaqsieh.” Għalhekk jiena erġajt staqsejtu l-mistoqsijiet b’ mod ieħor biex nara li huwa kien jaf sew x’ ridt infisser u li kien verament onest.

Tant impressjonajt ruħi b’ dan iż-żagħżugħ li staqsejtu, ”Pablo, min kien li għenek biex f’ dan il-mument f’ ħajtek inti tinsab wieqaf b’ mod tant ġust quddiem il-Mulej?

Huwa qalli, ”Missieri.”

Jiena għedtlu, ”Pablo, għidli l-istorja tiegħek.”

Pablo kompla: ”Meta kelli disa’ snin, missieri sejjaħli u qalli, ’Pablo, jiena darba wkoll kelli disa’ snin. Se nkellmek dwar xi ħwejjeġ li taf tiltaqa’ magħhom. Inti se tara xi nies jippruvaw iqarrqu fl-iskola. Taf issib ruħek imdawwar b’ nies li jitkellmu ħażin. Probabilment jafu jiġu ġranet li ma tkunx trid tmur knisja. Issa, meta jiġri dan—jew xi ħaġa oħra li tinkwetak—nixtieq li tiġi tkellimni, u jiena ngħinek tħabbat wiċċek ma’ dan kollu. U mbagħad ngħidlek x’ se jiġri.”

”Għalhekk Pablo, x’ qallek meta kellek 10 snin?”

”Sewwa, huwa widdibni dwar il-pornografija u ċ-ċajt oxxen.”

”U meta kellek 11?” Staqsejtu.

”Huwa wissieni dwar ħwejjeġ li jistgħu jwaqqgħuni f’ xi vizzju u fakkarni li għandi nuża l-għażla ħielsa tiegħi.”

Hawn hu missier, sena wara sena, ”linja wara linja; ftit minn hawn u ftit minn hemm,”10 li għen lil ibnu mhux biss biex jisma’ iżda wkoll biex jifhem. Missier Pablo kien jaf li t-tfal jitgħallmu meta huma jkunu lesti biex jitgħallmu, u mhux biss meta aħna nkunu lesti biex ngħallmuhom. Ħassejtni kburi b’ Pablo meta dik il-lejla aħna ssottomejna l-applikazzjoni tiegħu għall-missjoni, iżda ħassejtni aktar kburi b’ missier Pablo.

Meta dik il-lejla soqt lura lejn id-dar, jiena staqsejt lili nnifsi, ”X’ tip ta’ missier se jkun Pablo?” U t-tweġiba kienet ċara daqs il-kristall: se jkun bħal missieru. Ġesù qal, ”L-Iben l-ebda ħaġa ma jista’ jagħmel minn rajh jekk ma jarax lil Missieru jagħmilha.”11 Dan huwa l-mod kif Missierna tas-Smewwiet ibierek lil uliedu minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Hekk kif jien komplejt naħseb dwar l-esperjenza tiegħi ma’ Pablo, jiena ħassejtni mnikket peress li l-erba’ wliedi kienu kibru u d-disa’ neputijiet li kelli dak iż-żmien ma kinux joqogħdu viċin tiegħi. Imbagħad għedt lili nnifsi, ”Kif qatt nista’ ngħinhom bil-mod li missier Pablo għen lil ibnu? Tgħid għadda wisq żmien?” Hekk kif jiena offrejt talba f’ qalbi, l-Ispirtu tenna ġo fija din il-verità profonda: ”Qatt mhu kmieni wisq u qatt mhu tard wisq biex tibda dan il-proċess importanti.” Indunajt mill-ewwel dan x’ kien ifisser. Kont fuq ix-xwiek biex nasal id-dar. Tlabt lil marti, Sharol, sabiex iċċempel lil uliedna kollha u tgħidilhom li kellna bżonn immorru nżuruhom; kelli xi ħaġa importanti x’ ngħidilhom. L-urġenza tiegħi ħawdithom xi ftit.

Bdejna bit-tifla l-kbira tagħna u żewġha: Jiena għedt: ”Ommok u jiena nixtiquk tkun taf li darba aħna konna tal-età tiegħek. Kellna 31 sena, b’ familja żgħira. Għandna xi ftit idea minn xiex għad tista’ tgħaddi. Tista’ tkun xi sfida finanzjarja jew ta’ saħħa. Jaf ikun mument ta’ kriżi fil-fidi tiegħek. Taf issibha diffiċli biex tkampa mal-ħajja. Meta jiġri dan, irriduk tiġi tkellimna. Aħna ngħinuk tiffaċċja l-problemi tal-ħajja. Issa, ma nixtiqux li nindaħlulek f’ dak kollu li tagħmel, iżda rriduk tkun taf li aħna lesti nissapportjawk. Filwaqt li ninsabu flimkien, nixtieq nirrakkontalek dwar intervista li għadni kif kelli ma’ wieħed żagħżugħ jismu Pablo.”

Wara l-istorja, jien għedt, ”Ma nixtiqukx li timmissja ċ-ċans li tgħin lil uliedek u lin-neputijiet tagħna jifhmu dawn il-veritajiet tant importanti.

Ħuti, issa jiena nirrealizza b’ mod aktar ċar x’ jistenna minni l-Mulej bħala missier u nannu hekk kif jiena nistabbilixxi proċess li ngħin lill-membri tal-familja tiegħi mhux biss jisimgħu iżda wkoll jifhmu.

Aktar ma nikber aktar nispiċċa ngħaddi ħin nirrifletti fuq dan il-kliem:

O żmien, O żmien, ejja ħudni lura,

U ħallihom ikunu ċ-ċkejknin uliedi għal lejla oħra!12

Naf li ma nistax indawwar il-ħin lura, iżda jiena naf dan—li qatt mhu kmieni wisq u qatt mhu tard wisq biex immexxu lil uliedna, niggwidawhom u nimxu magħhom għaliex il-familji huma għal dejjem.

Hija x-xhieda tiegħi li Missierna tas-Smewwiet iħobbna tant li bagħat lill-Uniku Iben Imnissel Tiegħu biex jgħix ħajja ta’ wieħed mortali sabiex Ġesù jkun jista’ jgħidilna, ”Jiena kont fejn tinsabu intom, naf x’ se jiġri, u se ngħinkom tiffaċċjaw dan.” Jiena naf li hekk se jagħmel. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. ”Jien Iben Alla,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 58.

  2. Ara Russell M. Nelson, “The Sabbath Is a Delight,” Liahona, Mejju 2015, 131.

  3. Ara 3 Nephi 17:21, 16.

  4. 3 Nephi 17:23.

  5. Ara Mattew 13:1–13.

  6. Mattew 13:19; enfażi miżjuda.

  7. 2 Nephi 32:5.

  8. 2 Nephi 33:1.

  9. Ara “Anne Sullivan,” biography.com/people/anne-sullivan-9498826; “Helen Keller,” biography.com/people/helen-keller-9361967.

  10. Isaija 28:10.

  11. Ġwanni 05:19.

  12. Addattat mill-poeżija ta’ Elizabeth Akers Allen “Rock Me to Sleep,” f’ William Cullen Bryant, ed., The Family Library of Poetry andSong (1870), 222–23.

Ipprintja