2010-2019
Veritajiet Sempliċi u Prezzjużi
Ottubru 2015


Veritajiet Sempliċi u Prezzjużi

Il-kumpens ġeneruż ta’ Missierna tas-Smewwiet talli ninsabu ngħixu fi żminijiet perikolużi hu li aħna ninsabu ngħixu wkoll fil-milja taż-żminijiet.

Għeżież ħuti, għaddew għexieren tas-snin mill-aħħar konferenza ġenerali li fiha magħna ma kienx hawn preżenti l-President Boyd K. Packer u l-Presbiteri L. Tom Perry u Richard G. Scott bilqiegħda wara l-pulptu u jitkellmu f’ waħda minn dawn is-sezzjonijiet. It-tikira li aħna għandna tagħhom timlina b’ emozzjoni mill-aktar profonda u jiena nagħtihom ġieħ u nonorahom, għax minkejja li lkoll kienu verament differenti u uniċi, madankollu kienu lkoll tant f’ armonija fix-xhieda u t-testimonjanza ta’ Ġesù Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu.

Barra minn hekk, jiena, bħalkom, insib is-sosteniment tiegħi fil-President Thomas S. Monson u lilu jiena nsostni bħala l-profeta, il-bassar u r-rivelatur, u nimmeravilja ruħi bis-servizz appostoliku fidil u ubbidjenti tiegħu għal aktar minn 50 sena meraviljużi.

U għalhekk kien il-jum tat-Tlieta filgħodu ta’ din il-ġimgħa, ftit wara d-disgħa ta’ filgħodu, meta aħna bħala Veskovat konna għadna kif bdejna niltaqgħu mal-Presidenza Reġjonali tal-Asja, li jinsabu hawnhekk għall-konferenza, li jiena ġejt imsejjaħ biex niltaqa’ mal-President Monson, flimkien mal-kunsilliera tiegħu. Ftit ħin wara, hekk kif jiena dħalt fil-kamra tal-laqgħat li tinsab ħdejn l-uffiċċju tiegħu, probabbilment kont nidher xi ftit nervuż mhux ħażin bilqiegħda man-naħa l-oħra tal-mejda, hekk kif huwa beda jkellimni b’ ċerta kalmezza biex jikkalmani. Huwa qalli, meta nnota l-età tiegħi, li kont nidher li għadni żgħir mhux ħażin u saħansitra anke iżgħar miż-żmien li għandi.

Imbagħad, wara ftit mumenti, il-President Monson iddeskriva li hekk kif huwa se jaġixxi skont ir-rieda tal-Mulej, huwa kien se jestendili s-sejħa biex nagħmel parti mill-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Huwa staqsieni jekk jiena kontx lest li naċċetta din is-sejħa, u, wara li b’ mod mill-aktar ovvju jiena ħadt nifs twil u qawwi, bix-xokk li kelli fuqi, jiena għidtlu li kont se naċċetta. U mbagħad, qabel ma kelli ċans inlissen bil-kliem dak kollu li bdejt inħoss ġo fija, li parti kbira minnu kien is-sentiment li forsi ma kontx adegwat biżżejjed għal din is-sejħa, il-President Monson bil-ħniena dar lejja u ddeskrivieli kif bosta snin ilu huwa ġie msejjaħ bħala Appostlu mill-President David O. McKay, u li f’ dak il-ħin anke huwa ħassu inadegwat. Bil-kalma kollha huwa qalli, ”Isqof Stevenson, il-Mulej jikkwalifika lil dawk li Huwa jsejjaħ.” Dan il-kliem mill-aktar ħelu ta’ profeta kien sors verament ta’ paċi, il-kalma f’ maltempata ta’ eżami tal-kuxjenza mill-aktar diffiċli u ta’ sentimenti mill-aktar ħelwin fis-sigħat sħaħ ta’ agonija li jien għaddejt, lejl u nhar, minn dak inhar ’l hawn.

Aktar tard dak inhar, jiena spjegajt dak li għadni kif iddeskrivejt lilkom lill-ħelwa sieħba tiegħi, Lesa, waqt li konna bilqiegħda f’ rokna kwieta ġewwa l-Pjazza tat-Tempju, bid-dehra serena tat-tempju u t-Tabernaklu storiku quddiemna. Hekk kif bdejna nippruvaw nifhmu u nipproċessaw il-ġrajjiet ta’ dak il-jum, aħna sibna li l-ankra tagħna kienet il-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu u l-għarfien tagħna tal-pjan kbir ta’ ferħ. Dan wassal biex jiena esprimejt l-imħabba profonda li jien għandi għal Lesa. Hija l-ferħ f’ ħajti u l-ferħ ta’ ħajti u hi bint mill-aktar meraviljuża ta’ Alla. Ħajjitha hija ħajja kkaratterizzata minn servizz mill-aktar altruwista u mħabba mingħajr kundizzjoni lejn kulħadd. Jiena se nagħmel l-almu tiegħi biex nibqa’ den tal-barkiet tal-unjoni eterna tagħna.

Jiena nesprimi l-imħabba profonda tiegħi għall-erba’ wliedna u l-familji tagħhom, tlieta minnhom jinsabu hawnhekk flimkien man-nisa ħelwin tagħhom, l-ommijiet tas-sitt neputijiet tagħna; ir-raba’ wieħed, li hu missjunarju, għandu permess speċjali li jibqa’ mqajjem wara l-ħin li suppost jidħlu jorqdu l-missjunarji u jinsab isegwi din ix-xandira diretta flimkien mal-president tiegħu tal-missjoni u l-mara tal-president tal-missjoni mid-dar tal-missjoni tagħhom fit-Tajwan. Jiena nħobbhom kollha u nħobb il-mod li bih huma jħobbu lis-Salvatur u l-evanġelju.

Jiena nesprimi l-imħabba tiegħi għall-membri kollha tal-familja tiegħi: lill-għażiża ommi u lil missieri, li għadda għal ħajja oħra s-sena li għaddiet, li żergħu fija testimonjanza li bħallikieku ilha tgħammar ġo fija minn dejjem. Nestendi wkoll il-gratitudni tiegħi lejn ħuti s-subien u l-bniet, u lin-nisa u l-irġiel tagħhom, kif ukoll lill-familja ta’ Lesa, li ħafna minnhom jinsabu fostna llum. Jiena nixtieq nuri l-gratitudni tiegħi ukoll lejn il-familja estiża kbira tiegħi, il-ħbieb tiegħi u l-missjunarji, il-mexxejja u l-għalliema kollha li sirt naf f’ ħajti.

Jiena ġejt imbierek li kont naf mill-viċin lill-membri tal-Ewwel Presidenza, lit-Tnax, lis-Sebgħin u l-presidenzi awżiljarji ġenerali. Jiena nesprimi l-imħabba tiegħi lejkom ħuti u nirrispettakom kollha u nagħmel dak kollu li nista’ biex inkun den tal-ħbiberija kontinwa tagħna. Il-Veskovat li Jippresidi huwa unit f’għaqda kważi divina. Se nimmissja l-laqgħat li kien ikolli ta’ kuljum mal-Isqof Gérald Caussé, l-Isqof Dean M. Davies u l-membri tal-istaff.

Jiena nieqaf quddiemkom bħala evidenza tal-kliem tal-Mulej kif inhu miktub fl-ewwel sezzjoni tad-Duttrina u Patti: ”Sabiex il-milja tal-evanġelju tiegħi tkun tista’ tiġi mxandra permezz tad-dgħajfin u s-sempliċi sat-truf tad-dinja, u quddiem is-slaten u l-mexxejja.”1 Dan il-kliem hu ppreċedut bid-dikjarazzjoni tal-Mulej li turi l-imħabba ta’ Missier lejn uliedu: ”Għalhekk, jiena l-Mulej, għax naf bl-għawġ li għandu jiġi fuq l-abitanti tad-dinja, sejjaħt lill-qaddej tiegħi Joseph Smith iż-żgħir, u kellimtu mis-smewwiet u lilu jiena tajtu kmandamenti.”2

Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna u Ibnu, Ġehova, li jafu l-bidu mit-tmiem,3 fetħu s-smewwiet u dispensazzjoni ġdida biex jikkompensaw għall-għawġ li kienu jafu li kien se jkollna fl-aħħar żminijiet. L-Appostlu Pawlu ddeskriva l-għawġ imbassar bħala ”żminijiet perikolużi.”4 Għalija, dan jissuġġerixxi li l-kumpens ġeneruż ta’ Missierna tas-Smewwiet talli ninsabu ngħixu fi żminijiet perikolużi hu li aħna ninsabu ngħixu wkoll fil-milja taż-żminijiet.

Hekk kif din il-ġimgħa jiena bdejt inħossni nitnikket minħabba li ħassejtni inadegwat għas-sejħa tiegħi, jiena rċevejt fija bħal suġġeriment distint li widdibni kif ukoll farraġni: li jien m’għandix niffoka fuq dak li ma nistax nagħmel iżda pjuttost għandi niffoka fuq dak li nista’ nagħmel. Jiena nixhed dwar il-veritajiet sempliċi u prezzjużi tal-evanġelju.

Dan huwa l-kliem li jiena qsamt għal mijiet ta’ drabi kemm ma’ dawk li huma membri tal-Knisja kif ukoll ma’ dawk li mhumiex: ”Alla huwa Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna. Aħna wliedu. … Meta aħna nsofru Huwa jibki magħna u Hu jifraħ meta aħna nagħmlu s-sew. Huwa jrid jikkomunika magħna, u aħna nistgħu nikkomunikaw Miegħu permezz tat-talb sinċier tagħna. 

”Missierna tas-Smewwiet ipprovda lilna, lil uliedu, mod kif … nistgħu nerġgħu lura sabiex ngħixu fil-preżenza Tiegħu. … Fil-qofol tal-pjan ta’ Missierna hemm l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.”5

Missierna tas-Smewwiet bagħat lil Ibnu fid-dinja sabiex ipatti għad-dnubiet tal-umanità. Dwar dawn il-veritajiet sempliċi u prezzjużi jiena nagħti x-xhieda tiegħi, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja