2010-2019
Obdu l-Kmandamenti
Ottubru 2015


Obdu l-Kmandamenti

Huwa li ħalaqna u jħobbna b’ mod perfett jaf kif aħna jeħtieġ li ngħixu ħajjitna biex inkunu nistgħu niksbu l-akbar ferħ possibli.

Għeżież ħuti, kemm qed nieħu gost li erġajt ninsab magħkom. Illejla aħna verament ġejna ispirati permezz tal-kliem li smajna. Nitlob li anke jien niġi ggwidat f’ dak li se ngħid.

Il-messaġġ tiegħi għalikom illejla huwa wieħed sempliċi. Huwa dan: obdu l-kmandamenti.

Il-kmandamenti ta’ Alla ma ġewx mogħtija lilna biex jiffrustrawna jew biex ikunu ostaklu għall-ferħ tagħna. Pjuttost il-verità hija l-oppost ta’ dan. Huwa li ħalaqna u jħobbna b’ mod perfett jaf kif aħna jeħtieġ li ngħixu ħajjitna biex inkunu nistgħu niksbu l-akbar ferħ possibli. Huwa pprovdielna ċerti linjigwida li jekk nimxu magħhom jirnexxielna ngħaddu mingħajr periklu minn dan il-vjaġġ mortali li ħafna drabi jaf ikun wieħed perikoluż. Ilkoll niftakru l-kliem ta’ wieħed mill-innijiet l-aktar familjari: ”Obdu l-Kmandamenti! Fihom hemm is-sigurtà; hemm il-paċi.”1

Missierna tas-Smewwiet iħobbna tant li qalilna: La tigdibx; la tisraqx; la tagħmilx adulterju; ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek; u ħwejjeġ oħra.2 Il-kmandamenti aħna nafuhom. Huwa jifhem li meta aħna nobdu l-kmandamenti, ħajjitna tkun aktar ferħana, aktar sodisfaċenti u anqas ikkumplikata. Insibuha aktar faċli niffaċċjaw l-isfidi u l-problemi li jkollna quddiemna, u aħna nirċievu l-barkiet imwiegħda Tiegħu. Iżda filwaqt li Huwa jagħtina l-liġijiet u l-kmandamenti, Huwa wkoll jagħtina ċ-ċans li nagħżlu jekk naċċettawhomx jew le. Id-deċiżjonijiet tagħna f’ dan ir-rigward jispiċċaw jiddeterminaw id-destin tagħna.

Jiena ninsab ċert li kull wieħed u waħda minna għandna bħala l-għan aħħari tagħna li niksbu l-ħajja ta’ dejjem fil-preżenza ta’ Missierna tas-Smewwiet u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu. Hija ħaġa mill-aktar importanti, għalhekk, li l-għażliet li aħna nagħmlu tul ħajjitna jwassluna għal dan l-għan kbir. Madankollu, aħna nafu li l-avversarju se jara x’ jagħmel biex aħna nfallu. Hu flimkien mal-eżerċti kollha tiegħu qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex ixekklu x-xewqat ġusti tagħna. Huma jirrappreżentaw theddid mill-aktar gravi u kostanti għas-salvazzjoni eterna tagħna sakemm aħna wkoll ma nkunux persistenti fid-determinazzjoni u fl-isforzi tagħna li niksbu l-għan tagħna. L- Appostlu Pietru wissiena, ”Kunu meqjusa u għassu; l-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’lil min se jibla’.”3

Għalkemm fl-ebda ħin f’ ħajjitna m’ aħna eżentati mit-tentazzjoni, intom iż-żgħażagħ tinsabu f’ età mill-aktar vulnerabbli. Żmien iż-żogħżija ħafna drabi huwa żmien ta’ inċertezza, li fih tħossukom li m’intomx tiksbu dak li hu mistenni minnkom, u li fih tippruvaw tiffittjaw ma’ sħabkom u fis-soċjetà. Taf tiġikom it-tentazzjoni li tbaxxu l-istandards tagħkom u timxu mal-kurrent sabiex tiġu aċċettati minn dawk li tixtiequ li jkunu ħbieb tagħkom. Jekk jogħġobkom ibqgħu sodi, u żommu għajnejnkom miftuħa għal kull ħaġa li tista’ ċċaħħadkom mill-barkiet tal-eternità. L-għażliet li intom tagħmlu hawnhekk bħalissa huma importanti għal dejjem.

Naqraw fl- 1 Korintin: ”Hemm bosta ilħna fid-dinja.”4 Aħna ninsabu mdawrin b’ ilħna persważivi, ilħna qarrieqa, ilħna li jippruvaw iċekknuna, ilħna sofistikati, u ilħna konfużi. Nixtieq inżid billi ngħid li dawn huma ilħna storbjużi. Inwiddibkom sabiex tbaxxu l-volum u minflok tinfluwenzaw irwieħkom minn dak il-leħen sieket u ċkejken li jiggwidakom lil hinn mill-periklu. Ftakru li xi ħadd b’ awtorità qiegħed idejh fuq raskom wara li intom tgħammidtu, u kkonfermakom bħala membri tal-Knisja u qal, ”Irċievi l-Ispirtu s-Santu.”5 Iftħu qalbkom, saħansitra l-istess ruħkom, għall-ħoss ta’ dak il-leħen speċjali li jixhed il-verità. Kif wiegħed il-profeta Isaija, ”Jisimgħu widnejk kliem … , jgħidlek, Din hi t-triq; għaddi minnha.”6 Jalla aħna dejjem inkunu intunati, sabiex inkunu nistgħu nisimgħu dan il-leħen li jfarraġna u jiggwidana u li jżommna ’l bogħod minn kull periklu.

Jekk aħna ma nagħtux kas tal-kmandamenti aħna nkunu qed niftħu l-bieb għal dak li jiena nikkunsidrah bħala l-pesta ta’ żmienna. Din tinkludi l-pesta tal-permessività, il-pesta tal-pornografija, il-pesta tad-drogi, il-pesta tal-immoralità, u l-pesta tal-abort, biex inkun semmejt ftit. L-iskrittura tgħidilna li l-avversarju huwa ”il-fundatur ta’ dawn il-ħwejjeġ kollha.”7 Aħna nafu li huwa hu ”l-missier tal-gideb kollu, biex iqarraq u jagħmi lill-bnedmin.”8

Nisħaq magħkom sabiex tevitaw kull ħaġa li tista’ ċċaħħadkom milli tkunu ferħana hawnhekk fil-ħajja mortali u milli tiksbu l-ħajja eterna fid-dinja li jmiss. Bil-qerq u l-gideb tiegħu, l-avversarju jiġbidkom ’l isfel lejn triq l-irdum biex tinqerdu jekk intom tagħtuh iċ-ċans. Meta tispiċċaw viċin tarf l-irdum tafu tintebħu li hu tard wisq biex tieqfu milli tibqgħu neżlin għall-isfel. Intom smajtuhom il-messaġġi tal-avversarju. Kollu ħażen huwa jsejħilna: Għal darba waħda ma jimpurtax; kulħadd hekk qed jagħmel; tkunx antikwat; iż-żminijiet inbidlu; m’int se tweġġa’ lil ħadd; ħajtek tiegħek biex tgħixha. L-avversarju jafna, u huwa jaf liema huma dawk it-tentazzjonijiet li diffiċli li aħna ninjoraw. Kemm hi ħaġa importanti li nibqgħu dejjem attenti biex nevitaw li naqgħu għal dan it-tip ta’ gideb u tentazzjoni.

Jeħtieġ li nuru kuraġġ kbir filwaqt li nibqgħu fidili u leali fost il-pressjoni dejjem tikber u l-influwenzi insidjużi li hawn madwarna u li jagħtu stampa differenti tal-verità, ikissru dak li hu tajjeb u diċenti, u jippruvaw jibdluha permezz tal-filosofiji tad-dinja, li ġejjin mill-bniedem. Kieku l-kmandamenti ġew miktubin mill-bniedem, mela kien ikun f’ idejn il-bniedem li jibdilhom, minn jeddu jew inkella permezz tal-liġi jew b’ xi mod ieħor. Madankollu, il-kmandamenti ġew mogħtija minn Alla. Permezz tal-għażla ħielsa tagħna aħna nistgħu ma nagħtux kashom. Madankollu, aħna ma nistgħux nibdluhom, l-istess kif ma nistgħux nibdlu l-konsegwenzi li jkollna niffaċċjaw jekk aħna ma nobduhomx jew niksruhom.

Jalla aħna nirrealizzaw li l-akbar ferħ f’ din il-ħajja nistgħu niksbuh jekk aħna nimxu wara l-kmandamenti ta’ Alla u nobdu l-liġijiet Tiegħu! Verament jogħġobni l-kliem li nsibu f’ Isaija kapitlu 32, vers 17: ”Is-sliem ikun frott is-sewwa, u l-ħidma tas-sewwa tkun serħan u tama għal dejjem.” Dan is-sliem, din it-tama nistgħu niksbuhom biss permezz tas-sewwa.

Ma nistgħux nippermettu l-ebda laxkezza fejn jidħol id-dnub. Ma nistgħux nippermettu li aħna nemmnu li nistgħu ”għal ftit biss” niksru l-kmandamenti ta’ Alla, għaliex inkunu qed nagħtu ċans li d-dnub jikkontrollana b’ id tal-ħadid li minnha jkun verament diffiċli li ninħelsu. Il-vizzji li tistgħu taqgħu fihom minħabba d-drogi, l-alkoħol, il-pornografija u l-immoralità huma reali u jkun kważi impossibbli li teħles minnhom mingħajr tant sofferenza u għajnuna.

Jekk waqt dan il-vjaġġ xi ħadd minnkom tilef it-triq, nassigurakom li għad tistgħu terġgħu ssibu triqitkom lura. Dan il-proċess jissejjaħ l-indiema. Għalkemm it-triq hija waħda diffiċli, is-salvazzjoni eterna tagħkom tiddependi minnha. Hawn xi ħaġa li hi daqstant vallapena li tiddedikaw l-isforzi tagħkom għaliha? Nitlobkom sabiex tiddeċiedu minn issa li tieħdu l-passi kollha neċessarji biex tindmu kompletament. Aktar ma tagħmlu dan malajr, aktar tkunu kapaċi tesperjenzaw il-paċi u s-serħan u l-assigurazzjoni li tkellem dwarhom Isaija.

M’ilux jiena smajt it-testimonjanza ta’ waħda mara li, flimkien ma’ żewġha, ma baqgħetx aktar fit-triq it-tajba, billi huma kisru l-kmandamenti u, fil-proċess, kważi spiċċaw biex qerdu l-familja tagħhom. Meta finalment it-tnejn li huma setgħu jaraw minn ġewwa ċ-ċpar oħxon tal-vizzju u għarfu kemm ma kienx għad hemm aktar ferħ f’ ħajjithom, kif ukoll kemm kienu qed iweġġgħu lill-maħbubin tagħhom, huma bdew jinbidlu. Il-proċess tal-indiema beda jidher li kien wieħed twil u xi kultant verament diffiċli, iżda bl-għajnuna tal-mexxejja tas-saċerdozju, flimkien mal-għajnuna li huma kellhom mill-familja u l-ħbieb leali tagħhom, huma sabu triqithom lura.

Jiena se naqsam magħkom parti mit-testimonjanza ta’ din oħtna dwar il-qawwa li tfejjaq tal-indiema: ”Kif jista’ xi ħadd jispiċċa minn nagħġa l-mitlufa maħkuma mid-dnub, jgħaddi għal tant paċi u hena li qed inħossu bħalissa? Dan kif inhu possibbli? It-tweġiba … hi minħabba l-evanġelju perfett, l-Iben perfett u s-sagrifiċċju Tiegħu għalija. … Fejn kien hemm id-dalma, issa hawn id-dawl. Fejn kien hemm id-disperazzjoni u l-uġigħ, issa hemm il-ferħ u t-tama. Aħna ġejna mberkin b’ mod infinit permezz tal-bidla li hija riżultat tal-indiema li hi possibbli biss permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.

Is-Salvatur tagħna miet sabiex jipprovdi lili u lilek dan ir-rigal imbierek. Minkejja l-fatt li t-triq hija diffiċli, il-wegħda hi waħda reali. Lil dawk li jindmu l-Mulej qalilhom:

”Mqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ.”9

”U jien mhu se niftakarhom qatt aktar.”10

Tul ħajjitna jeħtieġ li aħna nikkultivaw testimonjanza b’ saħħitha billi nistudjaw l-iskrittura u billi nitolbu u nixtarru l-veritajiet tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Meta l-għeruq tagħha jkunu fil-fond, it-testimonjanza tagħna tal-evanġelju, tas-Salvatur u ta’ Missierna tas-Smewwiet tinfluwenza dak kollu li aħna nagħmlu.

Jiena nixhed li lkoll kemm aħna wlied għeżież ta’ Missierna tas-Smewwiet, mibgħuta hawn fid-dinja f’ dawn iż-żminijiet għal għan partikolari, u ġejna mogħtija s-saċerdozju ta’ Alla ħalli nkunu nistgħu naqdu lil ħaddieħor u nwettqu l-ħidma ta’ Alla fuq din id-dinja. Aħna ġejna mitlubin sabiex ngħixu ħajjitna b’ tali mod li nibqgħu dejjem denji li nippossedu dan is-saċerdozju.

Ħuti, jalla aħna nżommu l-kmandamenti! Meraviljuż u glorjuż huwa l-premju li jinsab jistenniena jekk aħna nagħmlu dan. Jalla din il-barka tkun tagħna, jiena nitlob f isem Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna u l-Feddej tagħna, amen.