Il-Fidi ma Tiġix b’ Kumbinazzjoni, Iżda Hi Għażla
Il-fidi f’ Ġesù Kristu hija rigal mis-smewwiet li aħna niksbu hekk kif nagħżlu li nemmnu u hekk kif nagħmlu li nistgħu biex niksbuha u nżommu sod magħha.
Is-Salvatur għaraf il-qawwa jew id-dgħjufija fil-fidi ta’ dawk ta’ madwaru. Lil waħda, Huwa qalilha b’ approvazzjoni, ”Il-fidi tiegħek kbira.”1 B’ niket Huwa qal lil oħrajn, ”O nies ta’ fidi ċkejkna.”2Huwa staqsa lil ħaddieħor, ”Fejn hi l-fidi tagħkom?”3 U Ġesù għaraf il-fidi ta’ xi ħadd ieħor meta qal, ”F’ ħadd minn Iżrael kollu ma sibt fidi bħal din.”4
Jiena nistaqsi lili nnifsi, ”Is-Salvatur kif jara l-fidi tiegħi?” U llejla nistaqsi lilkom, ”Is-Salvatur kif jara l-fidi tagħkom?”
Il-fidi f’ Ġesù Kristu mhix bħal rixa li tinsab ittir fl-arja. Il-fidi ma tinżilx fuqna b’ kumbinazzjoni jew m’għandhiex xi privileġġ speċjali li jiġri x’ jiġri se tibqa’ dejjem magħna. Hija, kif tgħid l-iskrittura, ”sustanza …, il-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx.”5 Il-fidi tipproduċi dawl spiritwali, u dan id-dawl nistgħu narawh.6 Il-fidi f’ Ġesù Kristu hija rigal mis-smewwiet li nistgħu niksbuh meta nagħżlu li nemmnu7 u hekk kif nagħmlu li nistgħu biex niksbuha u nżommu sod magħha. Il-fidi tagħkom jew qed tissaħħaħ jew inkella qed tiddgħajjef. Il-fidi hija prinċipju ta’ qawwa, importanti mhux biss f’ din il-ħajja iżda wkoll lil hinn mill-velu.8 Permezz tal-grazzja ta’ Kristu, xi darba aħna se niġu salvati permezz tal-fidi tagħna f’ ismu.9Il-futur tal-fidi tagħkom mhuwiex b’ kumbinazzjoni iżda permezz ta’ għażla.
Il-Fidi ta’ Żagħżugħ Brażiljan
Xahar ilu fil-Brażil, jiena ltqajt ma’ Aroldo Cavalcante. Huwa tgħammed meta kellu 21 sena, l-ewwel membru tal-Knisja fil-familja tiegħu. Il-fidi tiegħu kienet mill-aktar b’ saħħitha, u immedjatament huwa beda jħejji biex iservi missjoni. Sfortunatament, omm Aroldo ntlaqtet mill-marda tal-kanċer. Tliet ijiem wara, ftit jiem biss qabel ma’ mietet, hija tkellmet ma’ Aroldo dwar waħda mill-akbar ħwejjeġ li kienu qed jinkwetawha. Ma kien hemm ħadd iżjed fil-familja li seta’ jgħin. Aroldo kien jeħtieġ li jieħu fuqu r-responsabbiltà kollha taż-żewġ ħutu bniet u ta’ ħuh li lkoll kienu iżgħar minnu. Solenniment huwa għamel din il-wegħda lil ommu li kienet qed tmut.
Filgħodu beda jaħdem ġewwa bank u filgħaxija beda jattendi l-università. Huwa kompla jżomm il-patti tiegħu tal-magħmudija, iżda t-tamiet li huwa jservi missjoni full-time kienu kollha taru mar-riħ. Issa l-missjoni tiegħu kienet li jieħu ħsieb il-familja tiegħu.
Xhur wara waqt li kien qed iħejji diskors għal waqt il-laqgħa tas-sagrament, Aroldo beda jistudja l-kliem ta’ Samwel hekk kif huwa beda jċanfar lis-Sultan Sawl: ”L-ubbidjenza,” huwa qara, ”hi aqwa mis-sagrifiċċji.”10 Aroldo rċieva l-ispirazzjoni, li kważi kienet tidher impossibbli li jwettaqha, li kien jeħtieġ li hu jobdi s-sejħa tal-profeta li jmur jaqdi missjoni. Mingħajr ma qata’ qalbu mill-ostakli li kellu quddiemu, huwa baqa’ għaddej b’ fidi enormi.
Aroldo faddal kull sold Brażiljan li seta’ jfaddal. Fl-età ta’ 23 sena, huwa rċieva s-sejħa tiegħu tal-missjoni. Huwa qal lil ħuh kemm kellu jiġbed flus kull xahar mill-kont tal-familja. Aroldo xorta waħda ma kellux biżżejjed flus biex jifdi l-ħlas kollu tal-missjoni tiegħu u l-ispejjeż ta’ ħutu għall-ħajja ta’ kuljum tagħhom, iżda b’ fidi huwa daħal fiċ-ĊTM. Ġimgħa wara huwa rċieva l-ewwel barka fost il-ħafna li huwa rċieva. Il-bank fejn kien qed jaħdem il-Presbiteru Cavalcante bla mistenni rdoppja l-flus li huwa kien rċieva hekk kif temm l-impjieg tiegħu. Dan il-miraklu, flimkien ma’ oħrajn, ipprovdielu l-flus li huwa kellu bżonn għall-missjoni tiegħu kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu meta kien ’il bogħod minnhom.
Għoxrin sena wara, Ħuna Cavalcante qed iservi bħala l-president tal-Wited ta’ Boa Viagem ġewwa Recife, il-Brażil. Meta beda jħares lura lejn dak iż-żmien, huwa qal, ”Hekk kif jiena ppruvajt ngħix b’ mod xieraq, jien ħassejt l-imħabba u l-gwida tas-Salvatur. Il-fidi tiegħi kibret, u tagħtni ċ-ċans li negħleb il-bosta sfidi li jiena kelli.”11 Il-fidi ta’ Aroldo ma waslitx għandu b’ kumbinazzjoni, iżda kienet għażla personali.
Hawn bosta nies Kristjani li għandhom fidi qawwija fil-Mulej Ġesù Kristu, u lilhom aħna nonoraw u nirrispettaw.
Mhux Aktar Fuq Art Newtrali
Iżda l-aħwa, aħna ġejna mogħtija saħansitra xi ħaġa aktar: is-saċerdozju ta’ Alla, il-qawwa ta’ Alla rrestawrata lura fid-dinja permezz ta’ anġli mqaddsa. Permezz tagħha intom nies differenti minn ħaddieħor. Intom m’ għadkomx aktar fuq art newtrali. Il-fidi tagħkom tikber mhux b’ kumbinazzjoni iżda permezz ta’ għażla li intom tagħmlu.
Il-mod li bih ngħixu ħajjitna jsaħħaħ jew idgħajjef il-fidi tagħna. Il-talb, l-ubbidjenza, l-onestà, is-safa fil-ħsieb u fl-għemil, u l-altruwiżmu jsaħħu l-fidi. Mingħajrhom, il-fidi tagħna tiddgħajjef. Għalfejn is-Salvatur qal lil Pietru, ”Jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa”?12 Għaliex hemm avversarju li jieħu gost jeqred il-fidi tagħna! Agħmlu dak kollu li tistgħu biex tipproteġu l-fidi tagħkom.
Mistoqsijiet Onesti
Li aħna nindirizzaw ċerti mistoqsijiet onesti hija parti importanti fil-bini tal-fidi tagħna, u aħna nużaw kemm l-intellett kif ukoll is-sentimenti tagħna. Il-Mulej qal, ”Jiena nkellimkom f’ moħħkom u f’ qalbkom.”13 Mhux kull tweġiba tiġi b’ mod immedjat, iżda bosta mistoqsijiet jistgħu jirrisolvu ruħhom billi b’ sinċerità aħna nistudjaw u nfitxxu li niksbu tweġiba mingħand Alla. Li aħna nużaw moħħna mingħajr ma nużaw qalbna mhux se jwassalna biex niskbu dik it-tweġiba spiritwali. ”Ħadd ma jagħraf dak li hemm f’Alla ħlief permezz tal-Ispirtu ta’ Alla.”14 U biex jgħinna, Ġesù wegħidna ”Farraġ ieħor” u sejjaħlu ”sewwasew l-Ispirtu tal-verità.”15
Il-fidi qatt ma teħtieġ minna li jkollna tweġiba għal kull mistoqsija li jkollna iżda tara li aħna jkollna l-assigurazzjoni u l-kuraġġ li nibqgħu mexjin ’il quddiem, u xi kultant nagħrfu, ”Jiena ma nafx kollox, iżda naf biżżejjed li nkompli miexi fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli.”16
Li nħallu lilna nfusna ninħakmu mid-dubju, liema dubju jkompli jiġi infurzat minn dawk ta’ mingħajr fidi u lealtà, iwassalna biex indgħajfu l-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu u fir-Restawrazzjoni.17 ”Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla; għalih huma kollha bluha.”18
Per eżempju, mistoqsijiet dwar il-Profeta Joseph Smith mhumiex xi ħaġa ġdida. Il-kritiċi ilhom jistaqsuhom b’ mod diżonest mill-bidu ta’ din il-ħidma. Lilkom nies ta’ fidi li, meta tħarsu min-nuċċali kkulurit tas-seklu 21, bl-onestà kollha tistaqsu dwar ċerti ġrajjiet jew dikjarazzjonijiet mill-ħajja tal-Profeta Joseph ta’ kważi 200 sena ilu,, ippermettuli nagħtikom daqsxejn ta’ parir ta’ ħabib: Għalissa, oqogħdu ftit lura milli tiġġudikaw lil Ħuna Joseph! F’ xi żmien fil-futur, intom se jkollkom quddiemkom 100 darba aktar informazzjoni mir-riċerka kollha li għandna llum, u din se tiġi mogħtija lilna minn Missier tas-Smewwiet li jaf kollox.19 Ikkunsidraw il-ħajja kollha ta’ Joseph—twieled fil-faqar u b’ ftit li xejn edukazzjoni formali, huwa ttraduċa l-Ktieb ta Mormon f’ anqas minn 90 jum.20 Għexieren ta’ eluf ta’ nies onesti u devoti ħaddnu l-kawża tar-Restawrazzjoni. Fl-età ta’ 38 sena, Joseph issiġilla x-xhieda tiegħu permezz ta’ demmu. Jiena nixhed li Joseph Smith kien profeta ta’ Alla. Emmnu f’ dan, u ibqgħu mexjin ’il quddiem!
Rigali li Jkabbru l-Fidi Tagħna
Kemm il-Bibbja kif ukoll il-Ktieb ta’ Mormon jagħtuna l-assigurazzjoni mill-isbaħ li Ġesù hu l-Kristu, Iben Alla. F’ idejja għandi kopja tal-ewwel edizzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon bil-Franċiż, ippubblikat minn John Taylor hekk kif beda l-ħidma tiegħu fi Franza fl-1852. Il-Ktieb ta’ Mormon, jew parti minnu, issa jinsab disponibbli f’ 110 lingwa differenti madwar id-dinja. Dan jagħtina xhieda spiritwali u tanġibbli tal-verità tar-Restawrazzjoni. Meta kienet l-aħħar darba li intom qrajtu l-Ktieb ta’ Mormon minn qoxra sa qoxra? Erġgħu aqrawh. Żgur li jsaħħilkom il-fidi tagħkom.21
Rigal ieħor minn Alla li jsaħħilna l-fidi tagħna huwa l-gwida li aħna nirċievu mingħand l-Ewwel Presidenza u l- Kworum tat-Tnax. Illum aħna sostnejna tliet membri ġodda tat-Tnax, u jiena nilqa’ fiċ-ċirku sagru tal-Kworum tat-Tnax lill-Presbiteru Rasband, lill-Presbiteru Stevenson u lill-Presbiteru Renlund. Pawlu qal:
”Huwa sejjaħ appostli; u … profeti; …
”Biex jitrawmu l-qaddisin … :
”Sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla … :
”Ma nkunux aktar … mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball.”22
Il-gwida tal-Ewwel Presidenza u tat-Tnax tgħin sabiex tiġi protetta l-fidi tagħna.
Għalkemm in-nar tal-fidi tagħkom fil-bidu jaf ikun żgħir, permezz ta’ għażliet tajba intom tiksbu kunfidenza akbar f’ Alla, u l-fidi tagħkom tikber. Id-diffikultajiet li tħabbtu wiċċkom magħhom fil-ħajja mortali jippruvaw jitfu n-nar tagħkom, u l-forzi tal-ħażen li bilkemm ikunu jidhru fid-dalma, jittamaw li jeqirdulkom il-fidi tagħkom. Iżda hekk kif intom tkomplu tagħmlu għażliet tajba, tafdaw f’ Alla u timxu wara Ibnu, il-Mulej jibgħat fuqkom dawl u għarfien akbar, u l-fidi tagħkom issir stabbli u soda. Il-President Thomas S. Monson qal: ”Tibżgħux. … Il-futur se jiddi skont kemm se tiddi l-fidi tagħkom.””23
Porter, Zane, u Max Openshaw
Il-fidi taż-żgħażagħ tal-Knisja hija ħaġa mill-aktar meraviljuża!
Fit-12 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, jiena rċevejt email li kienet tgħid li isqof ta’ qasam f’ Utah, martu u tnejn minn uliedhom kienu tilfu ħajjithom f’ aċċident tal-ajru. L-Isqof Mark Openshaw kien qed itajjar l-ajruplan hekk kif telaq minn ajruport żgħir, meta f’ daqqa waħda waqa’ mis-sema u kkraxxja. Fl-aċċident mietu -Isqof Openshaw, martu, Amy u wliedhom, Tanner u Ellie. B’ mod mirakoluż, binhom ta’ ħames snin, Max, li spiċċa tar ’il barra mit-tieqa flimkien mas-sijt li kien fuqu fl-ajruplan, ħelisha mill-mewt u sofra biss ftit għadam miksur.
Jiena sirt naf li binhom il-Presbiteru Porter Openshaw kien qed iservi fil-Missjoni ta’ Majuro fil-Gżejjer Marshall u li binhom, Zane, li kellu 17-il sena, kien jinsab fuq żjara kulturali mal-iskola tiegħu, fil-Ġermanja.
Jiena bgħatt għall-Presbiteru Openshaw fil-Gżira ta’ Christmas. Għalkemm kellu qalbu maqsuma minħabba l-mewt mhux mistenijja ta’ ommu, missieru, ħuh u oħtu, il-ħsieb tal-Presbiteru Openshaw immedjatament dar fuq iż-żewġ ħutu s-subien iż-żgħar.
Ultimament kien il-Presbiteru Openshaw u ħuh Zane li ddeċidew li filwaqt li oħrajn setgħu jgħinu fid-dar, Porter kellu jibqa’ fil-missjoni tiegħu. Huma kienu jafu x’ kienet ix-xewqa tal-ġenituri tagħhom.
Hekk kif jiena kont qed nitkellem mal-Presbiteru Openshaw, stajt inħoss kemm in-niket tiegħu u kemm in-nar jaqbad tal-fidi tiegħu. ”Jiena ċert,” huwa qalli, ”u naf mingħajr l-iċken dubju li jiena għad nerġa’ nara l-familja tiegħi. … Il-qawwa fl-isfidi tagħna tal-ħajja dejjem nistgħu nsibuha fil-… Mulej tagħna, Ġesù Kristu. … Jidher b’ mod ċar li l-id omnipotenti ta’ Alla verament għenet lili u lil ħuti waqt din l-isfida mill-aktar diffiċli.”24
Jiena ltqajt għall-ewwel darba ma’ Zane waqt il-funeral. Hekk kif ħarist lejn l-erba’ twiebet li kien hemm quddiemna fil-kappella, jiena mmeraviljajt ruħi bil-fidi ta’ dan iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena hekk kif huwa kien qed jindirizza lill-kongregazzjoni. ”Illum,” huwa qal, ”aħna nġbarna hawn b’ qalb umli u ruħ mifnija biex niftakru fil-ħajja ta’ ommi, ta’ missieri, ta’ Tanner u ta’ Ellie. … Aħna mxejna flimkien, bkejna flimkien, ftakarna flimkien u ħassejna id Alla flimkien. …
”L-għada li smajt bl-aħbar tal-aċċident, fil-basket tiegħi jiena sibt ittra li kienet kitbitli ommi. Fl-ittra hija kitbet: ’Zane, ftakar dejjem min verament int u minn fejn ġej. Aħna se nkunu qed nitolbu għalik u se nimmissjawk.” Zane kompla: ”L-aħħar kliem ta’ ommi ma setax kien aktar xieraq minn hekk. Jiena naf li hi, flimkien ma’ Tanner, Ellie u missieri jinsabu … jitolbu għalija u għal ħuti. Jiena naf li … huma qed jitolbu li jien niftakar dejjem min verament jien … għaliex jiena, bħalkom, jien iben Alla, u lili bagħatni hawn. Nixhed magħkom li … inħossuna kemm inħossuna weħidna, Alla żgur mhux se jitlaqna.”25
Għeżież ħbieb tiegħi, il-fidi tagħkom ma bdietx meta intom twelidtu, u mhux se tintemm meta intom se tmutu. Il-fidi hija għażla. Saħħu l-fidi tagħkom, u għixu b’ mod li tkunu denji ta’ dan il-kliem ta’ approvazzjoni li jgħidilna s-Salvatur: ”Il-fidi tiegħek kbira.” Hekk kif tagħmlu dan, jiena nwegħidkom li l-fidi tagħkom, permezz tal-grazzja ta’ Ġesù Kristu, xi darba twassalkom biex tieqfu ma’ dawk li intom tħobbu, nodfa u safja fil-preżenza ta’ Alla, f’ isem Ġesù Kristu, amen.