2010-2019
Tibżgħux, Biss Intom Emmnu
Ottubru 2015


Tibżgħux, Biss Intom Emmnu

Meta aħna nagħżlu li nemmnu, neżerċitaw il-fidi li twassalna għall-indiema, u nimxu wara s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, aħna niftħu l-għajnejn spiritwali tagħna għal ħwejjeġ tant meraviljużi li diffiċli nimmaġinawhom.

Babilonja u Danjel

Elfejn u sitt mitt sena ilu, Babilonja kienet l-akbar superpotenza fid-dinja. Wieħed storiku tal-qedem iddeskriva l-ħitan ta’ Babilonja li kienu jdawwru l-belt bħala għolja aktar minn 300 pied (90 m) u wesgħin aktar minn 80 pied (25 m). ”Fil-kobor tagħha,” huwa kiteb, ”ma hawn l-ebda belt oħra li tista’ tqabbilha … magħha.”1

F’ dawk iż-żminijiet, Babilonja kienet iċ-ċentru tad-dinja fejn jidħol tagħlim, liġi u filosofija. Ħadd ma kien jibda mal-armata tagħha. Hija ġabet fix-xejn il-qawwa tal-Eġittu. Invadiet, issakkeġġjat u ħarbtet lill-belt kapitali tal-Assirja, Ninwè. Spiċċat rebħet b’ mod mill-aktar faċli Ġerusalemm u ħadet lura magħha lejn Babilonja l-aqwa u l-aktar tfal brillanti ta’ Iżrael biex huma jaqdu lis-Sultan Nabukodonosor.

Wieħed minn dawn li kienu fil-jasar kien wieħed żagħżugħ jismu Danjel. Ħafna studjużi jemmnu li dak iż-żmien Danjel kien ta’ bejn 12 u 17-il sena. Aħsbu ftit, għeżież ħbieb tiegħi li tħaddnu s-Saċerdozju Aroniku: Danjel kien bejn wieħed u ieħor l-età tagħkom meta huwa ttieħed fil-palazz tas-sultan biex hemmhekk jiġi mgħallem il-lingwa, il-liġijiet, ir-reliġjon u x-xjenza tad-dinja ta’ Babilonja.

Tistgħu timmaġinaw kif tista’ tħossok li tiġi mġiegħel biex b’ forza titlaq minn darek, timmarċja 500 mil lejn belt barranija u tiġi i ndottrinat fir-reliġjon tal-għadu tiegħek?

Danjel kien ġie mrobbi bħala dixxiplu ta’ Ġehova. Huwa kien jemmen u kien jadura lil Alla ta’ Abraham, Iżakk u Ġakobb. Huwa kien studja kliem il-profeti, u kien jaf dwar ir-relazzjoni ta’ Alla mal-bniedem.

Iżda issa, ta’ età daqstant żgħira, huwa spiċċa student imjassar ġewwa Babilonja. Min jaf xi pressjoni enormi kellu fuqu biex jabbanduna dak li kien jemmen fih u jadatta għat-twemmin ta’ Babilonja. Iżda huwa baqa’ leali lejn il-fidi tiegħu—fil-kelma u fl-għemil.

Ħafna minnkom tafu xi tfisser li tiddefendu verità li ma tantx hi popolari. Fil-lingwa mhux uffiċċjali tal-lum tal-Internet, aħna ngħidu li qegħdin inħossuna ”nieħdu n-nar” permezz ta’ dawk li ma jaqblux magħna. Iżda Danjel mhux biss kien qed jirriskja li jiġi rredikulat fil-pubbliku. F’ Babilonja, dawk li kienu jisfidaw l-awtoritajiet reliġjużi kienu jsiru jafu verament xi tfisser—kemm b’ mod figurattiv kif ukoll letterali—li ”tieħu n-nar.” Sempliċiment staqsu lil sħab Danjel li kien jisimhom Sidrak, Mesak u Għabednegu.2

Ma nafx jekk kenitx xi ħaġa faċli għal Danjel li jibqa’ jemmen f’ din it-tip ta’ sitwazzjoni. Xi nies huma mberkin permezz ta’ qalb li min-natura tagħha temmen—għalihom, il-fidi tidher li tasal għandhom bħala rigal mis-smewwiet. Iżda jiena nimmaġina li Danjel kien bħal ħafna minna li għandna bżonn naħdmu biex inżommu t-testimonjanza tagħna soda. Jiena ċert li Danjel qatta’ bosta sigħat għarkopptejh jitlob, iqiegħed il-mistoqsijiet u l-biżgħat tiegħu fuq l-artal tal-fidi, u jistenna biex il-Mulej jilluminah bl-għarfien u l-għerf.

U l-Mulej verament bierek lil Danjel. Għalkemm il-fidi tiegħu ġiet ippruvata u rridikulata, huwa baqa’ leali lejn dak li kien jaf, mill-istess esperjenza tiegħu, li kienu veru.

Danjel emmen. Danjel ma ddubitax.

U mbagħad lejla waħda, is-Sultan Nabukodonosor kellu ħolma li ħawditlu moħħu. Huwa ġabar flimkien il-grupp tiegħu ta’ studjużi u kunsilliera u talabhom sabiex jiddeskrivulu l-ħolma tiegħu kif ukoll jgħidulu xi tfisser.

M’ghandniex xi ngħidu, huma ma setgħux jagħmlu dan. ”Ħadd ma jista’ jagħmel dak li qed titlob,” qalulu huma. Iżda dan wassal biex Nabukodonosor sar aktar furjuż, u huwa talab biex l-irġiel għorrief, il-maġi, l-astroloġi u l-kunsilliera jitqattgħu biċċa, biċċa—fosthom Danjel u l-istudenti żgħażagħ l-oħra minn Iżrael.

Intom li intom familjari mal-ktieb ta’ Danjel tafu x’ ġara wara. Danjel talab lil Nabukodonosor sabiex jagħtih ftit aktar ħin, u hu u l-kumpanji fidili tiegħu marru għand is-sors tal- fidi u l-qawwa morali tagħhom. Huma talbu lil Alla għall-għajnuna divina f’ dan il-mument mill-aktar kruċjali f’ ħajjithom. U ”mbagħad il-misteru kien irrivelat lil Danjel f’dehra.”3

Danjel, it-tfajjel minn ġens mirbuħ—li kien ġie abbużat u ppersegwitat talli kien jemmen f’ din ir-reliġjon stramba—mar quddiem is-sultan u żvelalu l-ħolma tiegħu u t-tifsira tagħha.

Minn dak inhar, b’ riżultat dirett tal-fedeltà tiegħu lejn Alla, Danjel sar kunsillier mill-aktar fdat tas-sultan, magħruf għall-għerf tiegħu madwar il-Babilonja kollha.

It-tfajjel li emmen u għex il-fidi tiegħu sar ir-raġel ta’ Alla. Profeta. Prinċep tas-sewwa.4

Aħna lkoll bħal Danjel?

Lilna kollha li nħaddnu s-saċerdozju mqaddes ta’ Alla, jiena nistaqsi, aħna lkoll bħal Danjel?

Nieqfu dejjem b’ lealtà lejn Alla?

Nipprattikaw verament dak li nippridkaw, jew aħna Kristjani biss ta’ nhar ta’ Ħadd?

L-għemejjel tagħna jirriflettu b’ mod ċar dak li ngħidu li nemmnu fih?

Ngħinu lill-”foqra u lil dawk fil-bżonn, lill-morda u lil dawk li qed isofru”?5

Aħna sempliċiment inparlaw biss, jew inkella nagħmlu dak li għandna nagħmlu b’ entużjażmu?

L-aħwa, aħna rċevejna tant. Aħna ġejna mgħallmin il-veritajiet divini tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Aħna ġejna fdati bl-awtorità saċerdotali biex ngħinu lil għajrna u nibnu s-saltna ta’ Alla fid-dinja. Ninsabu ngħixu fi żmien ta’ abbundanza kbira ta’ qawwa spiritwali. Ninsabu ngħixu l-milja tal-verità. Aħna għandna l-imfietaħ tas-saċerdozju biex nissiġillaw fl-art u fis-smewwiet. Għandna disponibbli aktar minn kull żmien ieħor l-iskrittura sagra u t-tagħlim ta’ profeti u appostli ħajjin.

Għeżież ħbieb tiegħi, ejjew dawn il-ħwejjeġ noħduhom bis-serjetà. Dawn il-barkiet u l-privileġġi jġibu magħhom ukoll responsabbiltajiet u obbligi kbar. Ejjew inkunu lesti għalihom.

Il-belt qadima ta’ Babilonja ġiet meqruda u baqa’ biss fdalijiet. Il-kobor tagħha ilu li spiċċa. Iżda t-tip ta’ ħajja u l-ħażen li jixbhu lil Babilonja għadhom magħna. Issa huwa f’ idejna li ngħixu bħala nies ta’ fidi f’ dinja li ma temminx. Aħna għandna quddiemna l-isfida li kuljum nipprattikaw il-prinċipji tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu u ngħixu leali lejn il-kmandamenti ta’ Alla. Jeħtieġ li nibqgħu kalmi taħt il-pressjoni ta’ sħabna, li ma nimpressjonawx ruħna b’ dak li hu popolari jew permezz ta’ profeti foloz, ma nagħtux kas tar-ridikulaġni tan-nies ħżiena, li nirreżistu t-tentazzjoni ta’ missier il-ħażen u negħlbu n-nuqqas ta’ ħeġġa tagħna.

Aħsbu ftit dwar dan. Kemm kien ikun aktar faċli għal Danjel kieku sempliċiment għamel kif kien miltub minnu f’ Babilonja? Huwa seta’ poġġa fil-ġenb il-kodiċi restrittiva dwar l-imġieba li Alla kien ta lil ulied Iżrael. Huwa seta’ ffanga fl-ikel mill-aqwa li kien jipprovdi s-sultan u ta ruħu għall-pjaċiri tad-dinja biex jikkuntenta lill-bniedem naturali. Huwa seta’ evita r-ridikulaġni.

Huwa seta’ sar popolari.

Huwa seta’ faċilment ħassu integrat f’ dik il-ħajja.

It-triq tiegħu kienet tkun ferm anqas ikkumplikata.

Dan, bla dubju, sa dak il-jum li fih is-sultan talab li tiġi mfissra l-ħolma tiegħu. Imbagħad Danjel kien jinduna li hu, bħall-kumplament tal-”għorrief” li kien hemm f’ Babilonja, kien ikun tilef il-vera sors ta’ dawl u għerf.

Danjel għadda mill-eżami. L-eżami tagħna għadu għaddej.

Il-Kuraġġ li Nemmnu

Satana, l-avversarju tagħna, iridna nfallu. Huwa jxerred il-gideb bħala parti mill-isforz tiegħu biex jeqirdilna t-twemmin tagħna. Bil-mod qarrieqi tiegħu huwa jissuġġerixxi li dak li jinsab fid-dubju, ix-xettiku u ċ-ċiniku huwa sofistikat u intelliġenti, filwaqt li dawk li għandhom il-fidi f’ Alla u fil-mirakli Tiegħu huma nies li jibilgħu kollox, għomja jew moħħhom magħġun. Satana jisħaq li hija ħaġa mill-aktar ”cool” li inti tiddubita d-doni spiritwali u t-tagħlim tal-profeti vera.

Nixtieq li nista’ ngħin lil kulħadd jifhem dan il-fatt mill-aktar sempliċi: aħna nemmnu f’ Alla minħabba ħwejjeġ li aħna nafu b’ qalbna kollha u b’ moħħna kollu, mhux minħabba ħwejjeġ li ma nafux. L-esperjenzi spiritwali tagħna xi kultant huma sagri wisq biex nispjegawhom bit-terminoloġija tad-dinja, iżda dan ma jfissirx li mhumiex ħwejjeġ reali.

Missierna tas-Smewwiet ħejja festa spiritwali għal uliedu, fejn fiha qed joffri kull tip ta’ ikel mill-aqwa li qatt nistgħu nimmaġinaw—u madankollu, miflok ma qegħdin igawdu dawn id-doni spiritwali, iċ-ċiniċi jinsabu kunteni josservaw mill-bogħod, fejn jinsabu jixorbu mit-tazza tagħhom mimlija xettiċiżmu, dubju u disrispett.

Għalfejn xi nies jgħixu ħajjithom sodisfatti bid-dawl li ġej mix-xemgħa tal-istess għarfien tagħhom meta, jekk huma jduru lejn Missierna tas-Smewwiet, huma jistgħu jesperjenzaw ix-xemx tiddi tal-għarfien spiritwali li tista’ tespandi moħħhom permezz tal-għerf u timla ruħhom bil-ferħ?

Meta intom u jien nitkellmu ma’ nies dwar il-fidi u t-twemmin, kemm-il darba nisimgħu, ”Nixtieq li nemmen kif temmen int”?

F’ din it-tip ta’ dikjarazzjoni nsibu mod ieħor kif iqarraq bil-bniedem Satana: li t-twemmin hija ħaġa disponibbli biss għal xi wħud iżda mhux għal xi oħrajn. M’hemm l-ebda maġija fit-twemmin. Iżda ix-xewqa li nemmnu hija l-ewwel pass neċessarju! Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd.6 Huwa missierkom. Huwa jixtieq ikellimkom. Madankollu, jeħtieġ daqsxejn ta’ kurżità xjentifika—jeħtieġ li nesperimentaw bil-kelma ta’ Alla—u neżerċitaw ”daqsxejn fidi.”7 Jeħtieġ ukoll li nuru ftit umiltà. U jeħtieġ li jkollna qalb u moħħ disponibbli. Jeħtieġ li nfittxu, fil-veru sens tal-kelma. U, forsi l-aktar ħaġa diffiċli, jeħtieġ li nkunu paċenzjużi u nistennew skont il-ħin li jagħżel il-Mulej.

Jekk aħna ma nagħmlu l-ebda sforz li nemmnu, aħna nkunu bħal dak ir-raġel li jitfi bozza li turi dawl qawwi u mbagħad jagħti tort lill-bozza li mhux qed turih id-dawl.

Riċentiment jiena ħassejtni sorpriż u mnikket meta smajt jitkellem lil wieħed li jħaddan is-Saċerdozju Aaroniku li deher li kien iħossu li għamel xi ħaġa speċjali għaliex kien tbiegħed minn Alla. Huwa qal, ”Jekk Alla juri lilu nnifsu lili, imbagħad jiena nasal biex nemmen. Sakemm jiġri dan, jiena se niskopri l-verità billi nħalli l-istess għarfien u intelliġenza tiegħi jdawluli t-triq li għandi quddiemi.”

Jiena ma nafx x’ hemm fil-qalb ta’ dan il-ġuvni, iżda ma nistax ma jiddispjeċinix verament għalih. Kemm sabha faċli biex iwarrab ir-rigali li l-Mulej qed joffrilu. Dan il-ġuvni tefa l-bozza li turi dawl qawwi u mbagħad permezz tal-għerf tiegħu nnifsu ddikjara li ma jeżisti l-ebda dawl.

Sfortunatament, din l-attitudni tidher li hija waħda mill-aktar popolari fil-ġurnata tal-lum. Jekk nistgħu nitfgħu r-responsabbiltà f’ idejn Alla li jurina l-verità, aħna naħsbu li nistgħu niskużaw lilna nfusna milli nieħdu bis-serjetà l-kmandamenti ta’ Alla u milli nkunu responsabbli għar-relazzjoni tagħna ma’ Missierna tas-Smewwiet.

L-Aħwa, ippermettuli nitkellem b’ mod ċar: m’hemm xejn nobbli jew impressjonanti dwar li tkun ċiniku. Ix-xettiċiżmu hija ħaġa faċli—kulħadd jista’ jagħmilha. Hija l-ħajja ta’ fidi li teħtieġ il-qawwa morali, id-dedikazzjoni u l-kuraġġ. Dawk li jibqgħu sodi fil-fidi tagħhom huma ferm aktar impressjonanti minn dawk li jċedu għad-dubju meta jiffaċċjaw quddiemhom ċerti mistoqsijiet misterjużi jew iħabbtu wiċċhom ma’ xi diffikultajiet.

Iżda ma għandhiex tkun ta’ sorpriża għalina li l-fidi mhijiex apprezzata mis-soċjetà. Id-dinja għandha storja twila li tiċħad dak li ma tifhimx. U ssibha partikolarment diffiċli tifhem ħwejjeġ li ma tistax tara. Iżda għaliex sempliċiment ma nistgħux naraw xi ħaġa bl-għajnejn fiżiċi tagħna ma jfissirx li dik il-ħaġa ma teżistix. Fil-fatt, ”jeżistu ferm aktar ħwejjeġ fis-smewwiet u fid-dinja … milli qatt nistgħu nsibu ”fil-kotba tal-iskola, fil-ġurnali tax-xjenza u fil-filosofiji tad-dinja.8 L-univers mimli għeġubijiet mill-aktar profondi u meraviljużi—ħwejjeġ li nistgħu nifhumhom biss permezz tal-għajnejn spiritwali tagħna.

Il-Wegħda tat-Twemmin

Meta aħna nagħżlu li nemmnu, neżerċitaw il-fidi li twassalna għall-indiema u nimxu wara s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, aħna niftħu l-għajnejn spiritwali tagħna għal ħwejjeġ tant meraviljużi li diffiċli nimmaġinawhom. B’ hekk it-twemmin u l-fidi tagħna jissaħħu u naslu biex nibdew naraw saħansitra aktar.9

L-Aħwa, jiena nixhed li anke fl-aktar żminijiet diffiċli, is-Salvatur jgħidilkom kif Huwa qal lil wieħed missier mill-aktar anzjuż f’ triq kollha nies ġewwa l-Galilija, ”Tibżgħux, biss intom emmnu.”10

Aħna nistgħu nagħżlu li nemmnu.

Għaliex fit-twemmin, aħna niskopru l-bidu tad-dawl.

Niskopru l-verità.11

Inisbu l-paċi.12

Minħabba t-twemmin tagħna, aħna ma nkunu qatt bil-ġuħ, qatt bil-għatx.13 Id-doni tal-grazzja ta’ Alla jwassluna biex inkunu leali lejn il-fidi tagħna u jimlew ruħna bħal ”bir ta’ ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.”14 Aħna nesperjenzaw il-vera ferħ dejjiem.15

Għalhekk, għeżież ħbieb tiegħi, għeżież ħuti fis-saċerdozju ta’ Alla:

Araw li jkollkom il-kuraġġ li temmnu.

Tibżgħux, biss intom emmnu.

Ieqfu ma’ Danjel.

Nitlob li lkoll kemm intom—żgħar jew kbar—issibu mill-ġdid il-qawwa, il-kuraġġ u x-xewqa li temmnu. F’ isem l-Imgħallem tagħna, Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja