2010-2019
Qalbi Tixtarrhom Kontinwament
Ottubru 2015


Qalbi Tixtarrhom Kontinwament

B’ sinċerità jiena nitlob li intom tagħżlu li tixtarru kliem Alla b’ aktar profondità.

Il-professjonitiegħi hi ta’ investitur. Bħala reliġjon, jiena dixxiplu ta’ Ġesù Kristu, Iben Alla.1 Fin-negozju tiegħi jiena nħaddan prinċipji finanzjarji li nħoss li huma effettivi. Hekk kif jien ngħix ir-reliġjon tiegħi, jiena nagħmel l-almu tiegħi biex nimxi wara prinċipji spiritwali li jgħinuni nsir nixbah aktar lis-Salvatur.

L-Istedini Jġibu l-Barkiet

Ħafna mill-kisbiet personali li jiena rċevejt f’ ħajti huma riżultat ta’ xi ħadd li stedinni biex inwettaq xi biċċa xogħol diffiċli. F’ dan l-ispirtu, nixtieq nagħmlilkom żewġ stediniet. L-ewwel waħda għandha implikazzjonijiet finanzjarji. It-tieni stedina għandha implikazzjonijiet spiritwali. Iż-żewġ stediniet, jekk taċċettawhom, jeħtieġu minnkom sforz ddixxiplinat għal perjodu ta’ żmien mhux ħażin biex intom tkunu tistgħu taraw il-frott tagħhom.

L-Ewwel Stedina

L-ewwel stedina hi sempliċi: Nistedinkom sabiex kull ġimgħa tfaddlu xi ħaġa ta’ flus. Mhux daqshekk importanti kemm tistgħu tfaddlu; dan f’ idejkom. Hekk kif tiżviluppaw drawwa li tfaddlu, intom personalment tibdew tibbenefikaw minn dan. U jaf ukoll ikollkom opportunitajiet li tassistu finanzjarjament lil ħaddieħor b’ riżultat tad-diliġenza tagħkom. Immaġinaw ir-riżultat pożittiv li tibdew taraw jekk tfaddlu xi ħaġa tal-flus kull ġimgħa għal sitt xhur, għal sena, għal 10 snin, jew aktar. Ċerti sforzi żgħar fuq medda ta’ żmien jafu jipproduċu riżultati mill-aktar sinifikanti.2

It-Tieni Stedina

It-tieni stedina hija xi ftit differenti mill-ewwel waħda u ferm aktar importanti. Hija din: Nistedinkom sabiex kull ġimgħa ”tixtarrizzaw”3 vers wieħed mill-iskrittura. Il-kelma tixtarrizzaw ma ssibuhiex fid-dizzjunarju, iżda sabet post f’ qalbi. Għalhekk xi tfisser li tixtarrizza? Ikolli ngħid li hija kelma magħmula minn 80 fil-mija ħin li ngħaddih nixtarr u 20 fil-mija nimmemorizza.

Din tikkonsisti f’ żewġ ħwejjeġ sempliċi.

L-ewwel, araw li kull ġimgħa tagħżlu vers mill-iskrittura u poġġuh fejn kuljum tkunu tistgħu tarawh.

It-tieni, aqraw dan il-vers jew għaddu ħin taħsbu dwaru bosta drabi kuljum u matul il-ġimgħa xtarru t-tifsira tal-kliem u tal-frażijiet ewlenin li jkun fih.

Immaġinaw ir-riżultat pożittiv li tibdew taraw jekk tagħmlu dan kull ġimgħa, għal sitt xhur sħaħ, għal sena, għal 10 snin, jew aktar.

Hekk kif intom tagħmlu dan l-isforz, intom tħossu fikom spiritwalità akbar. Tkunu kapaċi wkoll tgħallmu u televaw lil dawk li tħobbu b’ modi aktar sinifikattivi.

Immaġni
Ngħoddsu bil-Pajp u l-Maskla

Jekk tagħżlu li tibdew tixtarru kull ġimgħa, intom tafu tħossukom xi ftit bħal dik il-persuna li fil-passat kienet tieħu gost togħdos biss bil-pajp u l-maskla iżda issa ddeċidiet li tibda togħdos biċ-ċilindri. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, intom tiksbu għarfien aktar profond tal-prinċipji tal-evanġelju u perspettiva spiritwali ġdida tispiċċa tberkilkom ħajjitkom.

Immaġni
Nogħdsu biċ-Ċilindri

Hekk kif kull ġimgħa intom tirriflettu dwar vers wieħed partikolari, il-kliem u l-frażijiet tiegħu jispiċċaw jinkitbu f’ qalbkom.4 Il-kliem u l-frażijiet jispiċċaw biex anke jinkitbu ġewwa moħħkom. Fi kliem ieħor, il-memorizzazzjoni tibda sseħħ b’ mod faċli u mill-aktar naturali. Iżda l-għan ewlieni li tgħaddu ħin tixtarru hu li intom tipprovdu post edifikanti li fih jistgħu jgħammru ħsibijietkom—post li jżommkom viċin l-Ispirtu tal-Mulej.

Is-Salvatur qal, ”Għożż f’ moħħok kontinwament kliem il-ħajja.”5 Li tixtarrizzaw huwa mod sempliċi u mill-aktar edifikanti kif tistgħu tagħmlu dan.

Jiena nemmen li Nefi kien bniedem li kien jixtarrizza. Huwa qal, ”Ruħi titgħaxxaq fl-iskrittura, u qalbi tixtarrha [kontinwament], u jiena niktibha għat-tagħlim u l-benefiċċju ta’ wliedi.”6 Huwa kien konxju ta’ wliedu hekk kif huwa xtarr u kiteb l-iskrittura. Kif tista’ l-familja tagħkom tibbenifika hekk kif intom kontinwament tagħmlu l-almu tagħkom biex timlew moħħkom bi kliem Alla?

Il-Vers Tiegħi

M’ilux jiena kont qed nixtarrizza Alma 5:16. Dan jgħid, ”Jiena ngħidilkom, tistgħu timmaġinaw li intom tisimgħu leħen il-Mulej jgħidilkom f’ dak il-jum: Ejjew għandi ja mberkin, għax araw, l-għemejjel tagħkom kienu l-għemejjel tas-sewwa fuq wiċċ id-dinja?”

U fi tmiem il-ġimgħa, dan kien li spiċċa nkiteb ġewwa moħħi: Immaġina tisma’ leħen il-Mulej jgħidlek, ”Ejja għandi ja mbierek, għax ara, l-għemejjel tiegħek kienu l-għemejjel tas-sewwa” (Alma 5:16).

Hekk kif tistgħu taraw, jiena ma mmemorizzajtx il-vers sħiħ kelma b’ kelma. Madankollu, jiena xtarrejt f’ moħħi għal diversi drabi l-elementi ewlenin tal-vers u fejn nista’ nsibhom. Iżda l-aqwa parti tal-proċess kienet li jiena kelli post aktar edifikanti fejn inpoġġi l-ħsibijiet tiegħi. Matul il-ġimgħa jiena stajt nimmaġina lis-Salvatur jgħidli kliem mill-aktar inkuraġġanti. Din l-immaġini verament messitli qalbi u wasslet biex tispira fija r-rieda li nwettaq ”għemejjel tas-sewwa.” Dan jiġri meta aħna ”nħarsu lejn Kristu f’ kull ħsieb.”7

Jeħtieġ Nagħmlu Xi Ħaġa

Tafu tgħidu, ”Għalfejn għandi nagħmel dan?” Jiena nwieġeb li aħna qed ngħixu fi żmien fejn il-ħażen qed jinfirex b’ rata mill-aktar allarmanti. Ma nistgħux sempliċiment naċċettaw il-ħwejjeġ huma kif inhuma u naċċettaw li nispiċċaw noqogħdu nisimgħu kliem ħażin u naraw stampi oxxeni kull fejn inkunu u nibqgħu ma nagħmlu xejn. Jeħtieġ nagħmlu xi ħaġa. Meta moħħna jkun mimli bi ħsibijiet u immaġini edifikanti, meta aħna ”dejjem niftaktu fih,”8 ma jkunx baqa’ aktar spazju għall-ħmieġ u l-imbarazz.

Fil-Ktieb ta’ Mormon, Ġesù Kristu jistieden lil kulħadd sabiex ”jixtarr fuq il-ħwejjeġ li Huwa qal.”9 Nistedinkom tħarsu lejn li tixtarrizzaw bħala xi ħaġa oħra li għandkom iżżidu mal-istudju tal-iskrittura personali tagħkom u fil-familja, iżda mhux li xi ħaġa li se tieħu posthom. Li tixtarrizzaw bħallikieku qiskom se tibdew tieħdu xi vitamina ġdida mal-ikel li normali tieklu.

Ħaġa Diffiċli Ħafna

Tafu tgħidu, ”Li nxtarrizza tidher ħaġa mill-aktar diffiċli għalija.” Tkunux daqshekk ċerti li se tkun daqstant diffiċli. Li xi ħaġa tkun diffiċli ħafna drabi hi ħaġa tajba. Kristu jistedinna biex inwettqu bosta ħwejjeġ li huma diffiċli għaliex Huwa jaf li aħna se nitbierku b’ riżultat tal-isforzi tagħna.10

Immaġni
Skrittura fuq il-mowbajl

Wieħed ġar tagħna sab mod mill-aktar sempliċi kif jista’ jixtarrizza. Huwa beda jpoġġi l-iskrittura tiegħu ta’ kull ġimgħa bħala l-immaġini li huwa jara hekk kif iħares lejn il-mowbajl tiegħu. Idea oħra li forsi tistgħu tippruvaw hi li taqsmu l-vers tagħkom ma’ ħutkom, mat-tfal tagħkom jew ma’ xi ħabib. Marti, Julie u jiena ngħinu lil xulxin f’ dan. Aħna nagħżlu vers differenti kull nhar ta’ Ħadd. Hija twaħħal il-vers tagħha mal-friġġ tagħna. Jiena nwaħħal tiegħi fil-vann tiegħi. Imbagħad matul il-ġimgħa aħna naqsmu l-ħsibijiet tagħna dwar il-versi tagħna. Il-versi tagħna aħna niddiskutuhom ukoll ma’ wliedna. Hekk kif nagħmlu dan, jidher li ssir aktar faċli għalihom li huma jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar il-kelma ta’ Alla.

Immaġni
Sister Durrant twaħħal skrittura mal-friġġ
Immaġni
Brother Durrant iwaħħal skrittura ġewwa l-vann

Jiena u Julie nagħmlu wkoll parti minn grupp onlajn fejn membri tal-familja, ħbieb u missjunarji jistgħu jaqsmu bejniethom l-iskrittura tagħhom kull ġimgħa u xi kultant jinkludu xi ħsieb jew testimonjanza relatati. Li nagħmlu parti minn grupp kien ta’ għajnuna biex aħna nkunu aktar konsistenti. Binti li tinsab fl-iskola sekondarja u grupp minn sħabha jużaw ukoll il-midja soċjali u l-messaġġi bil-mowbajl biex jaqsmu flimkien l-iskrittura.

Immaġni
Tfajliet jaqsmu flimkien l-iskrittura permezz tal-midja soċjali

Jekk jogħġobkom tiddejqux tinkludu nies ta’ twemmin ieħor fil-gruppi tagħkom. Huma wkoll jinsabu jfittxu modi kif jelevaw ħsibijiethom u jħossuhom aktar viċin Alla.

X’ Inhuma l-Benefiċċji

Immaġni
Sister Durrant tistudja l-iskrittura

Għalhekk, x’ inhuma l-benefiċċji? Issa jiena u Julie ilna aktar minn tliet snin kull ġimgħa nixtarrizzaw vers differenti mill-iskrittura. Fil-bidu, iddeċidejna li nippruvaw nagħmlu dan għal perjodu ta’ 20 sena. M’ilux hija qaltli: ”Meta inti għall-ewwel stedintni sabiex kull ġimgħa nixtarrizza skrittura partikolari għal 20 sena sħaħ, jiena bilkemm ma bdejtx niddubita jekk kienx se jirnexxieli għal xahar. Issa ma għandix aktar dubji. Lanqas biss irrid nemmen kemm hija ħaġa li tagħtini gost li kull ġimgħa nwaħħal skrittura differenti mal-friġġ, u għax jiena nixtarrizza dwarha kull darba li naraha quddiemi, twassal biex verament tgħolli l-ispirtu tiegħi.”

Wara li kienet ilha sitt ġimgħat tixtarrizza, waħda oħt minn Texas, l-Istati Uniti, qalet: ”It-testimonjanza tiegħi ssaħħet, … u jiena ħassejtni viċina aktar ta’ Missieri tas-Smewwiet. … Inħossni kuntenta b’ kemm verament il-kelma ta’ Alla qed tibdilna għall-aħjar.”

Wieħed żagħżugħ ħabib tagħna kiteb: ”Verament inħossni kuntent li qed nixtarrizza għaliex dan għenni niffoka fuq ħwejjeġ li huma fil-fatt importanti.”

Wieħed mill-missjunarji tagħna qasam dan il-ħsieb miegħi: ”Ili nixtarrizza vers fil-ġimgħa minn Ġunju tal-2014, u verament qed nieħu gost nagħmel dan. … Dawn il-versi mill-iskrittura saru bħal ħbieb tiegħi li meta niġi bżonnhom nista’ niddependi fuqhom.”

Fil-kas tiegħi, inħoss aktar l-Ispirtu hekk kif ngħaddi ħin nixtarrizza kull ġimgħa. L-imħabba tiegħi għall-iskrittura kibret ukoll b’ riżultat ta’ kemm jiena qed nipprova ”nħalli ħsibijieti jiġu ddominati mill-virtù kontinwament.11

Ikkunsidraw din l-istedina u l-barka suprema li qasam magħna Nefi: ”Jekk tibqgħu mexjin fit-triq, tiffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u tibqgħu sodi sat-tmiem, dan jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna.”12 Fl-ispirtu li ”niffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu,” li nixtarrizzaw hu bħallikieku nieħdu gidma ikel delizzjuż u mbagħad noqogħdu nomogħduh bilmod ħafna sabiex inkunu nistgħu ngawduh kemm jista’ jkun.

Immaġni
Mara tieħu gost tiekol l-insalata

X’inhu l-Vers Tagħkom?

Lesti li kull ġimgħa tixtarrizzaw vers differenti mill-iskrittura għall-kumplament ta’ dan ix-xahar? għall-kumplament ta’ din is-sena? Forsi għal żmien itwal? Jiena u Julie stedinna lill-missjunarji mill-aktar qalbiena ta’ Texas Dallas sabiex jixtarrizzaw magħna għal 20 sena. Inħares ’il quddiem biex 17-il sena oħra ntemmu t-tellieqa flimkien. Imbagħad nerġgħu niddeċiedu li nagħmlu pjan ieħor sabiex nelevaw ħsibijietna, pjan li jwassal biex iressaqna aktar viċin Kristu.

Tistgħu tiċċekkjaw il-progress tagħna billi tistaqsuna, ”X’inhu l-vers tagħkom?” Iżda jekk tagħmlu dan, kunu lesti li taqsmu l-iskrittura tagħkom magħna. Ilkoll kemm aħna nispiċċaw edifikati b’ riżultat ta’ dan.

Timmaġinaw kemm tista’ tinbidel ħajjitkom u l-ħajja tal-familja tagħkom jekk kull ġimgħa intom tiktbu vers ġdid mill-iskrittura fuq qalbkom u ġewwa moħħkom għall-ftit xhur li ġejjin jew għal ftit snin, jew anke għal żmien itwal?

Ġesù Kristu huwa l-Eżempju Tagħna

Ġesù Kristu żgur li żviluppa fih imħabba lejn l-iskrittura minn età żgħira ħafna. Żgur li Huwa bħala tifel żgħir kien jgħaddi ħin jaqra u jixtarr l-iskrittura biex kellu diskussjonijiet daqstant sinifikanti mal-għorrief li kien hemm ġewwa t-tempju, meta huwa kellu biss 12-il sena.13 Huwa beda l-missjoni tiegħu meta kellu 30 sena,14 u Hu beda jikkwota l-iskrittura spiss u mill-ewwel jiem tal-ministeru Tiegħu.15 Naħseb nistgħu ngħidu mingħajr tlaqliq li Ġesù qatta’ tal-anqas 20 sena minn ħajtu jistudja u jixtarr l-iskrittura bħala parti mit-tħejjija għall-missjoni Tiegħu? Hemm xi ħaġa li jeħtieġ li tagħmlu llum biex tħejju lilkom infuskom spiritwalment għal opportunitajiet futuri biex tgħallmu u tbierku lill-familja tagħkom u lil oħrajn?

Eżerċitaw il-Fidi Tagħkom u Aġixxu Skont l-Istess Fidi

Biex nagħtu ħarsa lejn dak li semmejt, nittama li tiddeċiedu li tfaddlu ftit flus kull ġimgħa. Eżerċitaw il-fidi tagħkom, iddixxipplinaw lilkom infuskom u aġixxu skont il-fidi tagħkom. Jiena b’ sinċerità nitlob ukoll li intom tagħżlu li tixtarru kull ġimgħa kliem Alla b’ aktar profondità. Eżerċitaw il-fidi tagħkom, iddixxipplinaw lilkom infuskom u aġixxu skont il-fidi tagħkom.

Kuntrarju għall-ewwel stedina biex tfaddlu l-flus, il-benefiċċji tat-tieni stedina tiegħi biex issalvaw l-erwieħ tkun tagħkom biex iżżommuha għal dejjem—ħielsa minn kull kamla u sadid ta’ din id-dinja.16

Il-Presbiteru D. Todd Christofferson offra dan il-kunsill u din il-wegħda mill-aktar ċari: ”Studjaw l-iskrittura bir-reqqa u deliberatament. Xtarru u itolbu dwarha. L-iskrittura hija rivelazzjoni, u hija twasslilkom aktar u aktar rivelazzjoni.”17

Konklużjoni

Jiena nwegħidkom li mhux se jiddispjaċikom li kull ġimgħa tiktbu vers mill-iskrittura ġo qalbkom u f’ moħħkom. Intom tesperjenzaw sentiment ta’ għan spiritwali perpetwu, kif ukoll protezzjoni u qawwa spiritwali perpetwa.

Ftakru kliem Ġesù Kristu meta qal, ”Agħmlu dak li rajtu lili nagħmel.”18 Jalla aħna napplikaw kompletament kliemu f’ ħajjitna, jiena nitlob f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja