2010-2019
Niftakru f’ Min Hi t-Tama Tagħna
Ottubru 2015


Niftakru f’ Min Hi t-Tama Tagħna

It-tama tagħna li nerġgħu ngħixu mal-Missier tiddependi fuq l-Att tal-Fidwa ta Ġesù Kristu.

Meta jiena kien għad kelli disa’ snin, in-nanna tiegħi, omm ommi, bix-xagħar abjad tagħha u twila biss erba’ piedi u ħdax-il pulzier ġiet tqatta’ ftit ġimgħat magħna d-dar. Lejla waħda waqt li kienet hemm, jiena flimkien maż-żewġ ħuti subien akbar minni ddeċidejna li nħaffru ħofra faċċata tad-dar tagħna. Ma nafx għalfejn għamilna dan; kultant is-subien iħobbu jħaffru l-ħofor. Tħammiġna xi ftit iżda mhux biżżejjed biex nispiċċaw fl-inkwiet. Xi subien oħra ġirien tagħna raw kemm kienet xi ħaġa eċċitanti li tħaffer ħofra u ġew jgħinuna. Imbagħad spiċċajna maħmuġin kollha kemm aħna. L-art kienet iebsa, għalhekk ġbidna l-pajp tal-ġnien u tfajna daqsxejn ilma fil-qiegħ tal-ħofra biex inrattbu l-art. Hekk kif bdejna nħaffru mtlejna xi ftit bit-tajn, iżda l-ħofra spiċċat aktar fonda.

Xi ħadd li kien magħna ddeċieda li għandna nittrasformaw il-ħofra f’ pixxina, għalhekk imlejnieha bl-ilma. Peress li jiena kont l-iżgħar wieħed u xtaqt nidħol fil-ħofra, ma damux ma pperswadewni sabiex naqbeż fiha u nippruvaha. Issa verament kont spiċċajt maħmuġ. Ma kontx qed nippjana li kont se nispiċċa mimli tajn, iżda hekk spiċċajt.

Meta beda jiksaħ, jiena qsamt it-triq, bil-ħsieb li nidħol id-dar. In-nanna ltaqgħet miegħi quddiem il-bieb u rrifjutat li tħallini nidħol ġewwa. Hija qaltli li jekk kienet tħallini nidħol, kont nispiċċa nimla d-dar li kienet għadha kif naddfet bit-tajn. Għalhekk jiena għamilt dak li probabbilment jagħmel kull tifel ta’ disa’ snin f’ din iċ-ċirkustanza u tlaqt niġri lejn il-bieb ta’ wara, iżda hija kienet aktar ħafifa milli ħsibt jien. Jiena bdejt nirrabja, inħabbat saqajja u nitlob sabiex nidħol fid-dar, iżda l-bieb baqa’ magħluq.

Kont imxarrab, mimli tajn, kiesaħ u, b’ immaġinazzjoni ta’ tifel, kont diġà bdejt naħseb li kont se mmut fil-ġnien ta’ wara tad-dar. Finalment, jiena staqsejtha x’ kelli nagħmel biex inkun nista’ nerġa’ lura fid-dar. Lanqas kont għadni spiċċajt nitkellem li n-nanna ma bdietx taħsilni fil-ġnien permezz tal-pajp tal-ilma. Wara li damet taħsilni għal ħin li għalija deher qisu l-eternità, in-nanna ddikjarat li issa jien kont nadif u ħallietni nidħol lura d-dar. Fid-dar kien hemm is-sħana, u stajt nerġa’ nilbes fuqi ħwejjeġ indaf u xotti.

Nitlobkom iżżommu f’ moħħkom din il-parabbola mill-aktar reali u jekk jogħġobkom tikkonsidraw il-kliem li ġej ta’ Ġesù Kristu: ”L-ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tidħol fis-saltna ta’ Alla; għalhekk xejn ma jista’ jidħol fil-mistrieħ tiegħu ħlief dawk li ħaslu l-ilbies tagħhom f’ demmi, permezz tal-fidi tagħhom u l-indiema għad-dnubiet kollha tagħhom u l-fedeltà tagħhom sat-tmiem.”1

Ma kenitx ħaġa sabiħa u komda li spiċċajt wieqaf barra d-dar tiegħi bin-nanna taħsilni bl-ilma. Tkun ħaġa mill-aktar traġika, b’ konsegwenzi eterni, li aħna niġu mċaħħdin l-opportunità li nerġgħu lura biex inkunu ma’ Missierna tas-Smewwiet minħabba li nagħżlu li nibqgħu fil-ħofra jew imċappsin bit-tajn tagħha. M’ għandniex inqarrqu bina nfusna dwar x’ jeħtieġ li nagħmlu biex nerġgħu lura u nibqgħu fil-preżenza ta’ Missierna tas-Smewwiet. Irridu nkunu nodfa.

Qabel ġejna f’ din id-dinja, aħna ħadna sehem bħala wlied spirti ta’ Alla fil-gran kunsill.2 Ilkoll kemm aħna konna attenti, u ħadd minna ma kien jinsab rieqed. F’ dak il-kunsill Missierna tas-Smewwiet ippreżenta pjan. Peress li dak il-pjan kien jirrispetta l-għażla ħielsa tagħna u kien jitlob li aħna nitgħallmu mill-istess esperjenza tagħna u mhux biss minn Tiegħu, Huwa kien jaf li aħna konna se naqgħu fid-dnub. Kien jaf ukoll li d-dnub kien se jwassal biex aħna nitħammġu u ma nkunux kapaċi nerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu, għaliex fejn jgħammar Hu huwa aktar nadif mid-dar li kienet naddfet in-nanna tiegħi.

Peress li Missierna tas-Smewwiet iħobbna u għandu bħala l-pjan Tiegħu ”li jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna,” tagħna3 il-pjan Tiegħu jinkludi fih l-irwol ta’ Salvatur—xi ħadd li jista’ jgħinna insiru nodfa, inkunu kemm inkunu maħmuġin. Meta Missierna tas-Smewwiet ħabbar il-bżonn ta’ Salvatur, jiena nemmen li lkoll kemm aħna dorna u ħarisna lejn Ġesù Kristu, l-Ewwel Wild fl-Ispirtu, dak li avvanza tant li sar bħall-Missier.4 Jiena nemmen li lkoll kemm aħna konna nafu li kellu jkun Hu, li ħadd mill-kumplament fostna ma seta’ jagħmel dan, iżda Huwa seta’ u kien lest li jagħmel dan.

Fil-Ġnien tal-Ġetsemani u fuq is-salib tal-Golgota, Ġesù Kristu sofra kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu, triegħed bl-uġigħ, ċarċar demmu mill-pori kollha Tiegħu, talab b’ ħerqa lil Missieru sabiex ibiegħed minnu l-kalċi morr,5 u madankollu Huwa xorta waħda xorob minnu.6 Għalfejn għamel dan? Fi kliemu, Huwa ried jigglorifika lil Missieru u jtemm it-”tħejjija Tiegħu għal ulied il-bnedmin.”7 Huwa ried li jżomm il-patti Tiegħu u jagħmilha possibbli li aħna nerġgħu lura d-dar. X’ qed jitlob lura minna? Huwa sempliċiment jitlobna sabiex nistqarru dnubietna u nindmu sabiex ma jkollniex għalfejn insofru kif sofra Hu.8 Huwa jistedinna sabiex nitnaddfu sew ħalli ma nitħallewx barra d-dar ta’ Missierna tas-Smewwiet.

Għalkemm l-aħjar ħaġa fil-ħajja hi li nevitaw id-dnub, fejn tidħol l-effikaċja tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, mhux daqshekk importanti xi dnubiet aħna wettaqna jew kemm-il darba waqajna fid-dnub. Ma tagħmilx differenza li aħna nħossuna imbarazzanti minħabba d-dnubiet li, kif qal il-profeta Nefi, ”malajr ifixkluna”.9 Ma tagħmlix differenza li darba aħna spiċċajna biex partatna l-primoġenitura tagħna ma’ ftit ikel.10

Li jagħmel differenza hu li Ġesù Kristu, Iben Alla, sofra ”kull tip ta’ uġigħ, tbatija u tiġrib” ħalli ”huwa jkun jaf skont il-ġisem kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu.”11 Li jagħmel differenza hu li Huwa kien lest li jiċċekken,12 li jiġi f’ din id-dinja u jinżel ”’l isfel minn kollox”13 u jsofri ”aktar oppożizzjoni milli bniedem” qatt jista’ jsofri.14 Li jagħmel differenza hu li Kristu qiegħed jiddefendi l-kawża tagħna quddiem il-Missier, ”billi jgħid: Missier, ħares lejn is-sofferenza u lejn il-mewt ta’ dak li ma wettaq l-ebda dnub, li bih inti kont kuntent; … għalhekk, Missier, eħles lil dawn ħuti li jemmnu f’ ismi, sabiex huma jiġu għandi u jkollhom il-ħajja ta’ dejjem.”15 Dan li verament jagħmel id-differenza u li għandu jagħtina lkoll mill-ġdid it-tama u d-determinazzjoni li nerġgħu nippruvaw għal darb’oħra, għaliex Huwa ma nesiniex.16

Jiena nixhed li s-Salvatur qatt mhu se jwarrabna meta aħna b’ umiltà nfittxuh sabiex nindmu; qatt ma jarana bħal kawża mitlufa; qatt ma jgħidilna, ”U le, mela inti erġajt!”; qatt ma jwarrabna għaliex aħna nsibuha diffiċli nifhmu kemm hu diffiċli li nevitaw id-dnub. Huwa jifhem kollox perfettament, inkluż is-sens ta’ niket, mistħija, u frustrazzjoni li b’ mod inevitabbli huma kollha konsegwenza tad-dnub.

L-indiema hija reali u taħdem Mhijiex xi esperjenza fittizja jew xi prodott ”tal-immaġinazzjoni tal-moħħ.”17 Għandha l-qawwa li tħaffef it-tagħbija tagħna u minflokha timlina bit-tama. Tista’ twassal biex aħna jkollna bidla kbira f’ qalbna li tirriżulta li ”ma jkollniex aktar dispożizzjoni li nagħmlu l-ħażin, iżda li nagħmlu t-tajjeb kontinwament.”18 L-indiema, bħala neċessità, mhijiex faċli. Ħwejjeġ ta’ sinifikat etern rari huma faċli. Iżda r-riżultat tagħhom huwa wieħed vallapena. Kif il-President Boyd K. Packer xehed fl-aħħar indirizz tiegħu lis-Sebgħin tal-Knisja: ”Il-ħsieb hu dan: l-Att tal-Fidwa ma jħalli warajh l-ebda passi, l-ebda traċċa. Meta huwa jsewwi xi ħaġa, ikun sewwiha verament. … L-Att tal-Fidwa ma jħalli warajh l-ebda traċċi, l-ebda passi. Sempliċiment ifejjaq, u dak li jfejjaq jibqa’ mfejjaq.”19

U għalhekk dan ifisser li t-tama tagħna li nerġgħu lura biex ngħixu mal-Missier tiddependi fuq l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, fuq ir-rieda ta’ dak l-Esseru mingħajr dnub li jieħu fuqu nnifsu, minkejja l-fatt li l-ġustizzja m’għandhiex jedd fuqu, it-toqol kollettiv tad-dnubiet tal-umanità kollha, fosthom id-dnubiet li xi wħud minn ulied Alla jagħżlu, bla mhu neċessarju, li minħabba fihom jibqgħu jsofru weħidhom.

Bħala membri tal-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna nattribwixxu qawwa akbar għall-Att tal-Fidwa tas-Salvatur minn bosta nies oħra għaliex nafu li jekk aħna nagħmlu l-patti, nindmu kontinwament u nibqgħu sodi sat-tmiem, Huwa jagħmilna werrieta miegħu20 u, bħalu, nirċievu dak kollu li għandu l-Missier.21 Din hija duttrina mill-aktar importanti, u madankollu hija vera. L-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu twassal biex l-istedina tas-Salvatur ”Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett missierkom li hu fis-smewwiet”22 issir waħda perfettament possibbli minflok xi ħaġa li bi frustrazzjoni kbira qatt ma nistgħu nilħqu.

L-iskrittura tgħallimna li kull individwu għandu ”jiġu ġġudikat skont il-ġudizzju mqaddes ta’ Alla.”23 F’ dak il-jum ma jkollna l-ebda opportunità li ninħbew wara xi grupp akbar ta’ nies jew nippuntaw subgħajna lejn ħaddieħor biex niskużaw in-nuqqas ta’ ndafa tagħna. Bi gratitudni, l-iskrittura tgħallimna wkoll li Ġesù Kristu, Dak li sofra għal dnubietna, li hu l-Avukat tagħna mal-Missier, li jsejħilna ħbieb Tiegħu, li jħobbna sat-tmiem, ultimament Hu se jkun l-imħallef tagħna. Waħda mill-barkiet li ma tantx nagħtu kasha tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu hi li ”il-Missier … ħalla f’idejn l-Iben biex jagħmel il-ħaqq kollu hu.”24

Ħuti, jekk tħossukom se taqtgħu qalbkom jew ma tafux jekk qattx se tkunu kapaċi toħorġu mill-ħofra spiritwali li intom ħaffirtu, jekk jogħġobkom ftakru min hu dak li jinsab wieqaf ”bejna u l-ġustizzja,” li huwa ”mimli kompassjoni lejn ulied il-bnedmin,” u li ħa fuqu nnifsu l-ħażen u d-dnubiet tagħna u ”ssodisfa d-domanda tal-ġustizzja.”25 Fi kliem ieħor, kif għamel Nefi fil-mument li kien qed iħossu jiddubita, sempliċiment ftakru ”f’ min hi t-tama tagħkom,”26 sewwasew Ġesù Kristu, u mbagħad indmu u erġgħu esperjenzaw għal darb’oħra ”tama qawwija perfetta.”27 F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja