2010-2019
Hawn Hi Ommok
Ottubru 2015


Hawn Hi Ommok

L-ebda mħabba fil-ħajja mortali ma toqrob iżjed lejn l-imħabba pura ta’ Ġesù Kristu mill-imħabba altruwista li omm devota għandha lejn uliedha.

Ippermettuli biex flimkien magħkom nilqa’ fostna lill-Presbiteru Ronald A. Rasband, il-Presbiteru Gary E. Stevenson, u l-Presbiteru Dale G. Renlund u n-nisa tagħhom biex jagħmlu parti minn wieħed mill-aktar gruppi ta’ ħbieb twajbin li jistgħu jagħmlu parti minnu.

Meta kien qed jipprofetizza dwar l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, Isaija kiteb, ”Hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, u tgħabba bin-niket tagħna.”1 Viżjoni tal-aħħar jiem mill-aktar majestuża tenfasizza li ”Ġesù ġie fid-dinja … biex jieħu fuqu d-dnubiet tad-dinja.”2 Kemm l-iskrittura tal-qedem kif ukoll dik moderna tixhed li ”fl-imgħoddi huwa dejjem ħelishom, refagħhom, u ġarrhom.”3 Innu mill-aktar favorit jitlobna bil-ħerqa sabiex ”nisimgħu l-leħen kbir tal-Ħellies!”4

Ġarr, welled, refa’, ħeles. Dan huwa kliem messjaniku mill-aktar qawwi u mimli tama. Jagħtina l-wegħda li se jgħinna u se jipproteġina minn fejn ninsabu sa fejn jeħtieġ li nkunu—iżda dan jista’ jseħħ biss jekk aħna jkollna l-assistenza. Dan il-kliem ifakkarna wkoll fit-tagħbija, il-taqbid u l-għeja—kliem mill-aktar xieraq biex jiddeskrivi l-missjoni ta’ Dak li, permezz ta’ ħlas li l-prezz tiegħu diffiċli nifhmuh għal kollox, jgħinna nqumu meta nkunu se naqgħu, iġorrna ’l quddiem meta s-saħħa tonqsilna, iwassalna d-dar mingħajr periklu meta din tkun tidher xi ħaġa impossibli għalina. ”Missieri bagħatni,” Huwa qal, ”sabiex nittella’ fuq is-salib; … kif jiena ġejt imtella’ mill-bnedmin … bl-istess mod il-bnedmin se jittellgħu … quddiemi.”5

Iżda f’ dan il-lingwaġġ tistgħu tagħrfu wkoll aspett ieħor fl-isfera umana li fih aħna ntennu wkoll kliem bħal iġġorr u twelled,  u terfa’,  u teħles? Kif Ġesù qal lil Ġwanni fil-mument propju tal-Att tal-Fidwa, l-istess Huwa jgħid lilna lkoll, ”Hawn Hi ommok!”6

Illum niddikjara minn quddiem dan il-pulptu dak li diġà ntqal qabel minn hawnhekk: li l-ebda mħabba fil-ħajja mortali ma toqrob iżjed lejn l-imħabba pura ta’ Ġesù Kristu mill-imħabba altruwista li omm devota għandha lejn uliedha. Meta Isaija, waqt li kien qed jitkellem dwar is-Salvatur, ried juri l-imħabba ta’ Ġehova, huwa ddeskriva l-imaġini tad-devozzjoni ta’ omm. ”Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha?” huwa staqsa. Huwa jimplika li dan il-ħsieb huwa wieħed assurd, madankollu mhux assurd daqs li kieku naħsbu li Kristu se jasal biex jinsina.7

Din it-tip ta’ mħabba ferma ”tistabar u tħenn, … ma tfittixx dak li hu tagħha, … iżda … kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.”8 L-aktar ħaġa inkuraġġanti hi li din it-tip ta’ fedeltà ”ma tintemm qatt.”9 ”Jistgħu jitħarrku l-muntanji, jitheżżu l-għoljiet,” jgħid Ġeħovah, ”imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx.”10 U l-istess jgħidulna ommijietna.

Ngħiduha kif inhi, dawn mhux mhux biss iwellduna, iżda jkomplu jieħdu paċenzja bina. Mhuwiex biss għax iġorruna qabel ma nitwieldu iżda l-fatt li jkomplu jġorruna tul ħajjithom kollha hu dak li jagħmel l-irwol tal-ommijiet wieħed verament kbir. M’hemmx dubju, jeżistu xi eċċezzjonijiet ta’ qsim il-qalb, iżda l-parti l-kbira tal-ommijiet intuwittivament u istintivament jafu li din hija xi ħaġa fdata f’ idejhom bl-aktar mod nobbli. It-toqol ta’ din it-tagħbija, speċjalment għall-ommijiet żgħażagħ, taf tkun xi ħaġa mill-aktar intimidanti.

Waħda omm żagħżugħa riċentiment kitbitli: ”X’ biċċa hi li persuna umana kapaċi tħobb tarbija b’ tant imħabba li tkun lesta li toffri parti essenzjali mill-ħelsien tagħha għaliha? X’ biċċa hi li l-imħabba mortali taf tkun tant b’ saħħitha li tasal biex b’ mod volontarju tidħol għal daqstant responsabbiltà, vulnerabbiltà, anzjetà u uġigħ il-qalb u xorta waħda tkun lesta li terġa’ tgħaddi minn dan kollu? X’ tip ta’ mħabba mortali din il-persuna kapaċi tħoss, la darba jkollha tarbija, biex ħajjitha ma tibqax aktar tagħha? L-imħabba tal-omm bilfors li hi divina. M’hawnx spjegazzjoni oħra għaliha. Dak li jagħmlu l-ommijiet huwa element essenzjali fil-ħidma ta’ Kristu. Dan biss għandu jkun biżżejjed biex jispjegalna li l-impatt ta’ din it-tip ta’ mħabba ġieli jkun wieħed li bilkemm inkunu nifilħu għalih u f’ xi drabi jkun wieħed mill-aktar straordinarju, u dan jibqa’ jirrepeti ruħu sakemm kull tifel u tifla fid-dinja jkunu salvi u jiksbu s-salvazzjoni tagħhom u aħna mbagħad inkunu nistgħu ntennu ma’ Ġesù, ’Missier! Jiena temmejt ix-xogħol li tajtni nagħmel.’11

Bl-eleganza ta’ dik l-ittra friska f’ moħħi, ippermettuli naqsam magħkom tliet esperjenzi li jirriflettu l-influwenza majestuża tal-ommijiet kif rajtha jiena b’ għajnejja stess fil-ministeru tiegħi f’ dawn l-aħħar ftit ġimgħat:

L-ewwel rakkont huwa wieħed ta’ twissija, li jfakkarna li mhux kull sforz li tagħmel l-omm jagħti l-frott mixtieq, għallinqas mhux b’ mod immedjat. Qed nirreferi għal konverżazzjoni li jiena kelli ma’ ħabib għażiż tiegħi, li ilna ħbieb għal aktar minn 50 sena sħaħ u li kien qed jitbiegħed minn din il-Knisja li f’ qalbu kien jaf li hija vera. Ippruvajt kemm ippruvajt infarrġu, bl-ebda mod ma deher li kont qed inwassallu l-paċi li kien tant jeħtieġ. Finalment fetaħ qalbu miegħi. ”Jeff,” huwa qalli, ”diffiċli kemm se jkun diffiċli li nieqaf quddiem Alla, il-ħsieb li ma niflaħx iżjed il-ħsieb li se jkolli nieqaf quddiem ommi. L-evanġelju u wliedha kienu kollox għaliha. Jiena naf li qsamtilha qalbha, u li issa qed inħoss tiegħi tinqasam.”

Issa, jiena ninsab ċert li meta huwa għadda għall-ħajja l-oħra, ommu laqgħet lil sieħbi b’ dirgħajha miftuħin kollha mħabba; hekk jagħmlu l-ġenituri. Iżda li nistgħu nitgħallmu minn din l-istorja hu li t-tfal jistgħu jaqsmu qalb ommhom. Hawnhekk ukoll nistgħu nqabblu dan mad-divin. M’hemmx għalfejn infakkarkom li Ġesù miet b’ qalb maqsuma, għajjien u mgħobbi bid-dnubiet tad-dinja. Għalhekk f’ mument ta’ tentazzjoni, jalla aħna ”inħarsu lejn ommna” kif ukoll lejn is-Salvatur u ma nweġġgħuhomx aktar bin-niket tad-dnub.

It-tieni, se nsemmi wieħed ġuvni li daħal fl-għalqa tal-missjoni bħala raġel den iżda b’ għażla personali tiegħu stess reġa’ lura d-dar qabel iż-żmien minħabba attrazzjoni li beda jħoss lejn nies tal-istess sess u t-trawma li esperjenza minħabba f’ hekk. Huwa xorta waħda kien għadu den, iżda l-fidi tiegħu kienet tinsab fi kriżi, it-tagħbija emozzjonali tiegħu bdiet titqal aktar, u l-uġigħ spiritwali tiegħu beda jsir aktar profond. Min-naħa tiegħu huwa kien iħossu mweġġa’, konfuż, irrabjat u mdejjaq.

Il-president tal-missjoni tiegħu, il-president tal-wited tiegħu u l-isqof tiegħu qattgħu sigħat sħaħ jaraw x’ jistgħu jagħmlu miegħu, jibku miegħu u anke tawh il-barka tagħhom hekk kif għamlu minn kollox biex jgħinuh, iżda ħafna mill-ġrieħi li kellu tant kienu personali li wħud minnhom lanqas biss seta’ jiftaħ qalbu magħhom dwarhom. Missier l-għażiż eżerċita l-isfrozi spiritwali kollha tiegħu biex jgħin lil ibnu, iżda minħabba l-impjieg li kellu li kien jieħdu ’l bogħod mid-dar għall-ħinijiet twal ġara li l-iljieli twal u mudlama tar-ruħ kienu jispiċċaw jiġu ffaċċjati minn dan it-tifel u ommu. Lejl u nhar, l-ewwel għal ġimgħat sħaħ, imbagħad xhur sħaħ li spiċċaw snin, huma fittxew il-fejqan f’ xulxin. Waqt mumenti ta’ diqa (ħafna drabi tiegħu iżda xi kultant tagħha) u biża’ bla tmiem (ħafna drabi tagħha iżda xi kultant tiegħu), hi qasmet—erġajt użajt dik il-kelma sabiħa u kollha tagħbija—hija qasmet ma’ binha t-testimonjanza tagħha tal-qawwa ta’ Alla, tal-Knisja Tiegħu iżda speċjalment tal-imħabba Tiegħu għalih. Fl-istess nifs hija qasmet miegħu wkoll l-imħabba bla kompromess li ma tmut qatt li hi kellha għalih. Biex iġġib flimkien dawn iż-żewġ pilastri kruċjali u assoluti tal-istess eżistenza tagħha—l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u l-familja tagħha—hija offriet kontinwament dak kollu li kellha f’ qalbha permezz tat-talb. Hija bdiet issum u tibki, bdiet tibki u ssum, imbagħad bdiet tisma’ u terġa tisma’ lil binha jirrepetilha li qed iħoss qalbu tinqasam. B’ hekk reġgħet ġarritu—għal darb’oħra—biss din id-darba mhux għal disa’ xhur. Din id-darba bdiet tgħinu qalb dawn l-isfidi spiritwali mill-aktar severi.

Iżda bil-grazzja ta’ Alla, bid-determinazzjoni tagħha u bl-għajnuna ta’ għadd kbir ta’ membri tal-Knisja, ħbieb, membri tal-familja u nies professjonali, din l-omm li kienet talbet b’ tant ħerqa waslet biex rat lil binha jiġi lura fl-art imwiegħda. Sfortunatament, nagħrfu li mhux il-ġenituri kollha li jinsabu mnikktin minħabba diversi ċirkustanzi relatati ma’ wliedhom kisbu, għallinqas s’issa, din il-barka, iżda hawnhekk rajna l-qawwa tat-tama. U, ikolli ngħid, l-orjentazzjoni sesswali ta’ dan it-tifel ma nbidlitx b’ xi mod mirakoluż—ħadd mhu jassumi dan. Iżda ftit ftit, seħħet bidla f’ qalbu.

Huwa reġa’ beda jattendi l-knisja. Huwa għażel li minn jeddu u b’ mod den jieħu sehem fis-sagrament. Huwa reġa’ kiseb rakkomandazzjoni tat-tempju u aċċetta li jservi bħala għalliem tas-seminarju ta’ filgħodu kmieni, fejn għamel dan b’ suċċess. U issa, wara ħames snin huwa reġa’, wara talba li għamel hu stess u bl-għajnuna tal-Knisja, daħal mill-ġdid fl-għalqa tal-missjoni biex itemm is-servizz tiegħu lejn il-Mulej. Jiena verament bkejt minħabba l-kuraġġ, l-integrità u d-determinazzjoni ta’ dan il-ġuvni li rranġa fejn kien imkisser u żamm il-fidi. Huwa jaf li huwa obbligat ferm lejn ħafna nies, iżda jaf li l-akbar dejn li għandu huwa lejn żewġ figuri divini f’ ħajtu, tnejn li wellduh u ġarrewh, imxew miegħu u ħelsuh—is-Salvatur tiegħu, il-Mulej Ġesù Kristu, u l-omm determinata, feddejja u verament qaddisa tiegħu.

Finalment, l-aħħar esperjenza hija mid-dedikazzjoni mill-ġdid tat-Tempju tal-Belt tal-Messiku, tliet ġimgħat ilu biss. Kien hemmhekk, flimkien mal-President Henry B. Eyring, li jiena rajt lill-għażiża ħabiba tagħna Lisa Tuttle Pieper bilwieqfa waqt is-servizz dedikatorju mill-aktar kommoventi. Iżda hemmhekk hija kienet tinsab wieqfa b’ daqsxejn ta’ diffikultà peress li f’ dirgħajn waħda kienet qed iġġorr lit-tifla għażiża iżda b’ diżabbiltà tagħha, Dora, filwaqt li bl-id l-oħra kienet qed tipprova ċċaqlaq l-id il-leminija, li ma tiffunzjonax, ta’ Dora sabiex din it-tifla eternament prezzjuża ta’ Alla bi bżonnijiet speċjali tkun tista’ xxejjer maktur abjad u, b’ leħen karrabi li setgħet tifhmu biss ommha, hija bdiet tgħajjat, ”Hosanna, Hosanna l-Missier u l-Ħaruf.”12

Lilkom l-ommijiet kollha, ma’ kullimkien, dawk tal-passat, tal-preżent jew tal-futur jien ngħidilkom, ”Grazzi. Grazzi tal-ulied li ġibtu fid-dinja, talli ffurmajtu l-erwieħ u l-karattru tagħhom u talli wrejtu l-imħabba pura ta’ Kristu. Lil ommna Eva, lil Sara, lil Rebekka, lil Marija ta’ Nazaret u lill-Omm li hemm fis-Smewwiet, jiena ngħidilhom grazzi għall-irwol kruċjali tagħkom biex jitwettqu l-għanijiet tal-eternità. Lill-ommijiet kollha f’ kull ċirkustanza, inkluż dawk li jinsabu jitqabdu mal-ħajja—u dan ifisser l-ommijiet kollha— jiena ngħidilkom, ”Serrħu qalbkom. Emmnu f’ Alla u fikom infuskom. Intom qed tagħmlu xogħol ferm aqwa milli taħsbu intom stess. Fil-fatt, intom salvaturi fuq l-Għolja Sijon,13 u bħall-Imgħallem li intom timxu warajh, l-imħabba tagħkom ’ma tintemm qatt.’14” Jiena ma nista’ nagħti lil ħadd aktar ġieħ akbar minn hekk. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja