2010-2019
Imberkin u Ħenjin Dawk li Jżommu l-Kmandamenti ta’ Alla
Ottubru 2015


Imberkin u Ħenjin Dawk li Jżommu l-Kmandamenti ta’ Alla

Il-barrieri li bena l-Mulej jipprovdulna port ħieles minn kull ħażen u minn kull influwenza distruttiva.

Xi żmien ilu meta kont qed inżur l-Awstralja, jiena mort sa waħda mill-bajjiet nagħlin rinomati għas-serfing. Hekk kif bdejt nimxi mal-bajja, verament impressjonani l-kobor tal-mewġ enormi li beda jispiċċa fix-xejn ftit ’il barra mill-bajja u bil-mewġ iżgħar li beda jibqa’ jirrombla kważi sal-kosta.

Hekk kif komplejt bil-mixja tiegħi, jiena ltqajt ma’ grupp ta’ serfers Amerikani. Deher ovvju li huma kienu diżappuntati minħabba xi ħaġa, għaliex bdew jitkellmu b’ vuċi għolja filwaqt li bdew iħarsu lejn il-baħar. Meta staqsejthom x’ kien inqala’, huma bdew jippuntaw lejn in-naħa li kienet ftit lil hinn mill-kosta fejn il-mewġ il-kbir beda letteralment jispiċċa fix-xejn.

”Ittawwal hemm,” qalli wieħed minnhom kollu rabja. ”Qed taraha dik il-barriera?” Issa li bdejt inħares aktar mill-viċin stajt fil-fatt nara barriera li kienet tibqa’ sejra san-naħa l-oħra tal-bajja, eżatt fil-post fejn il-mewġ kbir u attraenti beda jispiċċa fix-xejn. Il-barriera dehret qisha magħmula minn ġożwajer b’ saħħtu u kienet issapportjata minn għadd ta’ affarijiet jgħumu f’ wiċċ l-ilma. Skont is-serfers, kienet tibqa’ nieżla sa qiegħ il-baħar.

Is-serfer Amerikan kompla, ”Aħna ġejna hawnhekk fuq mawra ta’ darba f’ ħajjitna sabiex nisserfjaw fuq dan il-mewġ kbir. Nistgħu nisserfjaw il-mewġ iż-żgħir li qed jiġi fix-xejn meta jasal ħdejn il-kosta, iżda l-barriera qed tagħmilha impossibbli għalina li nisserfjaw il-mewġ il-kbir. M’għandniex idea għalfejn hemm dik il-barriera. Li nafu hu li letteralment għarrqitilna l-mawra tagħna.”

Hekk kif is-serfers Amerikani bdew jitilfu l-paċenzja, l-attenzjoni tiegħi daret fuq serfer ieħor li kien fil-viċin—raġel akbar fiż-żmien u li deher ovvju li kien minn tal-post. Huwa deher li beda jitlef il-paċenzja hekk kif beda jisma’ t-tgergir dejjem jikber dwar il-barriera.

Finalment huwa qam u mar fuq dak il-grupp. Mingħajr ma lissen kelma, huwa ħareġ tromba minn ġewwa l-basket tiegħu u għaddieha lil wieħed mis-serfers, filwaqt li beda jipponta lejn il-barriera. Kull wieħed mis-serfers ħa t-tromba biex iħares minnha. Meta kien imiss lili, bis-saħħa tal-lenti, stajt nilmaħ xi ħaġa li ma stajtx nara qabel: ġwienaħ tal-ħut—klieb il-baħar kbar li kienu jinsabu jieklu ħdejn is-sikka fuq in-naħa l-oħra tal-barriera.

Is-serfers kollha fil-grupp malajr rażżnu lsienhom. Is-serfer li kien akbar minnhom ħa lura t-tromba u qabad jimxi. Kif għamel dan, huwa tenna kliem li qatt mhu se ninsih: ”Il-barriera taqbdux u tiġġudikawha bl-addoċċ,” huwa qal. ”Hija l-unika ħaġa li qed iżżommkom milli tittieklu.”

Hekk kif konna weqfin fuq dik il-bajja mill-isbaħ, il-perspettiva tagħna spiċċat inbiddlet għal kollox. Barriera li kienet tidher verament riġida u restrittiva—li kienet tidher li qed ittellef il-gost u l-eċċitament li dak li jkun jisserfja fuq dak il-mewġ enormi—issa f’ għajnejna dehret bħala xi ħaġa differenti għal kollox. Bl-għarfien tagħna tal-periklu li kien hemm idur ftit ’l isfel mill-wiċċ, il-barriera issa bdiet toffri protezzjoni, sigurtà u serħan.

Hekk kif intom u jien nimxu fit-triq tal-ħajja u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex il-ħolm tagħna jirnexxi, il-kmandamenti u l-istandards ta’ Alla—bħall-barriera—xi kultant jafu jkunu diffiċli biex nifhmuhom. Jafu jidhru riġidi u diffiċli, li jibblukkaw triq li f’ għajnejna tidher divertenti u eċċitanti u li ħafna huma li mexjin fiha. Kif iddeskriva l-Appostlu Pawlu, ”Naraw bħallikieku f’mera, mċajpar,”1 b’ perspettiva limitata li ħafna drabi ma nkunux nistgħu nifhmu x’ perikli kbar jeżistu taħt il-wiċċ.

Iżda hu li ”jifhem kull ħaġa”2 jaf eżatt fejn jinsab dak il-periklu. Huwa jagħtina direzzjoni divina, permezz tal-kmandamenti u l-gwida kollha mħabba Tiegħu, sabiex aħna nkunu nistgħu nevitaw il-periklu—sabiex inkunu nistgħu naqbdu triq f’ ħajjitna li hija protetta mill-predaturi spiritwali u mill-perikli tad-dnub li jkollna quddiemna.3

Aħna nuru l-imħabba tagħna lejn Alla—u l-fidi tagħna fih—billi kuljum nagħmlu l-almu tagħna li nimxu fit-triq li Huwa fassal għalina u billi nżommu l-kmandamenti li huwa tana. Aħna speċjalment nuru l-fidi u l-imħabba tagħna f’ sitwazzjonijiet li fihom ma nifhmux għal kollox ir-raġuni tal-kmandament li tana Alla jew it-triq partikolari li qed jgħidilna biex naqbdu. Huwa relattivament faċli li nimxu fit-triq li ma taqbiżx il-barriera la darba nsiru nafu li jeżistu predaturi bi snienhom jaqtgħu jgħumu lil hinn minnha. Huwa aktar diffiċli li nibqgħu fit-triq li ma taqbiżx il-barriera meta kull ma nkunu qed naraw quddiemna huwa l-mewġ eċċitanti u attraenti li hemm fuq in-naħa l-oħra. U madankollu huwa f’ dawk il-mumenti—mumenti meta aħna nagħżlu li neżerċitaw il-fidi tagħna, nafdaw f’ Alla, u nuru mħabbitna lejh—li aħna nikbru u nitgħallmu l-aktar.

Fit-Testment il-Ġdid, Ħananija ma setax jifhem il-kmand tal-Mulej li jmur ifittex u jbierek lil Sawl—raġel li letteralment kellu l-permess uffiċjali li jitfa fil-ħabż lil dawk li kienu jemmnu fi Kristu. Iżda madankollu peress li huwa obda l-kmand ta’ Alla, Ħananija kien strumentali fit-twelid spiritwali tal-Appostlu Pawlu.4

Hekk kif aħna nafdaw fil-Mulej, neżerċitaw il-fidi tagħna, nobdu l-kmandamenti Tiegħu u nimxu fit-triq li Huwa fassal għalina, aħna nsiru nixbhu ferm aktar lill-persuna li jixtieqna nsiru l-Mulej. Huwa li ”nsiru”—din il-konverżjoni tal-qalb—li hija l-aktar ħaġa importanti. Kif għallimna l-Presbiteru Dallin H. Oaks: ”Mhux biżżejjed li sempliċiment nagħmlu dak li ġejna mitlubin nagħmlu mingħajr ebda emozzjoni. Il-kmandamenti, l-ordinanzi u l-patti tal-evanġelju mhumiex bħal xi mazz flus lesti biex jiġu ddepożitati f’ xi kont divin. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa pjan li jurina kif nistgħu nsiru dak li jixtieqna nsiru Missierna tas-Smewwiet.”5

L-ubbidjenza vera, għalhekk, hi li noffru lilna nfusna lilu u nħalluh ifassal it-triq tagħna kemm għal meta nivvjaġġaw fuq baħar kalm kif ukoll fuq ilmijiet imqallba, filwaqt li nifhmu li huwa jista’ jagħmel minna ferm aktar milli kapaċi nagħmlu aħna.

Hekk kif nissottomettu ruħna għar-rieda Tiegħu, aħna nħossu fina paċi u hena akbar. Is-Sultan Benjamin għallem li dawk li jżommu l-kmand ta’ Alla huma ”mberkin u hienja … f’ kollox, kemm fi ħwejjeġ temporali kif ukoll spiritwali.”6 Alla jridna nkunu kuntenti. Iridna jkollna l-paċi. Iridna nirnexxu. Iridna nibqgħu ’l bogħod mill-periklu u nkunu protetti mill-influwenzi li jinsabu madwarna fid-dinja.

Biex inpoġġiha mod ieħor, il-kmandamenti tal-Mulej mhumiex xi sensiela ta’ restrizzjonijiet li jeħtieġ li f’ din il-ħajja aħna nobdu kontra r-rieda tagħna biex inkunu nistgħu niġu eżaltati fil-ħajja li jmiss bħal xi barriera diffiċli tal-ġożwajer taħt l-ilma li dak li jkun fil-baħar irid bilfors jaċċetta. Pjuttost, il-barrieri li bena l-Mulej jipprovdulna port ħieles minn kull ħażen u minn kull influwenza distruttiva li mingħajrhom nispiċċaw nibqgħu neżlin fl-abiss tad-disprament. Il-kmandamenti tal-Mulej huma mogħtija lilna sforz l-imħabba Tiegħu u daqs kemm Huwa jimpurtah minna; l-għan tagħhom hu li jkollna l-ferħ f’ din il-ħajja7 bl-istess mod li l-għan tagħhom hu li niksbu l-ferħ u l-eżaltazzjoni fil-ħajja li jmiss. Huma juruna l-mod kif għandna naġixxu—u aktar importanti, juruna min għandna nisru.

Bħal kull ħaġa tajba u vera, Ġesù Kristu huwa għalina l-aqwa eżempju li għandna. L-akbar att ta’ ubbidjenza fl-eternità kollha seħħ meta l-Iben issottometta ruħu għar-rieda tal-Missier. Wara li talab b’ umiltà mill-aktar profonda biex il-kalċi jitbiegħed minnu—sabiex Huwa jintalab iwettaq xi ħaġa differenti minn dak li ġie mfassal minn qabel li jagħmel—Kristu ssottometta ruħu għat-triq li riedu jaqbad Missieru. Kienet triq li kellha tgħaddi mill-Ġetsemani u mill-Golgota, fejn huwa għadda minn agonija u sofferenza li lanqas biss nistgħu nimmaġinawha u spiċċa abbandunat minn kulħadd hekk kif l-Ispirtu ta’ Missieru ma baqax aktar miegħu. Iżda dik l-istess triq rat il-qofol tagħha f’ qabar vojt fit-tielet jum, bl-għajta ta’ ”Huwa qam!”8 tidwi fil-widnejn u l-qlub ta’ dawk li ħabbewh. Kienet tinkludi fiha ferħ u faraġ li ma nistgħux nimmaġinawhom minħabba l-Att tal-Fidwa Tiegħu għall-ulied kollha ta’ Alla tul l-eternità. Billi ħalla r-rieda Tiegħu tiġi megħluba mir-rieda tal-Missier, Kristu tana l-possibiltà li nistgħu nirċievu l-paċi eterna, il-ferħ etern u l-ħajja eterna.

Jiena nixhed li aħna wlied Alla li tant iħobbna. Nixhed li Huwa jridna nkunu ferħanin, imberkin u ’l bogħod minn kull periklu. Għal dan il-għan, Huwa fassal triq għalina li twassalna lura għandu, u Huwa bena barrieri li jipproteġuna matul it-triq. Hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nibqgħu f’ din it-triq, aħna nsibu s-sigurtà, l-hena u l-paċi vera. U hekk kif aħna nissottomettu għar-rieda Tiegħu, aħna nsiru dak li jridna nsiru Hu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.