2010-2019
Ibqgħu fit-Triq
Ottubru 2015


Ibqgħu fit-Triq

Poġġu l-ewwel lil Alla f’ ħajjitkom, ikunu xi jkunu l-isfidi li tħabbtu wiċċkom magħhom. Ħobbu lil Alla. Araw li jkollkom fidi fi Kristu u afdaw fih f’ kull ħaġa.

Fil-11 ta’ Marzu, 2011, jiena kont ninsab wieqaf fuq pjattaforma fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Shinagawa ġewwa Tokjo fi triqti biex inżur il-Missjoni ta’ Kobe fil-Ġappun. Għal ħabta tas-2:46 ta’ wara nofsinhar, għamel terrimot qawwi forza disgħa. Ma stajtx inżomm bilwieqfa minħabba ċ-ċaqlil tant intens u jiena ggranfajt mal-poġġaman tat-taraġ. Id-dwal li kien hemm ma’ saqaf viċin bdew jaqgħu mal-art. Il-belt kollha ta’ Tokjo kienet tinsab f’ paniku.

Fortunatament, jiena ma ġrali xejn, u erba’ sigħat wara, ħadt ir-ruħ meta sirt naf li lanqas fil-familja tiegħi ħadd ma kien ġralu xejn.

Fuq it-televiżjoni dehru għadd ta’ filmati mill-aktar xokkanti u tal-biżà. Tsunami enormi kien laqat l-inħawi tal-missjoni ta’ Sendai—fejn ġarr miegħu kull ma sab quddiemu: karozzi, djar, fabbriki u għelieqi. Jiena nħsadt ferm b’ dawk il-filmati traġiċi, u bkejt. U jien tlabt b’ mod ferventi sabiex Missierna tas-Smewwiet jipproteġi u jgħin lil dawk in-nies li kienu jgħixu f’ dan ir-reġjun li jien tant inħobb.

Aktar tard, ġie kkonfermat li l-missjunarji u l-membri kollha tal-Knisja ma kienu jinsabu fl-ebda periklu. Madankollu, ħafna membri ġew milquta, billi tilfu lil xi membri tal-familja, djar u ħwejjeġ oħra li kellhom fi djarhom. Kważi 20,000 ruħ tilfu ħajjithom, komunitajiet sħaħ ġew meqruda u bosta nies ġew sfurzati biex iħallu djarhom riżultat ta’ aċċident f’ impjant nuklejari.

Diżastri bħal dawn iwasslu għal qerda sħiħa f’ bosta nħawi tad-dinja, u jwasslu għat-telfien ta’ bosta ħajjiet. Aħna ġejna mwissija li fid-dinja se jseħħu bosta diżastri, gwerer u ħafna sitwazzjonijiet diffiċli.

Meta bla mistenni nispiċċaw inħabbtu wiċċna ma’ ċerti sfidi bħal dawn, aħna nafu nistaqsu, ’Għalfejn dawn il-ħwejjeġ qed jiġru lili?” jew ”Għalfejn għandi nsofri?”

Għal perjodu twil mhux ħażin wara li kkonvertejt għall-evanġelju, jiena ma kelli l-ebda tweġiba ċara għall-mistoqsija ”Għalfejn ikolli ngħaddi minn tant sfidi?” Il-parti mill-pjan tas-salvazzjoni li tgħid li aħna se niġu ppruvati, jiena kont fhimtha. Madankollu, fil-verità, meta kont nistaqsi dik il-mistoqsija, qatt ma rċevejt tweġiba konvinċenti biżżejjed li tissodisfani. Iżda wasal żmien f’ ħajti meta anke jien kelli ngħaddi minn prova mill-aktar kbira.

Meta kelli 30 sena, jiena kont qed inżur il-missjoni ta’ Nagoya bħala parti mill-ħidma tiegħi. Wara l-laqgħa, il-president tal-missjoni kien ħanin biżżejjed li rranġa mal-presbiteri sabiex iwassluni bil-karozza sal-ajruport. Madankollu, meta wasalna f’ salib it-toroq f’ qiegħ telgħa wieqfa, feġġ minn warajna trakk kbir li kien għaddej b’ veloċità kbira. Spiċċa baqa’ dieħel fuq wara tal-karozza tagħna u xeħitha ’l quddiem aktar minn 70 pied. L-aktar ħaġa xokkanti kienet li fit-trakk ma kien hemm l-ebda sewwieq. In-naħa ta’ wara tal-karozza tagħna spiċċat tgħaffġet b’ nofs li kienet oriġinalment. Fortunatament, kemm jien kif ukoll il-presbiteri bqajna ħajjin.

Madankollu, l-għada, bdejt inħoss uġigħ f’ għonqi u fi spallejja u beda jiżviluppali uġigħ ta’ ras qawwi. Minn dak inhar ma stajtx norqod, u spiċċajt ngħix kuljum b’ uġigħ kbir fuqi, kemm uġigħ fiżiku kif ukoll mentali. Tlabt lil Alla sabiex jekk jogħġbu jfejjaqli l-uġigħ li kelli, iżda s-sintomi baqgħu jippersistu għal madwar 10 snin.

F’ dan iż-żmien, f’ moħħi bdew ifeġġu bosta sentimenti ta’ dubju u bdejt ngħid lili nnifsi, ”Għalfejn għandi nsofri daqstant uġigħ?” Madankollu, avolja jien ma kontx fiqt kif kont xtaqt, ippruvajt nibqa’ fidil billi nobdi l-kmandamenti ta’ Alla. Komplejt nitlob li nkun kapaċi nirrisolvi l-mistoqsijiet li jien kelli dwar l-isfidi li kont ninsab għaddej minnhom.

Wasal żmien meta spiċċajt inħabbat wiċċi ma’ ċerti sfidi oħra personali, u verament ħassejtni mħawwad għaliex ma kontx naf kif se nkampa b’ dawn il-provi kollha. Kont qed nitlob li nikseb tweġiba. Iżda din it-tweġiba ma rċevejthiex mill-ewwel. Għalhekk mort u tkellimt ma’ mexxej tal-Knisja li jien kont nafda fih.

Hekk kif konna qed nitkellmu, b’ leħen kollu mħabba, qalli, ”Brother Aoyagi, l-għan għalfejn tinsab f’ din id-dinja mhuwiex biex inti tesperjenza dawn l-isfidi? M’għandekx taċċetta l-isfidi kollha ta’ din il-ħajja jiġu kif jiġu u mbagħad tħalli l-kumplament f’ idejn il-Mulej? Ma taħsibx li din il-problema se tissolva meta aħna nqumu mill-imwiet?”

Meta jiena smajt dan il-kliem, ħassejt fija l-Ispirtu tal-Mulej b’ qawwa kbira. Din id-duttrina kont smajtha għadd ta’ drabi qabel, iżda qatt ma kont fhimtha daqskemm spiċċajt fhimtha dak il-ħin. Fhimt li din kienet it-tweġiba li permezz tat-talb tiegħi kont qed nistenna mill-Mulej. Kont kapaċi b’ mod ċar nifhem il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Missierna tas-Smewwiet u nifhem mill-ġdid dan il-prinċipju importanti.

Fil-Ktieb ta’ Abraham, il-Mulej Alla ddikjara, ”U nippruvawhom ħalli naraw jekk jagħmlux dak kollu li jitlobhom jagħmlu l-Mulej Alla tagħhom.”1

Il-prinċipju hu li Alla li ħoloq is-smewwiet u l-art jaf x’ inhu eżatt id-disinn il-kbir ta’ din id-dinja, li Hu għandu dominju fuq kollox kemm fis-smewwiet kif ukoll fl-art, u sabiex iġib fis-seħħ il-pjan tas-salvazzjoni, Huwa jipprovdilna bosta esperjenzi differenti—f’ kelma oħra, provi—waqt li ninsabu hawn fid-dinja.

U l-Mulej qal dan il-kliem lil Joseph Smith:

”Kun af, ibni, li dan kollu se jagħtik l-esperjenza, u se jkun għall-aħjar tiegħek. …

“Għalhekk, ibqa’ fit-triq …, għax Alla se jkun miegħek għal dejjem ta’ dejjem.”2

L-isfidi ta’ din id-dinja—fosthom il-mard u l-mewt—huma parti mill-pjan tas-salvazzjoni u huma esperjenzi inevitabbli. Huwa neċessarju għalina li ”nibqgħu fit-triq” u naċċettaw l-isfidi tagħna b’ fidi.

Madankollu, l-għan ta’ ħajjitna mhuwiex biss li nikkumbattu dawn l-isfidi. Missierna tas-Smewwiet bagħat lil Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna, ħalli nkunu nistgħu negħlbu l-isfidi li niffaċċjaw f’ din id-dinja; fi kliem ieħor, huwa jgħin biex id-dgħjufijiet tagħna jsiru għalina qawwa,3 Huwa patta għal dnubietna u għall-imperfezzjoni tagħna, u għamilha possibbli li aħna niksbu l-immortalità u l-ħajja eterna.

Il-President Henry B. Eyring iddikjara: ”It-test li poġġa quddiemna Alla li tant iħobbna mhuwiex li jara jekk aħna hux kapaċi ngħaddu mid-diffikultajiet. Huwa li jara li ngħaddu minnhom b’ mod xieraq. Aħna ngħaddu t-test billi nuru li aħna niftakru fih u fil-kmandamenti li Huwa tana.”4

”Ibqgħu fit-triq” hija l-għażla ewlenija tul iż-żminijiet ta’ prova. Dawru qalbkom lejn Alla, speċjalment meta intom tħabbtu wiċċkom mal-isfidi tal-ħajja. B’ umiltà obdu lill-kmandamenti ta’ Alla. Uru l-fidi sabiex tirrekonċiljaw ix-xewqat tagħkom ma’ dawk ta’ Alla.

Ejjew issa nikkunsidraw dik il-ħabta fuq in-naħa ta’ wara ġewwa Nagoya. Stajt bqajt mejjet f’ dak l-aċċident. Madankollu, permezz tal-grazzja tal-Mulej, jiena b’ mod mirakoluż bqajt ħaj. U naf li s-sofferenza tiegħi kienet biex jiena nitgħallem u nikber.5 Missieri tas-Smewwiet għallimni biex nikkontrolla l-paċenzja tiegħi, niżviluppa s-sens ta’ empatija u nfarraġ lil dawk li qed isofru. Meta rrealizzajt dan, qalbi mtliet b’ sentimenti ta’ gratitudni lejn Missieri tas-Smewwiet għal din l-isfida.

Poġġu l-ewwel lil Alla f’ ħajjitkom, ikunu xi jkunu l-isfidi li tħabbtu wiċċkom magħhom. Ħobbu lil Alla. Araw li jkollkom fidi fi Kristu u afdaw fih f’ kull ħaġa. Moroni għamel din il-wegħda li ġejja lill-poplu tiegħu: ”U jekk intom tiċħdu lilkom infuskom minn kull ħażen, u tħobbu lil Alla bil-qawwa tagħkom kollha, b’ moħħkom kollu u b’ saħħitkom kollha, imbagħad il-grazzja tiegħu tkun biżżejjed għalikom, ħalli permezz tal-grazzja tiegħu intom tkunu tistgħu tiġu pperfezzjonati fi Kristu.”6

B’ sinċerità jiena nixhed li Alla l-Missier u Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, jgħixu u li l-wegħdiet ta’ Alla lil dawk li ”jibqgħu fit-triq” u jħobbuh se jiġu fis-seħħ anke waqt l-isfidi ta’ ħajjithom, fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.