2010-2019
Minn Għajnejn Alla
Ottubru 2015


Minn Għajnejn Alla

Biex inkunu nistgħu nservu lil ħaddieħor b’ mod effettiv, aħna għandna nħarsu lejh minn għajnejn ta’ ġenitur, minn għajnejn Missierna tas-Smewwiet.

Għeżież ħuti, grazzi talli lbieraħ intom sostnejtuni bħala membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Diffiċli nesprimi kemm dan ifisser għalija. Jiena kont speċjalment grat għall-vot ta’ sosteniment ta’ żewġ nisa mill-aktar straordinarji f’ ħajti: marti, Ruth u l-għażiża, tant għażiża, bintna, Ashley.

Is-sejħa tiegħi hija evidenza biżżejjed tal-verità tad-dikjarazzjoni tal-Mulej aktar kmieni f’ din id-dispensazzjoni: ”Sabiex il-milja tal-evanġelju tiegħi tkun tista’ tiġi mxandra permezz tad-dgħajfin u tas-sempliċi sat-truf tad-dinja.”1 Jiena wieħed minn dawk id-dgħajfin u s-sempliċi. Għexieren ta’ snin ilu, meta kont ġejt imsejjaħ biex inkun l-isqof ta’ qasam fl-Istati Uniti tal-lvant, ċempilli ħija li hu ftit akbar u ħafna aktar għaref minni. Huwa qalli, ”Jeħtieġ li tkun taf li l-Mulej ma sejjaħlekx minħabba xi ħaġa li inti wettaqt. Fil-kas tiegħek, sejjaħlek probabbilment minkejja dak kollu li għamilt. Il-Mulej sejjaħlek għal dak li jrid iwettaq permezz tiegħek, u dan jista’ jseħħ biss jekk int dan tagħmlu bil-mod li jixtieq Hu.” Jiena nagħraf li dan l-għerf li kien ġej mingħand ħija akbar minni japplika ferm aktar għall-ġurnata tal-lum.

Isseħħ xi ħaġa verament meraviljuża fis-servizz ta’ missjunarju meta hu jew hi jagħrfu li s-sejħa mhijiex dwarhom; pjuttost, hija dwar il-Mulej, il-ħidma Tiegħu u wlied Missierna tas-Smewwiet. Jiena nħoss li l-istess ħaġa tapplika għal Appostlu. Din is-sejħa mhijiex dwari. Hija dwar il-Mulej, il-ħidma Tiegħu u wlied Missierna tas-Smewwiet. Tkun xi tkun il-ħidma jew is-sejħa li nissejħu biex inwettqu fil-Knisja, biex inservu kif għandna nservu, għandna nagħmlu dan bl-għarfien li lil kull min aħna nservu ”huwa iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-smewwiet, u, għalhekk, … għandhom natura divina u destin divin.”2

Fil-passat il-professjoni tiegħi kienet ta’ kardjologu li nispeċjalizza fil-problemi u t-transplants tal-qalb, ma’ bosta pazjenti li kienu jkunu morda serjament. Il-mara tiegħi, bħala ċajta, kienet tgħidli li verament ikun sinjal pronostiku ikrah li tkun wieħed mill-pazjenti tiegħi. Apparti ċ-ċajt, jiena rajt ħafna nies imutu, u żviluppajt fija bħal mod kif nikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħi meta l-affarijiet ma jmorrux tajjeb. B’ dan il-mod, stajt nikkontrolla aħjar is-sentimenti ta’ niket u diżappunt.

Fl-1986, raġel żagħżugħ jismu Chad żviluppa problema f’ qalbu u huwa ngħata qalb ġdida. Mar tajjeb ħafna għal ħmistax-il sena sħaħ. Chad għamel dak kollu li seta’ biex jibqa’ b’ saħħtu u jgħix ħajja normali kemm jista’ jkun. Huwa mar iservi missjoni, qabad jaħdem u kien iben mill-aktar devot lejn il-ġenituri tiegħu. Madankollu, l-aħħar snin ta’ ħajtu kienu żmien ta’ sfida u hu spiċċa dieħel u ħiereġ l-isptar b’ mod frekwenti.

Lejla minnhom, huwa ddaħħal fid-dipartiment tal-emerġenza tal-isptar b’ attakk tal-qalb qawwi. Sħabi u jiena għamilna ħin twil naħdmu biex nerġgħu nirrestawrawlu ċ-ċirkulazzjoni. Finalment, kien jidher ċar li Chad ma kienx ġej lura. Aħna waqafna bl-isforzi inutli tagħna, u jien iddikjarajtu mejjet. Għalkemm ħassejtni mnikket u diżappuntat, jiena wrejt attitudni professjonali. Għidt lili nnifsi, ”Chad kien hemm minn vera ħa ħsiebu. Huwa għex ferm aktar snin milli kieku kien jgħix mingħajr l-intervent kirurgu. Din id-distanza emozzjonali malajr evaporat hekk kif il-ġenituri tiegħu daħlu fil-kamra tal-emerġenza u raw lil binhom mejjet mixħut fuq streċer. F’ dak il-mument, jiena stajt nara lil Chad minn għajnejn missieru u ommu. Stajt nara t-tamiet u x-xewqat kbar li huma kellhom għalih, ix-xewqa li huma kellhom li huwa jgħix ħajja ftit itwal u daqsxejn aħjar. B’ dan il-ħsieb f’ moħħi, jiena bdejt nibki. Ironikament l-irwol tagħna nbidel u b’ ġest ta’ tjubija li qatt ma nista’ ninsih, il-ġenituri ta’ Chad spiċċaw ifarrġu lili.

Illum nirrealizza li fil-Knisja, biex inkunu nistgħu nservu lil ħaddieħor b’ mod effettiv, aħna għandna nħarsu lejhom minn għajnejn ta’ ġenitur, minn għajnejn Missierna tas-Smewwiet. Hekk biss aħna nibdew nifhmu l-veru valur ta’ persuna. Hekk biss aħna nkunu nistgħu nagħrfu l-imħabba li Missierna tas-Smewwiet għandu għal uliedu kollha. Hekk biss aħna nagħrfu kemm is-Salvatur verament jimpurtah minnhom. Aħna ma nistgħux inwettqu verament l-obbligu tal-patt tagħna li nibku ma’ dawk li jibku u nfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ jekk l-ewwel aħna ma narawhomx permezz ta’ għajnejn Alla.3 Din il-perspettiva akbar tiftaħ qalbna għad-diżappunt, għall-biżgħat u għall-uġigħ tal-qalb ta’ ħaddieħor. Iżda Missierna tas-Smewwiet jgħinna u jfarraġna, bl-istess mod li l-ġenituri ta’ Chad farrġu lilu bosta snin ilu. Jeħtieġ li jkollna għajnejn li jaraw, widnejn li jisimgħu u qlub li jafu jħossu jekk aħna rridu nwettqu s-salvataġġ li tant ħeġġiġna biex inwettqu l-President Thomas S. Monson.4

Huwa biss meta aħna nħarsu permezz ta’ għajnejn Missierna tas-Smewwiet li aħna nistgħu nimtlew bl-”imħabba pura ta’ Kristu.”5 Kuljum għandna nitolbu bil-ħerqa lil Alla biex ikollna dejjem magħna din it-tip ta’ mħabba. Mormon widdeb, ”Għalhekk, għeżież ħuti, itolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbkom, sabiex tkunu mimlijin b’ din l-imħabba, li huwa sawwab fuq dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.”6

B’ qalbi kollha jien irrid inkun dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu.7 Jiena nħobbu. Jiena nadurah. Jiena nixhed dwar ir-realtà ħajja Tiegħu. Jiena nixhed li Hu huwa l-Midluk, il-Messija. Jiena xhud tal-ħniena, tal-kompassjoni u tal-imħabba inkomparabbli Tiegħu. Jiena nżid it-testimonjanza tiegħi ma’ dik tal-Appostli li, fis-sena 2000, iddikjaraw ”li Ġesù huwa l-Kristu l-Ħaj, l-Iben ta’ Alla immortali. … Huwa d-dawl, il-ħajja u t-tama tad-dinja.”8

Jiena nixhed li f’ għodwa tal-1820 f’ bosk fin-naħa ta’ fuq ta’ New York, il-Mulej imqajjem mill-imwiet deher, flimkien ma’ Alla, Missierna tas-Smewwiet, lill-Profeta Joseph Smith, l-istess kif qal li għamlu Joseph Smith. L-imfietaħ tas-saċerdozju jinsabu llum fid-dinja biex permezz tagħhom jitwettqu ordinanzi meħtieġa għas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni. Jiena dan nafu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Doctrine and Covenants 1:23.

  2. “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Nov. 2010, 129; inqrat mill-President Gordon B. Hinckley bħala parti mill-messaġġ tiegħu fil-laqgħa ġenerali tas-Soċjetà tal- Għajnuna li saret fit-23 ta’ Settembru, 1995, fil-Belt ta’ Salt Lake, Utah.

  3. Ara Mosiah 18:8–10.

  4. Ara, per eżempju, Thomas S. Monson, “To the Rescue,” Liahona, Lulju 2001, 57–60; “Our Responsibility to Rescue,” Liahona, Ott. 2013, 4–5. Il-President Monson reġa’ saħaq dawn il-prinċipji fil-messaġġ tiegħu lill-Awtoritjiet Ġenerali fit-30 ta’ Settembru, 2015, fejn fakkar lil dawk miġbura li hu kien qed jerġa’ jenfasizza l-messaġġ li huwa ta lill-Awtoritajiet Ġenerali u s-Sebgħin Reġjonali fil-laqgħat ta’ taħriġ li saru waqt il-konferenza ġenerali ta’ April 2009.

  5. Moroni 7:47.

  6. Moroni 7:48.

  7. Ara Doctrine and Covenants ”18:27–28:

    ”U t-Tnax se jkunu d-dixxipli tiegħi, u huma se jieħdu fuqhom ismi; u t-Tnax huma dawk li jixtiequ, b’ qalbhom kollha, jieħdu fuqhom ismi.

    ”U jekk jixtiequ li, b’ qalbhom kollha, jieħdu fuqhom ismi, huma msejħin li jmorru fid-dinja kollha biex jippridkaw l-evanġelju tiegħi lil kull ħlejqa.”

  8. “Il-Kristu l-Ħaj: It-Testimonjanza tal-Appostli,” Liahona, Apr. 2000, 3. Meta qed ngħid dan hawnhekk, jiena b’ mod figurattiv inżid il-firma tiegħi ma’ dak id-dokument, nixhed għall-istess testimonjanza li pprovdewlna l-Appostli.