2010-2019
Wirt Imprezzabbli ta’ Tama
April 2014


Wirt Imprezzabbli ta’ Tama

Meta tagħżlu jekk tagħmlux jew iżżommux xi patt ma’ Alla, intom tkunu qed tagħżlu jekk tħallux warajkom wirt ta’ tama lil dawk li jistgħu jimxu wara l-eżempju tagħkom.

Għeżież ħuti, xi wħud minnkom ġejtu mistednin għal din il-laqgħa mill-missjunarji tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Dawk il-missjunarji jafu diġà stednukom sabiex tagħżlu jekk tagħmlux patt ma’ Alla billi titgħammdu.

Oħrajn fostkom tinsabu tisimgħu dalgħodu għaliex aċċettajtu l-istedina ta’ xi ġenitur jew tal-mara tagħkom, jew forsi tat-tfal tagħkom li stednukom bit-tama li intom tagħżlu li terġgħu tpoġġu lura fiċ-ċentru ta’ ħajjitkom il-patti li diġà għamiltu ma’ Alla . Xi wħud minnkom li qed tisimgħuni diġà għamiltu l-għażla li terġgħu lura sabiex timxu wara s-Salvatur u llum qed tħossu fikom il-ferħ tal-istedina Tiegħu.

Intom min intom u intom fejn intom, f’ idejkom jinsab il-ferħ ta’ ferm aktar nies milli qatt tistgħu timmaġinaw. Kuljum u kull siegħa intom tistgħu tagħżlu li tagħmlu jew iżżommu patt ma’ Alla.

Tinsabu fejn tinsabu fit-triq li permezz tagħha tirtu r-rigal tal-ħajja eterna, intom għandkom l-opportunità li turu lil bosta nies it-triq lejn ferħ akbar. Meta tagħżlu jekk tagħmlux jew iżżommux xi patt ma’ Alla, intom tkunu qed tagħżlu jekk tħallux warajkom wirt ta’ tama lil dawk li jistgħu jimxu wara l-eżempju tagħkom.

Intom u jiena ġejna mberkin bil-wegħda ta’ dan il-wirt. Parti kbira mill-ferħ li jiena sibt f’ ħajti huwa grazzi għal raġel li miegħu jiena qatt ma ltqajt f’ din il-ħajja mortali. Kien tifel orfni li wara sar wieħed mill-bużnanniet tiegħi. Huwa ħallieli wirt imprezzabbli ta’ tama. Ippermettuli ngħidilkom daqsxejn fuq il-parti li huwa lagħab fil-ħolqien ta’ dan il-wirt għalija.

Jismu Heinrich Eyring. Huwa kien twieled ġo familja sinjura. Missieru, Edward, kellu medda kbira ta’ art ġewwa Coburg, li issa tinsab fil-Ġermanja. Ommu kienet il-Viskontessa Charlotte Von Blomberg. Misserha kien jieħu ħsieb l-artijiet tar-re tal-Prussja.

Heinrich kien l-ewwel iben ta’ Charlotte u Edward. Charlotte mietet meta kellha 31 sena, wara t-twelid tat-tielet tarbija tagħha. Edward miet ftit warajha, wara li kien tilef il-propjetà u l-ġid kollu li kellu f’ biċċa negozju li kien ġieħ ħażin. Kellu biss 40 sena. Ħalla warajh tlett itfal orfni.

Heinrich, il-bużnannu tiegħi, tilef liż-żewġ ġenituri tiegħu kif ukoll wirt kbir fi ħwejjeġ tad-dinja. Spiċċa mingħajr flus. Huwa kiteb fid-djarju tiegħu li ħass li l-aqwa tama li huwa kellu kienet li jemigra l-Amerka. Għalkemm la kellu familja u lanqas ħbieb, huwa kellu fih sentiment kbir ta’ tama għaliex kien sejjer l-Amerka. L-ewwel li mar kien fil-Belt ta’ New York. Aktar tard huwa mar jgħix ġewwa St. Louis, Missouri.

Ġo St. Louis, wieħed mill-ħaddiema sħabu kien Qaddis tal-Aħħar Jiem. Mingħandu huwa kiseb kopja ta’ pamflet miktub mill-Presbiteru Parley P. Pratt. Huwa qrah u mbagħad studja kull kitba li seta’ jikseb dwar il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Huwa talab biex isir jaf jekk kienx veru li l-anġli jidhru lill-bnedmin, jekk kienx veru li hemm profeta ħaj u jekk kienx sab il-vera reliġjon żvelata minn Alla.

Wara xahrejn sħaħ jitlob u jistudja bir-reqqa, Heinrich kellu ħolma li fiha ġie mgħarraf li kellu jitgħammed. Din l-ordinanza kellha tiġi mwettqa minn raġel li għadni nonora ismu u l-awtorità tas-saċerdozju tiegħu sal-ġurnata tal-lum, il-Presbiteru William Brown. Heinrich tgħammed f’ għadira ilma tax-xita fil-11 ta’ Marzu, 1855, fis-7:30 ta’ filgħodu.

Nemmen li dak inhar Heinrich Eyring kien jaf li dak li qed ngħallimkom illum huwa kollu veru. Kien jaf li l-ferħ tal-ħajja eterna jinkiseb permezz tar-rabta tal-familja li tibqa’ għal dejjem. Anke meta kien għadu kif sab il-pjan ta’ ferħ tal-Mulej, huwa kien jaf li t-tama tiegħu għall-ferħ etern kienet tiddependi fuq l-għażla ħielsa ta’ dawk li sa jimxu fuq l-eżempju tiegħu. It-tama tiegħu għall-ferħ etern kienet tiddependi fuq nies li għadhom lanqas biss twieldu.

Bħala parti mill-wirt ta’ tama tal-familja tagħna, huwa ħalla djarju li huwa kiteb għad-dixxendenti tiegħu.

F’ dan id-djarju nista’ nħoss l-imħabba tiegħu lejn dawk fostna li mxew wara l-passi tiegħu. Fi kliemu nħoss it-tama tiegħu li d-dixxendenti tiegħu jagħżlu li jimxu warajh fit-triq li twassalna lura fid-dar tagħna fis-smewwiet. Huwa kien jaf li din ma kenitx se tkun sempliċiment għażla waħda kbira iżda pjuttost bosta għażliet żgħar. Sa nikkwota mid-djarju tiegħu:

“Mill-ewwel darba li smajt lill-Presbiteru Andrus jitkellem … jiena dejjem attendejt il-laqgħa tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem u rari huma d-drabi meta ma mortx il-laqgħa, għaliex huwa d-dmir tiegħi li nagħmel dan.

“Jiena qed insemmi dan fid-djarju tiegħi forsi wliedi jimitaw l-eżempju tiegħi u qatt ma jittraskuraw dan … id-dmir importanti li jinġabru flimkien mal-Qaddisin.”1

Heinrich kien jaf li fil-laqgħat tas-sagrament aħna stajna nġeddu l-wegħda tagħna li dejjem niftakru fis-Salvatur u jkollna magħna l-Ispirtu Tiegħu.

Kien dak l-istess Spirtu li sostnih fil-missjoni li ssejjaħ għaliha ftit xhur biss wara li aċċetta l-patt tal-magħmudija. Huwa ħalla warajh bħala wirt l-eżempju tiegħu li baqa’ fidil fil-missjoni tiegħu għal sitt snin fl-inħawi li dak iż-żmien kienu jsejħulhom it-Territorji Indjani. Biex jinħall mill-missjoni tiegħu, huwa mexa u aktar tard ingħaqad ma’ ferrovija bil-vaguni minn Oklahoma sal-Belt ta’ Salt Lake, distanza ta’ madwar 1,100 mil (1,770 km).

Eżatt wara ġie msejjaħ minn profeta ta’ Alla sabiex imur jgħix fin-nofsinhar ta’ Utah. Hemmhekk huwa aċċetta sejħa oħra li jaqdi missjoni f’ art twelidu, il-Ġermanja. Imbagħad huwa aċċetta l-istedina ta’ Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu sabiex jgħin fil-bini tal-kolonji tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem fit-tramuntana tal-Messiku. Minn hemmhekk ġie msejjaħ sabiex iservi ta’ missjunarju għal darb’oħra fil-Belt tal-Messiku. Huwa onora dawk is-sejħiet. Huwa jinsab midfun f’ ċimiterju żgħir ġewwa Colonia Juárez, Chihuahua, il-Messiku.

Jiena qed nirrakkonta dawn il-fatti mhux biex ngħid kemm kien eċċezzjonali hu u x-xogħol li huwa wettaq għad-dixxendenti tiegħu. Qed nirrakkonta dawn il-fatti biex nonorah għall-eżempju ta’ fidi u tama li kellu f’ qalbu.

Huwa aċċetta dawk is-sejħiet minħabba l-fidi li kellu li Kristu mqajjem mill-imwiet u Missierna tas-Smewwiet dehru lil Joseph Smith ġewwa bosk fl-istat ta’ New York. Huwa aċċettahom peress li kellu fidi li l-imfietaħ tas-saċerdozju fil-Knisja tal-Mulej ġew irrestawrati bil-qawwa li l-familji jiġu ssiġillati għal dejjem, jekk huma jkollhom biżżejjed fidi li jżommu l-patti tagħhom.

Bħal Heinrich Eyring, il-bużnannu tiegħi, inti tista’ tkun l-ewwel wieħed fil-familja tiegħek li turi t-triq lejn il-ħajja eterna permezz ta’ patti li inti tagħmel u żżomm b’ diliġenza u fidi. Kull patt iġib miegħu dmirijiet u wegħdi. Għalina lkoll, kif kien għal Heinrich, dawn id-dmirijiet huma xi kultant sempliċi iżda ħafna drabi diffiċli. Iżda ftakru, id-dmirijiet ikunu diffiċli peress li l-għan tagħhom hu li jmexxuna ‘l quddiem fit-triq li twassalna biex ngħixu għal dejjem ma’ Missierna tas-Smewwiet u ma’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, bħala familji.

Ftakru l-kliem mill-ktieb ta’ Abraham:

“U waqaf wieħed f’ nofshom li kien bħal Alla, u qal lil dawk li kienu miegħu: Immorru hemm isfel, għaliex hemm spazju, u magħna nieħdu dan il-materjal, u nagħmlu dinja li fiha jistgħu jgħammru;

“U nippruvawhom ħalli naraw jekk jagħmlux dak kollu li jitlobhom jagħmlu l-Mulej Alla tagħhom;

“U dawk li jżommu l-ewwel stat tagħhom jintbagħtu hemm; u dawk li ma jżommux l-ewwel stat tagħhom ma jkollhomx glorja fl-istess saltna ma’ dawk li żammew l-ewwel stat tagħhom; u dawk li jżommu t-tieni stat tagħhom tingħatalhom il-glorja għal dejjem ta’ dejjem.”2

Li nżommu t-tieni stat jiddependi jekk aħna nagħmlux patti ma’ Alla u jekk b’ fedeltà nwettqux id-dmirijiet li jeħtieġu minna. Jeħtieġ li jkollna fidi f’ Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tagħna biex aħna nibqgħu nżommu dawn il-patti sagri tul ħajjitna kollha.

Peress li Adam u Eva waqgħu, bħala wirt universali aħna nħabbtu wiċċna mat-tentazzjoni, mal-isfidi tal-ħajja u mal-mewt. Madankollu, Missierna tas-Smewwiet tana r-rigal ta’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, bħala s-Salvatur tagħna. Dak ir-rigal kbir u l-barka kbira tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu jagħtuna lkoll wirt universali: il-wegħda tal-Qawmien mill-Imwiet u l-possibiltà tal-ħajja eterna lil dawk kollha li twieldu.

L-akbar barka fost il-barkiet kollha ta’ Alla, il-ħajja eterna, nistgħu niksbuha biss jekk aħna nagħmlu ċerti patti li huma offruti fil-Knisja vera ta’ Ġesù Kristu mill-qaddejja awtorizzata Tiegħu. Minħabba l-Waqgħa, aħna lkoll għandna bżonn li nitnaddfu permezz tal-magħmudija u tat-tqegħid tal-idejn biex nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Dawn l-ordinanzi għandhom jitwettqu minn dawk li jipposedu l-awtorità xierqa tas-saċerdozju. Imbagħad, bl-għajnuna tad-Dawl ta’ Kristu u l-Ispirtu s-Santu, aħna nistgħu nżommu l-patti kollha li nagħmlu ma’ Alla, speċjalment dawk li jiġu offruti fit-tempju. Huwa biss b’ dan il-mod, u b’ dik l-għajnuna, jista’ wieħed jistenna li jikseb il-wirt li huwa tiegħu bħala iben t’ Alla bħala parti minn familja eterna.

Għal xi wħud li qed jisimgħuni, din tista’ tidher bħala xi ħolma li qatt m’ għandhom ċans iwettquha.

Żgur li rajtu ġenituri mnikktin minħabba li wliedhom m’ aċċettawx li jagħmlu patti ma’ Alla jew għażlu li jiksruhom. Iżda dawn il-ġenituri jistgħu jimtlew bil-kuraġġ u t-tama meta jisimgħu l-esperjenzi ta’ ġenituri oħra.

Bin Alma u wlied is-Sultan Mosija spiċċaw nidmu mir-ribeljoni kbira tagħhom kontra l-patti u l-kmandamenti ta’ Alla. Alma ż-Żgħir ra lil ibnu Kurjantun iħalli warajh il-ħajja midinba u jagħtiha għas-servizz tal-evanġelju. Il-Ktieb ta’ Mormon jitkellem ukoll dwar miraklu ta’ meta il-Lamaniti warrbu t-tradizjonijiet tagħhom li jobogħdu s-sewwa u wasslu biex għamlu patt li jmutu biex iżommu l-paċi.

Anġlu ntbagħat għand iż-żagħżugħ Alma u wlied Mosija. L-anġlu mar minħabba l-fidi u t-talb ta’ missierhom u tal-poplu ta’ Alla. Minn dawk l-eżempji ta’ kemm il-qawwa tal-Att tal-Fidwa taħdem f’ qalb il-bniedem, intom tistgħu timtlew bil-kuraġġ u l-faraġ.

Il-Mulej tana lkoll is-sors ta’ tama hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex ngħinu lil dawk li nħobbu jaċċettaw il-wirt etern tagħhom. Huwa għandu lest għalina għadd ta’ wegħdi hekk kif aħna nippruvaw nressqu n-nies lejh, anke meta huma jirreżistu l-istedina li Huwa jagħmlilhom. Ir-reżistenza tagħhom tnikktu, iżda Huwa ma jaqtax qalbu, u aħna għandna nagħmlu l-istess. Huwa tana eżempju perfett permezz tal-imħabba persistenti Tiegħu: “U wkoll, kemm-il darba ġbartkom flimkien kif qroqqa tiġbor il-flieles taħt ġwinħajha, iva, ja poplu tad-dar ta’ Israel, li warrabtu s-sewwa; iva, ja poplu tad-dar ta’ Israel, li tgħammru ġo Ġerusalemm, intom li warrabtu s-sewwa; iva, kemm-il darba ġbartkom flimkien kif qroqqa tiġbor il-flieles tagħha, u intom ma ridtux.” 3

Aħna nistgħu niddependu fuq dik ix-xewqa kontinwa tas-Salvatur li jwassal lura f’ darhom lil ulied spirtu kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet biex jgħixu Miegħu. Kull ġenitur fidil, kull missier fidil u kull bużnannu fidil għandu din l-istess xewqa. Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur huma l-eżempju perfett tagħna ta’ dak li nistgħu nagħmlu u għandna nagħmlu. Huma qatt ma jimponu s-sewwa fuqna għaliex li ngħixu s-sewwa għandha tkun għażla tagħna. Huma jippreżentawha b’ mod li aħna nkunu nistgħu nagħrfu s-sewwa, u huma jħalluna naraw li l-frott tagħha hu delizzjuż.

Kull bniedem li twieled f’ din id-dinja jirċievi d-Dawl ta’ Kristu, li jgħinna naraw u nħossu x’ inhu tajjeb u x’ inhu ħażin. Alla jibagħtilna qaddejja mortali li jistgħu, permezz tal-Ispirtu s-Santu, jgħinuna nagħrfu x’ iridna nagħmlu Hu u x’ ma jridniex. Alla jipprova jattirana li nagħzlu s-sewwa billi jgħinna nħossu l-effett tal-għażliet tagħna. Jekk nagħżlu t-tajjeb, aħna niksbu l-ferħ—eventwalment. Jekk nagħżlu l-ħażin, aħna nħossu n-niket u d-dispjaċir—eventwalment. Dawn l-effetti huma ċerti. Madankollu ġieli ndumu ma nħossuhom. Jekk il-barkiet ikunu immedjati, li nagħżlu t-tajjeb ma jwassalx biex inkabbru l-fidi. U peress li n-niket ħafna drabi ndumu wkoll ma nesperjenzawh, ikollna bżonn il-fidi biex inħossu l-bżonn li nfittxu l-maħfra għal dnubietna kmieni kemm jista’ jkun minflok li nħallu għal wara li nesperjenzaw l-effetti tan-niket u l-uġigħ.

Leħi l-missier tnikket minħabba l-għażliet li għamlu wħud minn uliedu u l-familji tagħhom. Huwa kien raġel kbir u twajjeb—profeta ta’ Alla. Ħafna drabi huwa qasam magħhom it-testimonjanza tiegħu dwar is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Huwa kien eżempju ta’ ubbidjenza u servizz meta l-Mulej sejjaħlu sabiex iħalli warajh il-ġid kollu tad-dinja li kellu biex isalva lill-familja tiegħu mill-qerda. Fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, huwa kien għadu jaqsam it-testimonjanza tiegħu ma’ wliedu. Bħas-Salvatur—minkejja l-qawwa li kellu li jkun jaf x’ hemm f’ qalbhom u li jara l-futur kemm dak ikrah kif ukoll sabiħ—Leħi kompla jgħin lill-membri tal-familja tiegħu biex iressaqhom lejn is-salvazzjoni.

Illum miljuni ta’ dixxendenti ta’ Leħi l-missier qed jiġġustifikaw it-tama tiegħu għalihom.

Jien u intom x’ nistgħu nagħmlu biex nitgħallmu mill-eżempju ta’ Leħi? Nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tiegħu billi nistudjaw l-iskrittura bl-għajnuna tat-talb u billi nosservaw.

Nissuġġerixxi li intom taħsbu kemm fil-futur immedjat kif ukoll fil-futur imbiegħed hekk kif tippruvaw tgħaddu l-wirt tat-tama lill-familja tagħkom. Fil-futur immedjat, se nħabbtu wiċċna mal-inkwiet u Satana jagħmel minn kollox biex jittantana. U hemm ħwejjeġ li għandna nistennew bil-paċenzja, permezz tal-fidi, għax nafu li l-Mulej iberikna fil-ħin Tiegħu u bil-mod Tiegħu.

Hemm ħwejjeġ li tistgħu tagħmluhom kmieni, meta dawk li tħobbu għadhom żgħar. Ftakru li t-talb tal-familja kuljum, l-istudju tal-iskrittura mal-familja, u li naqsmu t-testimonjanza tagħna fil-laqgħa tas-sagrament huma aktar faċli u effettivi meta t-tfal ikunu għadhom żgħar. It-tfal iż-żgħar huma ħafna drabi aktar sensittivi għall-Ispirtu milli naħsbu.

Meta jikbru, huma jiftakru l-għanjiet li kantaw magħkom. Aktar mill-mużika, huma jiftakru l-kliem tal-iskrittura u t-testimonjanzi. L-Ispirtu s-Santu jista’ jfakkarhom dan kollu, iżda l-kliem tal-iskrittura u l-għanjiet jibqgħu f’ moħħhom aktar. Dawn il-memorji jistgħu jinfluwenzawhom tant li jerġgħu lura wara li huma jkunu ħarġu mit-triq it-tajba, jista’ jkun anke għal numru ta’ snin, it-triq li twassalhom lejn il-ħajja eterna.

Inħarsu fil-futur imbiegħed meta dawk li nħobbu qed iħossu l-influwenza tad-dinja u s-sentimenti ta’ dubju jdgħajfu l-fidi tagħhom. Aħna għandna l-fidi, it-tama u l-karità biex jiggwidawna u nqawwuhom.

Jiena rajt dan bħala kunsillier ta’ żewġ profeti ħajjin ta’ Alla. Huma individwi b’ personalitajiet uniċi. Madankollu t-tnejn li huma għandhom l-istess ottimiżmu konsistenti. Meta xi ħadd isemmi li hemm xi problema fil-Knisja, l-aktar risposta frekwenti tagħhom hi, “Kollox se jkun sew.” Ħafna drabi huma jkunu jafu dwar il-problema ferm aktar minn dawk li jkunu qed jinkwetaw fuqha.

Huma jafu wkoll x’ irid il-Mulej, għalhekk huma dejjem jinsabu mimlijin tama dwar is-saltna Tiegħu. Huma jafu li Hu li qed imexxi. Huwa jista’ kollox u jimpurtah minna. Jekk tħalluh ikun il-mexxej tal-familja tagħkom, kollox ikun sew.

Xi wħud mid-dixxendenti ta’ Heinrich Eyring jidher li ħarġu mit-triq tas-sewwa. Iżda ħafna mit-tfal tat-tfal ta’ wlied uliedu jmorru fit-tempji ta’ Alla fis-6 ta’ filgħodu biex iwettqu l-ordinanzi għall-antenati tagħhom li magħhom qatt ma ltaqgħu. Huma jmorru minħabba l-wirt ta’ tama li huwa ħalla warajh. Huwa ħalla wirt li qed igawduh ħafna mid-dixxendenti tiegħu.

Wara dak kollu li nistgħu nagħmlu permezz tal-fidi, il-Mulej jiġġustifika t-tamiet tagħna għal barkiet akbar għall-familji tagħna aktar milli qatt nistgħu nimmaġinaw. Huwa jrid l-aħjar għalihom u għalina, bħala wliedu.

Aħna lkoll ulied Alla ħaj. Ġesù ta’ Nazaret huwa l-Iben Għażiż Tiegħu u s-Salvatur tagħna mqajjem mill-imwiet. Din hi l-Knisja Tiegħu. Fiha jinsabu l-imfietaħ tas-saċerdozju, sabiex il-familji jistgħu jkunu għal dejjem. Dan huwa l-wirt imprezzabbli tagħna ta’ tama. Nixhed li hekk hu f’ isem il-Mulej Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja