2010-2019
Il-Profeta Joseph Smith
April 2014


Il-Profeta Joseph Smith

L-għadd kbir ta’ rivelazzjonijiet li ngħataw lil Joseph Smith isostnu kemm verament huwa kien profeta ta’ Alla.

L-Ewwel Viżjoni

Daqsxejn ta’ tfajjel qed jaqra l-Bibbja, u għajnejh jinxteħtu fuq passaġġ partikolari tal-iskrittura. Dan hu mument li se jwassal għal bidla fid-dinja.

Huwa jinsab anzjuż biex isir jaf liema knisja tista’ twasslu biex jikseb il-verità u s-salvazzjoni. Huwa diġà pprova kważi kull knisja li kien hemm fl-inħawi, u issa kien qed idur lejn il-Bibbja u jaqra dan il-Kliem: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’ id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu”1

Huwa jirrifletti fuq dan il-kliem għal ħin mhux ħażin. L-ewwel xaqq ta’ dawl beda jippenetra d-dalma. Din hi t-tweġiba, it-triq li setgħet toħorġu mill-konfużjoni u d-dalma? Possibbli daqshekk sempliċi? Titlob lil Alla u Huwa jwieġbek? Fl-aħħar jiddeċiedi li jew jistaqsi lil Alla jew jibqa’ għal dejjem fid-dalma u l-konfużjoni.

U madankollu, għalkemm jinsab anzjuż għall-aħħar, ma jitlaqx jiġri lejn xi rokna kwieta u b’ għaġġla jgħid talba. Huwa għadnu biss 14-il sena, iżda għalkemm jixtieq li jkun jaf b’ ħerqa mill-aktar kbira, għaġġla fuqu m’ għandux. Din mhux se tkun sempliċi talba bħall-oħrajn. Huwa jiddeċiedi fejn se jmur u meta se jagħmel dan. Huwa qed iħejji lilu nnifsu biex jitkellem ma’ Alla.

U dak il-jum jasal. Hija “għodwa mill-isbaħ, b’ sema ċar, kmien fir-rebbieħa tal-[1820].”2 Huwa jimxi waħdu fil-ħemda tal-bosk viċin id-dar tiegħu, taħt is-siġar twal fuq rasu. Huwa wasal fil-post fejn kellu f’ moħħu li jmur. Jinżel għarkobbtejh u joffri x-xewqat ta’ qalbu.

Biex jiddeskrivi x’ ġara wara, huwa jgħid:

“Rajt kolonna ta’ dawl wieqfa eżatt fuq rasi, tiddi aktar mill-qawwa tax-xemx, u bdiet nieżla ‘l isfel sakemm niżlet fuqi.

“… Meta d-dawl waqaf fuqi jiena rajt żewġ Personaġġi weqfin fuqi fl-arja, li d-dija u l-glorja tagħhom diffiċli tiddeskriviha. “Wieħed minnhom kellimni, sejjaħli b’ ismi u, filwaqt li wera b’ sebgħu lill-ieħor, qal—[Joseph,] Dan hu Ibni l-Għażiż.” Isimgħu!3

Wara biss 24 sena, Joseph Smith u ħuh Hyrum mietu minħabba dak li kellu l-bidu tiegħu hemmhekk.

Oppożizzjoni

Joseph qal li meta kellu 17-il sena, anġlu qallu li ismu “se jissemma’ kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin fost il-ġnus kollha, … fost il-popli kollha.”4 Din il-profezija meraviljuża qed tkompli titwettaq illum hekk kif il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem tinsab tinfirex madwar id-dinja.

L-oppożizzjoni, il-kritika u l-antagoniżmu jakkumpanjaw il-verità. Kull meta tiġi żvelata l-verità fir-rigward tal-għan u d-destin tal-bniedem, dejjem ikun hemm forza biex topponiha. Minn żmien Adam u Eva fil-Ġnien tal-Eden, għall-ministeru ta’ Kristu, u sa żmienna, dejjem kien hemm u dejjem sa jkun hemm sforz qawwi li jipprova jqarraq, jiżgwida, jopponi u jtellef il-pjan tal-ħajja.

Dan li rċieva persekuzzjoni inġusta aktar minn kull bniedem ieħor huwa Dak li opponewh bla qies, tant li ġie sfidat, imwarrab, imsawwat, abbandunat u msallab, Dak li ħalla lilu nnifsu jiġu umiljat għal kollox, li fih insibu l-verità kollha, l-Iben ta’ Alla, is-Salvatur tal-umanità. Għalfejn ma ħallewhx bi kwietu?

Għalfejn? Għaliex Huwa l-verità, u l-verità dejjem tiġi opposta.

Imbagħad ħarsu lejn dak li żvela testimonjanza oħra ta’ Ġesù Kristu u skrittura oħra, ħarsu lejn dak li kien strument li permezz tiegħu ġew irrestawrati fid-dinja l-evanġelju fil-milja tiegħu u l-Knisja ta’ Ġesù Kristu, ħarsu lejh u ssibu kemm ġie ttrattat ħażin. Għalfejn ma ħallewhx bi kwietu?

Għalfejn? Għaliex huwa għallem il-verità, u l-verità dejjem tiġi opposta.

Id-Dilluvju ta’ Rivelazzjoni

L-għadd kbir ta’ rivelazzjonijiet li ngħataw lil Joseph Smith isostnu kemm verament huwa kien profeta ta’ Alla. Ejjew nagħtu ħarsa lejn xi wħud minnhom—nagħtu ħarsa lejn xi dawl u verità li ġew żvelati permezz tiegħu li jinsabu jiddu b’ kuntrast mat-twemmin komuni ta’ żmienu u żmienna:

  • Alla huwa esseru personali u eżaltat, Missier Etern. Huwa Missierna.

  • Alla l-Missier, Ġesù Kristu u l-Ispirtu s-Santu huma esseri separati.5

  • Inti aktar milli sempliċiment uman. Inti iben Alla l-Missier Etern u tista’ ssir bħalu6 jekk ikollok fidi f’ Ibnu, tindem, tirċievi l-ordinanzi neċessarji, tirċievi l-Ispirtu s-Santu u tibqa’ sod sat-tmiem.7

  • Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu llum hija fundamentalment l-istess Knisja li Huwa organizza matul il-ministeru mortali Tiegħu, bi profeti u appostli, bis-Saċerdozju Melkisedeku u Levitiku, bi presbiteri, qassisin il-kbar, djakni, għalliema, isqfijiet u s-sebgħin, kollha deskritti fil-Bibbja.

  • L-awtorità tas-saċerdozju ġiet meħuda mid-dinja wara l-mewt tas-Salvatur u l-Appostli Tiegħu u reġgħet ġiet irrestawrata għal darb’oħra fi żmienna.

  • Ir-rivelazzjoni ma waqfitx, u s-smewwiet ma nsewniex. Illum Alla jitkellem mal-profeti, u Huwa jkellem lilek u lili wkoll.8

  • Il-ħajja ta’ wara din hija ferm aktar milli sempliċiment ġenna u infern. Hemm livelli differenti ta’ glorja, u tagħmel differenza kbira x’ nagħmlu f’ din il-ħajja.9

  • Aktar milli sempliċiment ikollna twemmin passiv fi Kristu, aħna għandna “inħarsu lejh f’ kull ħsieb f’ moħħna,”10 “nagħmlu dak kollu li nagħmlu fl-isem tal-Iben,”11 u “dejjem niftakru fih u nżommu l-kmandamenti tiegħu … sabiex dejjem ikollna l-Ispirtu Tiegħu magħna.”12

  • Il-biljuni li għexu u mietu mingħajr l-evanġelju u l-ordinanzi neċessarji għas-salvazzjoni mhumiex erwieħ mitlufin. “Permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, l-umanità kollha tista’ ssalva, b’ ubbidjenza lejn il-liġijiet u l-ordinanzi tal-Evanġelju,”13 amministrati kemm għall-ħajjin kif ukoll għall-mejtin.14

  • Ma bediex kollox mat-twelid. Intom għextu qabel fil-preżenza ta’ Alla bħala wliedu u ġejtu mħejjijin għal din il-ħajja mortali.15

  • Iż-żwieġ u l-familja mhumiex sempliċiment tradizzjonijiet tal-bniedem sakemm il-mewt tifridna. Huma intenzjonati li jkunu eterni permezz tal-patti li nagħmlu ma’ Alla. Il-familja hija l-mudell li hemm fis-smewwiet.16

U din hija biss parti mid-dilluvju ta’ rivelazzjoni li rċieva Joseph Smith. Minn fejn ġew dawn ir-rivelazzjonijet kollha li wasslu d-dawl fejn kien hemm id-dlam, iċ-ċertezza fejn kien hemm id-dubju, u li spiraw, bierku, u tejbu l-ħajja ta’ miljuni ta’ nies? X’ kien l-aħjar, li joħlom dan kollu waħdu jew li jitlob l-għajuna tas-smewwiet? U l-iskrittura li huwa pproduċa, tinstema’ qisha kliem ġej mill-bniedem jew minn Alla?

Konklużjoni

Jekk jeżisti xi diżgwit dwar Joseph Smith, żgur mhuwiex dwar dak li wettaq, iżda dwar kif huwa għamel dak li għamel u għalfejn. U m’hemmx ħafna x’ tara. Jew kien pretendent jew inkella profeta. Jew dak li għamel għamlu waħdu jew inkella bl-għajnuna tas-smewwiet. Ħarsu lejn l-evidenza, iżda ħarsu lejn l-evidenza kollha, il-mużajk sħiħ ta’ ħajtu, mhux lejn parti waħda biss. Iżda l-aktar importanti, agħmlu kif għamel it-tfajjel Joseph u “itolbu … lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’ id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulkom.”17 Dan mhuwiex biss kif intom tistgħu titgħallmu l-verità dwar il-Ktieb ta’ Mormon u Joseph Smith, iżda huwa mudell kif intom tistgħu tkunu tafu l-verità ta’ kull ħaġa.18

Joseph Smith kien profeta ta’ Alla kif inhu Thomas S. Monson illum. Permezz ta’ Joseph Smith, “l-imfietaħ tas-saltna ta’ Alla reġgħu ingħataw għal darb’oħra lill-bniedem fid-dinja, u … l-evanġelju se jinfirex … bħall-blata li tinqata’ mill-muntanja mingħajr l-użu tal-idejn … , sakemm jimla d-dinja kollha.” 19

Alla huwa l-Missier Etern tagħna, u Ġesù huwa l-Kristu. Aħna nadurawhom. Xejn ma nistgħu nqabbluh mal-ħolqien Tagħhom, il-pjan tas-salvazzjoni u s-sagrifiċċju tat-tpattija tal-Ħaruf ta’ Alla. F’ din id-dispensazzjoni, aħna nwettqu l-pjan tal-Missier u nistgħu nieklu mill-frott tal-Att tal-Fidwa biss jekk aħna nobdu l-liġijiet u l-ordinanzi tal-evanġelju, irrestawrati permezz tal-Profeta Joseph Smith. Jiena naqsam it-testimonjanza li għandi tagħhom—Alla l-Missier Etern u Ġesù Kristu, is-Salvatur tad-dinja. U nagħmel dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja