2010-2019
Sakemm Nerġgħu Niltaqgħu
April 2014


Sakemm Nerġgħu Niltaqgħu

Jalla l-Ispirtu li ħassejna tul il-jumejn li għaddew jibqa’ jgħammar magħna hekk kif nerġgħu lura għal ħajja tagħna ta’ kuljum.

Ħuti, verament kellna konferenza mill-isbaħ. Ġejna lkoll edifikati spiritwalment hekk kif smajna l-kliem ispirat tal-irġiel u n-nisa li indirizzawna. Il-mużika kienet verament eċċellenti, il-messaġġi tħejjew u ngħataw skont is-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu, u t-talb ressaqna aktar viċin is-sema. Ġejna edifikati b’ kull mod hekk kif ipparteċipajna lkoll flimkien.

Nittama li niddedikaw ħin biex naqraw il-messaġġi tal-konferenza meta dawn ikunu disponibbli fuq LDS.org fi ftit jiem oħra u meta jiġu stampati fil-ħarġa li jmiss tar-rivista Ensign u Liahona, għaliex bix-xieraq li naqrawhom u nistudjawhom bl-akbar reqqa.

Naf li se tingħaqdu miegħi hekk kif nesprimi l-gratitudni sinċiera tagħna lejn dawk ħutna li ġew eżonerati tul din il-konferenza. Huma offrew is-servizz tagħhom bl-aħjar mod u taw kontribut sinifikanti fil-ħidma tal-Mulej. Iddedikaw ruħhom kompletament għal din il-ħidma.

Aħna sostnejna wkoll, permezz ta’ jdejna mgħollija ‘l fuq, lil dawk ħutna li ġew imsejħa għal pożizzjonijiet responsabbli oħra. Aħna nilqgħuhom u nixtiquhom ikunu jafu li qed inħarsu ‘l quddiem biex inservu flimkien magħhom fil-kawża tal-Imgħallem.

Hekk kif nixtarru l-messaġġi li aħna smajna, jalla aħna niddeċiedu li l-għemejjel tagħna jkunu daqsxejn aħjar milli kienu fil-passat. Jalla nkunu twajbin u kollna mħabba ma’ dawk li m’ għandhomx l-istess twemmin u standards tagħna. Is-Salvatur ġab f’ din id-dinja messaġġ ta’ mħabba u rieda tajba lill-bnedmin kollha. Jalla aħna nimxu dejjem fuq l-eżempju Tiegħu.

Fid-dinja tal-lum aħna nħabbtu wiċċna ma’ diversi sfidi serji, iżda niżgurakom li Missierna tas-Smewwiet jimpurtah minna. Huwa jiggwidana u jberikna hekk kif aħna nafdaw fih u jgħinna f’ kwalunkwe diffikultà li niltaqgħu magħha.

Jalla l-barkiet tas-sema jkunu magħna lkoll. Jalla djarna jkunu mimlijin imħabba u korteżija u bl-Ispirtu tal-Mulej. Jalla aħna kontinwament nieħdu ħsieb it-testimonjanza tagħna tal-evanġelju u li tkun għalina protezzjoni kontra kull daqqa ta’ ħarta li jipprova jagħtina l-avversarju. Jalla l-Ispirtu li ħassejna tul il-jumejn li għaddew jibqa’ jgħammar magħna hekk kif nerġgħu lura għall-ħajja tagħna ta’ kuljum, u jalla kuljum niddedikaw ħina biex inwettqu l-ħidma tal-Mulej.

Jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi li din il-ħidma hija vera, li s-Salvatur tagħna jgħix, u li Huwa jiggwida u jmexxi l-Knisja Tiegħu hawn fid-dinja. Inħallikom bix-xhieda u t-testimonjanza tiegħi li Alla l-Missier Etern tagħna jgħix u jħobbna. Huwa verament Missierna, u Huwa personali u reali. Jalla nirrealizzaw kemm fil-fatt Huwa lest li jkun viċin tagħna, kemm lest jagħmel minn kollox biex jgħinna u kemm iħobbna.

Ħuti, jalla jkollkom fuqkom il-barka ta’ Alla. Jalla l-paċi mwiegħda Tiegħu tkun magħkom issa u dejjem.

Insellmilkom ilkoll sakemm nerġgħu niltaqgħu sitt xhur oħra, u jiena nagħmel dan f’ isem Ġesù Kristu, il-Mulej u s-Salvatur tagħna, amen.

Ipprintja