2010-2019
X’ Għandek f’ Moħħok?
April 2014


X’ Għandek f’ Moħħok?

Nitlobkom sabiex tibdew tistaqsu din il-mistoqsija, fir-rigward tal-persuna l-oħra? X’ Għandek f’ Moħħok?

Wieħed u erbgħin sena ilu jiena kont qed insuq trejler trakk u miegħi kelli lis-sabiħa marti u t-tfel ċkejken tagħna, Scotty. Konna qed naqsmu diversi stati nġorru tagħbija kbira ta’ materjal tal-bini.

F’ dawk iż-żminijiet ma kienx obbligu li tilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà jew li jkollok siġġu tat-tfal fil-vettura tiegħek. Marti żammet lit-tifel prezzjuż tagħna f’ dirgħajha. Il-kumment tagħha “Verament ninsabu ‘l fuq mill-art” missu kien biżżejjed biex jagħtini x’ nifhem kemm kienet tinsab nervuża.

Hekk kif konna neżlin in-niżla mill-aktar wieqfa ta’ Donner Pass, post storiku fit-triq priċipali, il-kabina tat-trakk f’ daqqa waħda u mingħajr ma kien mistenni imtliet b’ foga kbira ta’ duħħan. Kien diffiċli naraw x’ hemm quddiemna, u bilkemm stajna nieħdu nifs.

Mhux faċli li twaqqaf trakk daqshekk kbir billi sempliċiment tagħfas il-brejk. B’ mod panikuż jiena waqqajt il-ger u għollejt il-brejk tal-magna sabiex nipprova nieqaf.

Hekk kif kont qed nitfa’ mal-ġenb tat-triq, iżda mhux wieqaf kompletament, marti fetħet il-bieba tal-kabina u qabżet minnha bit-tarbija tagħna f’ dirgħajha. Rajthom jitgerbu fil-ħamrija bla ma stajt nagħmel xejn.

Malli rnexxieli nwaqqaf it-trakk, ħriġt sparat minn ġewwa l-kabina kollha duħħan. B’ demmi jbaqbaq, jiena ġrejt lejn il-blat u l-ħaxix ħażin u għannaqthom miegħi. Dirgħajn u minkbejn Jan kienu mimlijin daqqiet u demm, iżda nirringrazzja ‘l Alla kemm hi kif ukoll it-tifel tagħna kienu qed jieħdu n-nifs normali. Ħaddanthom miegħi hekk kif it-trab kien infirex kollu mal-ġenb tat-triq.

Malli qalbi reġgħet bdiet tħabbat normali u stajt nieħu nifs normali, jiena staqsejtha f’ ċerta urġenza, “Xix-xjafek kellek f’ moħħok? Taf kemm kien perikoluż dak li għamilt? Stajtu bqajtu mejtin!”

Hija ħarset lejja, bid-dmugħ nieżel ma’ ħaddejha, u qaltli xi ħaġa li nifditli qalbi u għadha sal-lum tidwi f’ widnejja: “Kont qed nipprova nsalva lit-tifel tagħna.”

F’ dak il-mument irrealizzajt li hi kienet ħasbet li l-magna kienet ħadet in-nar, u beżgħet li t-trakk seta’ jisplodi u konna se mmutu. Madankollu jiena kont naf li din kienet ħsara fis-sistema elettrika—perikoluża iżda mhux xi ħaġa fatali. Jiena ħarist lejn il-mara prezzjuża tiegħi, togħrok bilmod ras it-tifel ċkejken tagħna u dak il-ħin ħsibt, x’ mara trid tkun biex tagħmel xi ħaġa daqshekk kuraġġjuża.

Is-sitwazzjoni setgħet kienet ta’ ħsara emozzjonali daqs il-ħsara fil-veru sens tal-kelma tal-magna tagħna. Nirringrazzjaw ‘l Alla, wara li konna għamilna xi ftit ħin mingħajr ma nlissnu ebda kelma, għax it-tnejn li aħna ħsibna li l-persuna l-oħra kellha tort, finalment esprimejna dak li konna qed inħossu li kien il-kawża tar-rabja tagħna. Is-sentimenti komuni ta’ mħabba u ta’ biża’ li jiġri xi ħaġa lil xi ħadd minna kienu biżżejjed biex iżommu milli inċident bħal dan iwassal biex jirrovina ż-żwieġ għażiż tagħna.

Pawlu wissa, “Ebda kelma mhux xierqa m’ għandha toħroġ minn fommkom, imma kliem sewwa li jedifika skont il-ħtieġa, kliem li jagħmel il-ġid lil min jisimgħu” (Efesin 4:29). Kliemu jidwi b’ ċerta purità.

Xi tfisser għalikom il-frażi “ebda kelma mhux xierqa”? Illkoll kemm aħna nesperjenzaw regolarment ċerti sentimenti ta’ rabja—kemm mingħandna jew minn ħaddieħor’. Rajna ċerta rabja mhux kontrollata tiżbroffa fil-pubbliku. Esperjenzajnieha bħallikieku kienet xi xort elettriku emozzjonali waqt xi avveniment sportiv, fl-arena politika u saħansitra fi djarna.

Xi kultant it-tfal ikellmu lill-ġenituri għeżież tagħhom b’ ilsien jaqta’ daqs ponta tax-xafra. Koppji miżżewġin, li flimkien qasmu wħud mill-aktar esperjenzi sbieħ tal-ħajja, jitilfu l-viżjoni u l-paċenzja ma’ xulxin u jibdew jgħollu leħinhom. Kull wieħed u waħda minna, għalkemm aħna wlied tal-patt ta’ Missier tas-Smewwiet li tant iħobbna, jiddispjaċina meta ngħidu xi ħaġa waqt li nkunu rrabjati u nużaw kliem iebes qabel ma biss inkunu fehmna s-sitwazzjoni mill-perspettiva tal-persuna l-oħra. Ilkoll kemm aħna kellna l-opportunità li nitgħallmu kemm ċertu kliem distruttiv jista’ jdawwar sitwazzjoni ħażina għal waħda fatali.

Ittra riċenti mill-Ewwel Presidenza tiddikjara b’ mod ċar, “L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jgħallimna sabiex inħobbu u nittrattaw lil kulħadd b’ mod ġentili u ċivili—anke meta ma naqblux” (Ittra tal-Ewwel Presidenza, 10 ta’ Jan, 2–14). Tfakkarna b’ mod mill-aqwa li aħna nistgħu u għandna nieħdu sehem kontinwament fi djalogu ċivili, speċjalment meta nkunu qed inħarsu lejn id-dinja minn perspettiva totalment differenti.

Fil-Proverbji, Salamun għallem, “Tweġiba ħelwa ttaffi l-korla: kelma iebsa tqajjem l-għadab” (Proverbji 15:1). “Tweġiba ħelwa” tikkonsisti fi tweġiba rraġunata—kliem iddixxiplinat minn qalb umli. Ma jfissirx li qatt ma nitkellmu kif naħsbuha jew li niċħdu l-verità duttrinali. Ċertu kliem li jista’ jingħad b’ mod ċar jista’ jkun ħelu fl-ispirtu.

Fil-Ktieb ta’ Mormon insibu eżempju mill-aqwa ta’ ċertu lingwaġġ affermattiv li ntqal ukoll fil-kuntest ta’ nuqqas ta’ qbil bejn koppja miżżewġa. Ulied Sarija u Leħi kienu nbagħtu lura Ġerusalemm biex iġibu magħhom il-pjanċi tar-ramm u baqgħu ma ġewx lura. Sarija bdiet temmen li wliedha kienu jinsabu fil-periklu u hija mtliet bir-rabja u riedet titfa’ t-tort fuq xi ħadd.

Isimgħu l-istorja kif raha binha Nefi: “Għaliex ommi ħasbet li aħna konna ntlifna fid-deżert; u hija gergret ukoll kontra missieri, fejn qaltlu li huwa kien bniedem viżjonarju; qalet: Ara inti ħriġtna ‘l barra mill-art li aħna writna, u wliedi m’ għadhomx aktar magħna, u aħna sa ninqerdu ġod-deżert” (1 Nephi 5:2).

Issa, ejjew nikkunsidraw ftit dak li bdiet taħseb Sarija. Hija kienet inkwetata ferm li wliedha, li ma kinux jieqfu jiġġieldu bejniethom, kienu reġgħu lura fil-post li fih ir-raġel tagħha kien fil-periklu li jinqatel. Hija ħalliet warajha d-dar sabiħa tagħha u l-ħbieb tagħha biex marret toqgħod ġo tinda f’ nofs deżert fi żmien li fih kienet għadha qed trabbi t-tfal. F’ mument ta’ stress enormi minħabba l-biżgħat li kellha fiha, Sarija bħallikieku qabżet, b’ mod mill-aktar erojku, għalkemm mhux daqshekk razzjonali, mill-għoli ta’ trakk inkontrollabbli sabiex tipprova tipproteġi lill-familja tagħha. Hija esprimiet mar-raġel tagħha t-tħassib leġittimu tagħha b’ lingwaġġ ta’ rabja, dubju u ħtija—lingwaġġ li r-razza umana kollha tidher li hija verament kapaċi tużah.

Il-profeta Leħi sema’ l-biża’ li kien jikkaratterizza r-rabja ta’ martu. Imbagħad huwa wieġeb b’ mod iddixxiplinat iżda b’ lingwaġġ kollu kompassjoni. L-ewwel, huwa għaraf il-verità kif setgħet dehret mill-perspettiva tagħha: “U … missieri kellimha, u qal: Jiena naf li jiena bniedem viżjonarju; … iżda kieku bqajt Ġerusalemm, konna ninqerdu flimkien ma’ ħuti” (1 Nephi 5:4).

Imbagħad ir-raġel tagħha indirizza l-beżgħat tagħha rigward il-benesseri ta’ wliedhom, kif bla dubju xehed miegħu l-Ispirtu s-Santu, u qal:

“Iżda ara, jiena ksibt art imwiegħda, li dan lili jimlini bil-ferħ; iva, u naf li l-Mulej sa jeħles lil uliedi minn idejn Laban. …

“U dan hu l-lingwaġġ li bih tkellem missieri … ifarraġ lil ommi … dwarna” (1 Nephi 5:5–6).

Illum jeżisti bżonn kbir li l-bnedmin jikkultivaw rispett akbar lejn xulxin avolja jafu jkunu tant differenti fi twemminhom u f’ għemilhom u avolja l-motivazzjoni tagħhom tista’ tkun waħda totalment differenti. Impossibbli nkunu nafu b’ kull ħaġa li tista’ tinfluwenza lil moħħna u lil qalbna jew biex verament nifhmu l-kuntest ta’ kull prova u għażla li nħabbtu wiċċna magħha.

Madankollu, x’ jista’ jiġri lil “kelma mhux xierqa” li tkellem dwarha Pawlu jekk il-pożizzjoni tagħna tkun waħda ta’ empatija lejn l-esperjenza tal-persuna l-oħra? Filwaqt li naċċetta kompletament il-limiti tal-imperfezzjoni u n-nuqqasijiet tiegħi, nitlobkom sabiex tippruvaw tibdew tistaqsu l-mistoqsija lill-persuna l-oħra: “X’ għandek f’ moħħok?”

Tiftakru kemm il-Mulej issorprenda lil Samwel u lil Sawl meta Huwa għażel daqsxejn ta’ tfajjel, ir-ragħaj David ta’ Betlehem, bħala sultan ta’ Israel? Il-Mulej qal lill-profeta Tiegħu, “Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma jara fil-qalb” (1 Samwel 16:7).

Meta l-kabina tat-trakk tagħna mtliet bid-duħħan, marti aġixxiet bl-aktar mod kuraġġjuż li tista’ timmaġina biex tipproteġi lit-tifel tagħna. Jiena wkoll aġixxejt bħala protettur meta staqsejtha x’ kienet għamlet. Fil-verità, mhux importanti minn kellu raġun. L-importanti kien li smajna lil xulxin u fhimna l-perspettiva ta’ xulxin.

Ir-rieda li nħarsu mil-lenti tal-persuna l-oħra tittrasforma “kelma mhux xierqa” għal “kliem li jagħmel il-ġid.” L-Appostlu Pawlu fehem dan kollu, u b’ xi mod aħna lkoll nistgħu nesperjenzaw dan. Dan jista’ jibdel jew isolvi l-problema, iżda l-aktar possibilità importanti hi jekk inħallux il-bidla sseħħ permezz ta’ kelma li tagħmel il-ġid.

Jiena nagħti x-xhieda tiegħi li aħna nistgħu “nagħmlu l-ġid” permezz ta’ lingwaġġ kompassjonali meta nħallu d-don tal-Ispirtu s-Santu jinfiltra qalbna b’ empatija għas-sentimenti u l-għemejjel tal-oħrajn. Jagħtina ċ-ċans li nibdlu sitwazzjonijiet perikolużi f’ mumenti mqaddsa. Jiena nixhed dwar Salvatur li jħobbna li “jara qalbna” (1 Samuel 16:7) u li jimpurtah minn dak li aħna naħsbu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.