2010-2019
Il-Ġenerazzjoni l-Magħżula
April 2014


Il-Ġenerazzjoni l-Magħżula

Intom ġejtu magħżulin sabiex tipparteċipaw fil-ħidma Tiegħu f’ dan iż-żmien partikolari għax Huwa jafda biżżejjed fikom li sejrin tagħżlu t-tajjeb.

O Ġuvintur, probabbilment diġà smajtu qabel min jiddeskrivikom bħala “il-ġenerazzjoni l-magħżula,” li tfisser li Alla għażilkom u ħejjiekom sabiex tiġu fid-dinja f’ dawn iż-żminijiet għal għan kbir. Jiena naf li dan hu minnu. Iżda llejla nixtieq nindirizzakom bħala “il-ġenerazzjoni l-magħżula” peress li ma kien hawn l-ebda żmien ieħor fl-istorja fejn l-individwi ġew imberkin b’ daqshekk għażliet. Aktar għażliet ifissru aktar opportunitajiet; aktar opportunitajiet ifissru potenzjal akbar biex twettaq it-tajjeb u, sfortunatament, il-ħażin. Jiena nemmen li Alla bagħatkom hawn f’ dawn iż-żminijiet ghax Huwa jafdakom li intom taslu biex tiddistingwu fost l-għażliet straordinarji disponibbli.

Fl-1974, il-President Spencer W. Kimball qal, “Jiena nemmen li l-Mulej hu ħerqan li jagħmel disponibbli għalina ċerti invenzjonijiet li aħna li m’aħniex esperti fit-teknoloġija lanqas biss nimmaġinawhom” (“When the World Will Be Converted,” Ensign, Ott. 1974, 10).

U hekk għamel! Intom qed tgħixu b’ waħda mill-aktar għodda ta’ benefiċċju fl-istorja tal-bniedem: l-internet. Dan iġib miegħu għażliet disponibbli mill-aktar elaborati. Madankollu, din l-abbundanza kollha fejn tidħol għażla ġġib magħha daqstant ieħor responsabbiltà. Huwa jiffaċilitalkom l-aċċess kemm għall-aqwa kif ukoll għall-agħar li toffri d-dinja. Permezz tiegħu intom tistgħu twettqu ħwejjeġ kbar fi żmien verament qasir, jew tistgħu tinqabdu b’ ammont kbir ta’ affarijiet mhux importanti li jaħlulkom il-ħin u jnaqqsulkom il-potenzjal tagħkom. B’ għafsa ta’ buttuna, intom tistgħu taċċessaw dak kollu li tixtieq qalbkom. Dan hu l-prinċipju—x’ inhu dak li tixtieq qalbkom? X’ jattirakom? Fejn iwasslukom ix-xewqat tagħkom?

Ftakru li Alla “jagħti lill-bniedem skont ix-xewqat tiegħu” (Alma 29:4) u li Hu “jiġġudika lill-bnedmin kollha skont għemilhom, skont ix-xewqat ta’ qalbhom” (D&C 137:9; ara wkoll Alma 41:3).

Il-Presbiteru Bruce R. McConkie qal: “F’ sens reali iżda figurattiv, il-ktieb tal-ħajja huwa r-reġistru tal-għemejjel tal-bnedmin li jiġi miktub fl-istess ġisimhom. … Dan ifisser li kull ħsieb, kull kelma u kull għemil iħalli [effett] fuq il-ġisem uman; u dawk kollha sa jħallu l-marki tagħhom, marki li jkunu jistgħu jinqraw minn Dak li hu Etern b’ mod faċli daqs kemm jista’ jinqara l-kliem fi ktieb (Mormon Doctrine, 2nd ed. [1966], 97).

L-internet jirrekordja wkoll ix-xewqat tagħna, li nesprimuhom kull darba li nfittxu fuq l-internet u nagħfsu l-maws. Quddiemkom sa ssibu riżorsi kbar biex jgħinukom tissodisfaw ix-xewqat tagħkom. Hekk kif tfittxu fuq l-internet, intom tkunu qed tirrekordjaw il-passi tagħkom—x’ tikkomunikaw, x’ rajtu, kemm domtu hemm u dak kollu li jinteressakom. B’ dan il-mod l-internet joħloq bħal cyber profile għalikom—f’ ċertu sens, “ktieb cyber ta’ ħajjitkom.” L-istess bħall-ħajja, l-internet jagħtikom aktar u aktar minn dak li qed tfittxu. Jekk ix-xewqat tagħkom huma safja, l-internet jista’ jkattarhomkom, jagħmilha aktar faċli li intom tiddedikaw ħin fi ħwejjeġ xierqa. Iżda nistgħu ngħidu l-istess għall-oppost.

Il-Presbiteru Neal A. Maxwell iddeskriviha b’ dan il-mod:

“Dak li aħna verament nixtiequ, tul iż-żmien, huwa dak li eventwalment insiru u dak li nirċievu fl-eternità. …

“… Jekk ix-xewqat tagħna aħna nedukawhom u nħarrġuhom dawn jistgħu jsiru l-alleati tagħna minflok l-għedewwa tagħna!” (“According to the Desire of [Our] Hearts,” Ensign, Nov. 1996, 21, 22).

Għeżież ħuti żgħażagħ, jekk intom ma tagħmlux dak li tistgħu biex tedukaw ix-xewqat tagħkom, id-dinja tispiċċa tagħmel dan għalikom. Kuljum id-dinja tfittex li tinfluwenza x-xewqat tagħkom, tħeġġiġkom sabiex tixtru xi ħaġa, tagħfsu fuq xi ħaġa, tilagħbu b’ xi ħaġa, taqraw jew taraw xi ħaġa. Finalment, l-għażla hi tagħkom. Intom għandkom l-għażla ħielsa tagħkom. Hija l-qawwa li mhux biss li taġixxu skont ix-xewqat tagħkom iżda wkoll li tirfinaw, tippurifikaw u televaw ix-xewqat tagħkom. L-għażla ħielsa hija l-qawwa tagħkom li ssiru dak li tridu. Kull għażla tressaqkom viċin jew tbiegħdkom minn dak li intom iddestinati li ssiru; kull għafsa fuq il-maws għandha tifsira. Dejjem staqsu lilkom infuskom, “Fejn se twassalni din l-għażla?” Żviluppaw l-abbiltà li tagħrfu l-konsegwenza tal-azzjoni tagħkom.

Satana jrid jikkontrolla l-għażla ħielsa tagħkom ħalli jkun jista’ jikkontrolla dak li intom ddestinati għalih. Huwa jaf li wieħed mill-aqwa modi kif jista’ jagħmel dan hu billi jdaħħalkom fin-nasba tiegħu permezz ta’ mġieba vizzjuża. L-għażliet tagħkom jiddeterminaw jekk it-teknoloġija qegħdiex hemm biex lilkom tqawwikom jew inkella biex tagħmilkom skjavi tagħha.

Sa noffrilkom erba’ prinċipji biex jgħinu lilkom, il-ġenerazzjoni l-magħżula, tedukaw ix-xewqat tagħkom u biex jiggwidawkom fl-użu tat-teknoloġija.

L-Ewwel: Hu Aktar Faċli Tieħdu Deċiżjoni Jekk Tafu Verament Min Intom

Jiena għandi ħabib li tgħallem din il-verità b’ mod mill-aktar personali. Ibnu kien trabba fl-evanġelju, iżda deher li spiritwalment kien tilef it-triq. Aktar ma jmur aktar beda jirrifjuta l-opportunitajiet biex jeżerċità s-saċerdozju. Il-ġenituri tiegħu kienu ddiżappuntati meta huwa ddikjara li ddeċieda li ma jservix missjoni. Sieħbi talab bla waqfien għal ibnu, jittama li jkollu bidla fis-sentimenti ta’ qalbu. Dawn it-tamiet evaporaw meta ibnu ddikjara li kien għarus lest biex jiżżewweġ. Il-missier talab bil-ħerqa lil ibnu sabiex imur jieħu l-barka patrijarkali tiegħu. Finalment l-iben qabel li jagħmel dan iżda insista li jmur jara l-patrijarka waħdu.

Meta ġie lura wara l-barka, huwa beda jemozjona ruħu ħafna. Huwa ħareġ barra biex ikellem l-għarusa tiegħu, fejn seta’ jkellimha b’ mod privat. Il-missier ittawwal minn ġot-tieqa u ra l-koppja żagħżugħa timsaħ id-dmugħ ta’ xulxin.

Aktar tard l-iben qasam ma’ missieru dak li kien ġara. B’ mod mill-aktar kommoss, huwa spjega li waqt il-barka, għal mument huwa seta’ jara dak li huwa kien fid-dinja primortali. Huwa ra kemm kien qalbieni u influwenti biex jipperswadi lil oħrajn sabiex jimxu wara Kristu. Wara li huwa ra min kien verament, kif seta’ ma jaqdix missjoni?

O ġuvintur, ftakru min verament intom. Ftakru li intom tħaddnu s-saċerdozju mqaddes. Dan jispirakom sabiex tagħmlu għażliet xierqa meta intom tużaw l-internet kif ukoll tul ħajjitkom kollha.

It-Tieni: Ipplaggjaw Ruħkom fis-Sors ta’ Qawwa

Sewwasew f’ idejkom għandkom l-għerf taż-żminijiet—l-aktar importanti, kliem il-profeti, minn żmien it-Testment il-Qadim sal-President Thomas S. Monson. Iżda jekk ma tiċċarġjawx il-batterija tal-mowbajl tagħkom regolarment, ma tkunux tistgħu tużawh aktar u tħossukom mitlufin u weħdikom. Lanqas timmaġinaw tagħmlu jum wieħed biss mingħajr ma tiċċarġjaw il-batterija tagħkom.

Daqs kemm hu importanti li toħorġu kuljum mid-dar bil-mowbajl tagħkom iċċarġġjat għal kollox, huwa ferm aktar importanti li tkunu kompletament iċċarġġjati spiritwalment. Kull darba li tipplaggjaw il-mowbajl tagħkom, ftakru sabiex tistaqsu lilkom infuskom jekk ipplaggjajtux ruħkom mal-aktar sors importanti ta’ qawwa spiritwali—it-talb u l-istudju tal-iskrittura, li jiċċarġjawkom bl-ispirazzjoni permezz tal-Ispirtu s-Santu (ara D&C 11:12–14). Dan jgħinkom issiru tafu l-moħħ u r-rieda tal-Mulej biex tkunu tistgħu tagħmlu l-għażliet żgħar iżda importanti ta’ kuljum li jiddeterminaw x’ direzzjoni intom tieħdu. Ħafna minna nieqfu immedjatament minn dak li nkunu qed nagħmlu biex naqraw messaġġ fuq il-mowbajl—m’għandniex nagħtu importanza akbar għall-messaġġi li nirċievu mingħand il-Mulej? Lanqas biss għandha tgħaddilna minn rasna li nittraskuraw li nikkonnettjaw ma’ din il-qawwa (ara 2 Nephi 32:3).

It-Tielet: Tkun Smart Mhux Għax Għandek Smartfon, iżda Għax Taf Tużah Tajjeb

Intom il-ġuvintur, tagħmlux ħwejjeġ ta’ bluha bl-ismarfon tagħkom. Ilkoll tafu x’ irrid infisser (ara Mosiah 4:29). Hawn diversi modi kif it-teknoloġija tista’ taljenakom minn dak li hu l-aktar importanti. Imxu wara l-qawl, “Kunu fejn intom meta qegħdin hemm.” Meta tkunu qed issuqu, suqu. Meta tkunu fil-klassi, iffukaw fuq il-lezzjoni. Meta tkunu mal-ħbieb tagħkom, agħtuhom ir-rigal tal-attenzjoni tagħkom. Moħħkom ma jistax jikkonċentra fuq żewġ affarijiet fl-istess ħin. Jekk tagħmlu diversi affarijiet fl-istess ħin tispiċċaw daqqa tiffukaw fuq ħaġa u daqqa fuq oħra. Il-proverbju antik jgħid, “Jekk tiġri wara żewġt ifniek, ma taqbadx wieħed minnhom.”

Ir-Raba’: Il-Mulej Jipprovdi t-Teknoloġija biex Iwettaq l-Għanijiet Tiegħu

L-għan divin tat-teknoloġija hu li jħaffef il-ħidma tas-salvazzjoni. Bħala membri tal-ġenerazzjoni magħżula, intom tifhmu sew it-teknoloġija. Użawha biex tħaffu l-progress tagħkom lejn il-perfezzjoni. Peress li ġejtu mogħtija ħafna, intom ukoll għandkom tagħtu (ara “Because I Have Been Given Much,” Hymns, no. 219). Il-Mulej jistennikom li tużaw din l-għodda meraviljuża sabiex tavvanzaw il-ħidma Tiegħu, biex taqsmu l-evanġelju b’ modi li n-nies tal-ġenerazzjoni tiegħi lanqas biss konna nimmaġinawhom. Fejn in-nies ta’ ġenerazzjonijiet passati influwenzaw il-ġirien tagħhom u l-belt tagħhom, intom għandkom il-qawwa permezz tal-internet u l-midja soċjali li tmorru lil hinn mill-konfini ta’ fejn toqogħdu u tinfluwenzaw lid-dinja.

Jiena nixhed li din hija l-Knisja tal-Mulej. Intom ġejtu magħżulin sabiex tipparteċipaw fil-ħidma Tiegħu f’ dan iż-żmien partikolari għax Huwa jafda biżżejjed fikom li sejrin tagħżlu t-tajjeb. Intom il-ġenerazzjoni l-magħżula. F’ isem Ġesù Kistu, amen.

Ipprintja