2010-2019
Jekk Jonqoskom l-Għerf
April 2014


Jekk Jonqoskom l-Għerf

Alla jiżvela l-verità lil dawk kollha li jfittxuha kif miktuba fl-iskrittura.

Jumejn ilu, ibni ta’ għaxar snin kien qed jistudja dwar il-moħħ uman fuq l-internet. Xi darba jixtieq isir kirurgu. Huwa evidenti għalija li hu aktar bravu minni.

Ilkoll kemm aħna nħobbu l-internet. Id-dar nikkomunikaw mal-familja u l-ħbieb permezz tal-midja soċjali, permezz tal-email u b’ modi oħra. Uliedi jagħmlu ħafna mix-xogħol tagħhom tal-iskola permezz tal-internet.

Hi x’inhi l-mistoqsija, jekk nixtiequ aktar informazzjoni, infittxuha online. Fi ftit sekondi nsibu diversi materjal. Din hi ħaġa verament meraviljuża.

L-internet jipprovdilna ħafna opportunitajiet biex nitgħallmu. Madankollu, Satana jixtieq li aħna nkunu miżeri bħalu, u hu jagħtina stampa differenti ta’ x’ inhu l-veru għan ta’ kull ħaġa. Huwa juża din l-arma qawwija biex jippromwovi d-dubju u l-biża’, u jeqred il-fidi u t-tama.

B’ tant informazzjoni disponibbli fuq l-internet, wieħed irid jikkunsidra bir-reqqa fejn għandu japplika l-isforzi tiegħu. Satana jaf jokkupana, jaljenana u jinfettana billi jgħinna nintilfu fuq ċerta informazzjoni, li ħafna minnha ma tkun xejn ħlief imbarazz.

Wieħed m’ għandu qatt ifittex qalb l-imbarazz.

Isimgħu din il-gwida, li tipprovdilna l-iskrittura: “L-Ispirtu ta’ Kristu jingħata lil kull bniedem, sabiex ikun jista’ jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għalhekk, jiena nurikom kif għandkom tiġġudikaw; għaliex dak kollu li jwassalkom biex tagħmlu t-tajjeb, u li jipperswadikom li temmnu fi Kristu, jasal għandkom bil-qawwa u d-don ta’ Kristu; għalhekk tkunu tafu … li ġej minn Alla.”1

F’ sens reali, aħna nħabbtu wiċċna mal-istess dilemma li ħabbat wiċċu magħha Joseph Smith meta kien għadu żagħżugħ. Ħafna drabi aħna nispiccaw f’ pożizzjoni li ma jkollniex għerf biżżejjed.

Fis-saltna ta’ Alla, it-tfittxija tagħna għall-verità hi apprezzata, inkuraġġuta u bl-ebda mod oppressa jew fgata. Il-Mulej innifsu talab b’ qawwa lill-membri tal-Knisja sabiex ifittxu li jiksbu l-għarfien.2 Huwa qal, “Fittxu b’ mod diliġenti … ; iva, qallbu fost l-aqwa kotba tal-għerf; fittxu t-tagħlim, kemm bl-istudju kif ukoll bil-fidi.”3 Madankollu, kif nistgħu nagħrfu l-verità f’ dinja li kull ma tmur qiegħda dejjem issir aktar sfaċċata fl-attakki tagħha fuq dak kollu li jappartjeni lil Alla?

L-iskrittura tgħallimna kif:

L-ewwel, nistgħu nsiru nafu l-verità billi nosservaw il-frott tagħha.

Waqt id-diskors mill-isbaħ Tiegħu fuq il-Muntanja, il-Mulej qal:

“Hekk kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel; imma s-siġra l-ħażina frott ħażin tagħmel. …

“Għalhekk mill-frott tagħhom tagħrfuhom.”4

Il-profeta Mormon għallem l-istess prinċipju meta qal, “Permezz ta’ għemilhom tagħrafhom; għax jekk għemilhom ikun tajjeb, huma wkoll ikunu tajbin.”5

Nistednukom ilkoll sabiex tistudjaw frott u ħidmiet din il-Knisja.

Dawk li huma interessati fil-verità jkunu kapaċi jagħrfu d-differenza li l-Knisja u l-membri tagħha jagħmlu fil-komunitajiet fejn jinsabu mwaqqfa. Huma jinnutaw ukoll it-titjib li jseħħ f’ ħajjet dawk li jimxu wara t-tagħlim tagħha. Dawk li jeżeminaw dan il-frott jiskopru li l-frott tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem huwa delizzjuż u ta’ min jixtiequ.

It-tieni, aħna nistgħu nsiru nafu l-verità billi aħna stess nesperimentaw bil-kelma.

Il-profeta Alma għallem:

“Aħna nqabblu l-kelma ma’ żerriegħa. … Jekk tagħtu ċans, li dik iż-żerriegħa tinbet f’ qalbkom, araw, jekk tkun żerriegħa vera, [u] … jekk ma titilfuhiex permezz tan-nuqqas ta’ twemmin tagħkom, … araw, hija tibda tikber ġewwa fikom; u … tibdew tgħidu lilkom infuskom—bilfors … li din żerriegħa tajba, … għaliex bdiet tkabbar ruħi; iva, bdiet iddawwal l-għarfien tiegħi, iva, bdejt integħemha delizjuża. …

“… U issa, …dan mhux biżżejjed biex tqawwi l-fidi tiegħek? Iva, dan iqawwi l-fidi tiegħek. …

“… Għaliex kull żerriegħa mnissla minnha tkun tixbahha.”6

Xi stedina eċċellenti minn profeta tal-Mulej! Din tista’ titqabbel ma’ esperiment xjentifiku. Aħna mistednin sabiex nittestjaw lid-dinja, aħna ġejna mogħtijin parametri, u ġejna mgħarrfin x’ riżultat nistgħu niksbu b’ dan it-test jekk aħna nimxu wara l-istruzzjonijiet.

Għalhekk l-iskrittura tgħallimna li nistgħu nkunu nafu l-verità billi nosservaw il-frott tagħha jew billi nesperimentaw personalment biha, meta nagħmlu post għall-kelma f’ qalbna u nikkultivawha bħal żerriegħa.

Madankollu, hemm ukoll it-tielet mod kif nistgħu nkunu nafu l-verità, u dan hu permezz tar-rivelazzjoni personali.

Is-sezzjoni 8 tad-Duttrina u Patti tgħallimna li r-rivelazzjoni hi għarfien— “għarfien ta’ dak kollu li bil-fidi nitolbu għalih, b’ qalb onesta, filwaqt li nemmnu li se nirċievu.”7

U l-Mulej jgħidilna kif nistgħu nirċievu din ir-rivelazzjoni. Huwa jgħidilna, “Jiena nkellimkom f’ moħħkom u f’ qalbkom, permezz tal-Ispirtu s-Santu, li jinżel fuqkom u jgħammar f’ qalbkom.”8

B’ hekk aħna mgħallmin li r-rivelazzjoni tista’ tinkiseb billi nitolbu bil-fidi, b’ qalb onesta u nemmnu li se nirċievu.

Il-Mulej tkellem b’ mod ċar meta widdibna, “Ftakru li mingħajr fidi intom ma tistgħu tagħmlu xejn; għalhekk itlobu bil-fidi.”9 Il-fidi tirrikjedi li aħna naġixxu, billi nistudjaw dan f’ moħħna, imbagħad nistaqsu fit-talb tagħna jekk huwiex sewwa.

Il-Mulej qal:

“Jekk huwa sewwa jiena nikkawża li inti tħoss in-nar jaqbad ġewwa fik; għalhekk, inti tħoss li huwa sewwa.

“Iżda jekk mhux sewwa inti ma tħoss xejn, iżda jkollok bħal sturdament li jwasslek biex tinsa dak li mhux sewwa.”10

Il-fidi mingħajr l-għemil hija mejta.11 Għalhekk, “itlob bil-fidi, bla ma titħasseb.”12

Jiena għandi ħabib, ta’ twemmin ieħor, li qalli li mhuwiex bniedem spiritwali. Huwa ma jasalx li jistudja l-iskrittura jew jitlob għaliex jgħid li ma jifhimx il-kelma ta’ Alla, u lanqas hu żgur li Alla jeżisti. Din l-attitudni tispjega n-nuqqas ta’ spiritwalità tiegħu u twassal għall-oppost tar-rivelazzjoni, kif spjega Alma. Huwa qal, “U għalhekk, dak li jwebbes qalbu jirċievi l-inqas porzjon tal-kelma.”

Iżda, Alma kompla, “dak li ma jwebbisx qalbu, lilu jingħata l-akbar porzjon tal-kelma, sakemm jingħatalu li jkun jaf il-misteri ta’ Alla sakemm finalment isir jafhom kollha.”13

Alma u wlied Mosija huma eżempju tal-prinċipju li l-fidi teħtieġ l-għemil. Fil-Ktieb ta’ Mormon naqraw:

“Huma fittxew l-iskrittura b’ mod diliġenti sabiex isiru jafu l-kelma ta’ Alla.

“Iżda dan mhux kollox; huma għamlu ħafna ħin jitolbu u jsumu; għalhekk huma kellhom l-ispirtu tal-profezija, u l-ispirtu tar-rivelazzjoni.”14

F’ dan il-proċess huwa daqstant importanti li aħna nistaqsu b’ qalb onesta. Jekk b’ sinċerità aħna ninsabu nfittxu l-verità, aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insibuha, u dan jinkludi li naqraw l-iskrittura, immorru l-knisja u nagħmlu l-almu tagħna biex inżommu l-kmandamenti ta’ Alla. Ifisser ukoll li aħna lesti li nagħmlu r-rieda ta’ Alla meta nsibuha.

Il-mod li bih aġixxa Joseph Smith meta kien qed ifittex li jikseb l-għerf huwa eżempju perfett ta’ xi jfisser li jkollok qalb onesta. Huwa qal li ried ikun jaf liema setta kienet vera ħalli “jkun jaf ma’ liema waħda jingħaqad.”15 Minn qabel ma beda jitlob, huwa kien lest li jaġixxi skont it-tweġiba li jirċievi.

Għandna nitolbu bil-fidi u b’ qalb onesta. Iżda dan mhux kollox. Għandna nemmnu wkoll li se nirċievu r-rivelazzjoni. Għandna nafdaw il-Mulej u nittamaw fil-wegħdiet Tiegħu. Ftakru x’hemm miktub: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’ id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu”16 X’ wegħda mill-isbaħ!

Nistedinkom ilkoll biex tfittxu l-verità permezz ta’ wieħed minn dawn il-metodi iżda speċjalment mingħand Alla permezz tar-rivelazzjoni personali. Alla jiżvela l-verità lil dawk kollha li jfittxuha kif hemm miktub fl-iskrittura. Jeħtieġ sforz akbar milli sempliċiment infittxu fuq l-internet, iżda vallapena li nagħmlu dan.

Naqsam it-testimonjanza tiegħi li din hi l-Knisja vera ta’ Ġesù Kristu. Jiena rajt il-frott tagħha f’ diversi komunitajiet u f’ ħajjet eluf kbar ta’ nies, fosthom membri tal-familja; b’ hekk naf li hija vera. Jiena wkoll ippruvajt għal bosta snin il-kelma f’ ħajti u ħassejt l-effett tagħha f’ ruħi; b’ hekk naf li hija vera. Iżda l-aktar importanti, jiena tgħallimt għalija nnifsi kemm hija vera permezz tar-rivelazzjoni bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu; b’ hekk naf li hija vera. Nistedinkom ilkoll tagħmlu l-istess. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja