2010-2019
Irwiefen Spiritwali
April 2014


Irwiefen Spiritwali

Tħallux l-irwiefen ikaxkrukom magħhom. Dan huwa żmienkom—li tibqgħu b’ saħħitkom bħala dixxipli tal-Mulej Ġesù Kristu.

Nilqagħkom dalgħodu—speċjalment lilkom iż-żgħażagħ li tinsabu kemm hawn fiċ-Ċentru tal-Konferenza kif ukoll imferrxin madwar id-dinja. Intom parti minn ġenerazzjoni magħżula b’ destin partikolari, u sa nindirizza speċjalment lilkom.

Bosta snin ilu meta konna qed inżuru l-familja tagħna ġo Florida, uragan laqgħat l-inħawi ftit ‘il bogħod minn fejn konna. Waħda mara li kienet qed tgħix ġewwa karavan marret tfittex refuġju fil-kamra tal-banju tagħha. Il-karavan bdiet tiċċaqlaq min-naħa għall-oħra. Għadda ftit ħin. Imbagħad hi semgħet leħen il-ġara tagħha: “Jiena hawn fl-ewwel kamra.” Hekk kif ħarġet mill-kamra tal-banju, b’ għaġeb kbir, sabet li l-uragan kien għolla u ġarr il-karavan tagħha fl-arja, u niżżilha perfettament fuq is-saqaf tal-karavan tal-ġara tagħha.

Għeżież ħbieb tiegħi żgħażagħ, id-dinja mhux se tkun xi post trankwill aktar ma aħna nibdew resqin viċin it-Tieni Miġja tas-Salvatur. L-iskrittura tiddikjara li “kollox se jseħħ fl-istess ħin.”1 Brigham Young qal, “Ġie żvelat lili fl-ewwel żminijiet ta’ din il-Knisja, li l-Knisja sa tinfirex, tistagħna, tikber u testendi, u bl-istess rata li sa jinfirex l-Evanġelju fost il-ġnus tad-dinja, sa tinfirex il-qawwa ta’ Satana.”2

Immaġni
illustration of tornado

Aktar inkwetanti mit-terremoti u l-gwerer li huma mbassra li se jseħħu3 hemm l-uragani u l-irwiefen spiritwali li jistgħu jqaċċtukom mis-sisien spiritwali tagħkom u jġorru l-ispirtu tagħkom f’ postijiet fejn qatt ma mmaġinajtu, xi kultant mingħajr lanqas tindunaw li nġarrejtu minn fejn kontu.

L-agħar irwiefen huma t-tentazzjoni tal-avversarju. Id-dnub minn dejjem kien parti mid-dinja, iżda qatt ma kien daqshekk aċċessibbli, infiltranti u aċċettabbli. Hemm, bla dubju, forza qawwija li ddgħajjef l-irwiefen tad-dnub. Din tissejjaħ l-indiema.

Mhux l-irwiefen kollha fil-ħajja huma riżultat tal-għażliet tagħkom. Xi wħud jiġu fuqkom minħabba l-għażliet ħżiena ta’ ħaddieħor, u oħrajn jiġu fuqkom sempliċiment għax din hija l-mortalità.

Meta kien għadu tifel ċkejken, il-President Boyd K. Packer sofra mill-marda kiefra tal-poljo. Meta l-Presbiteru Dallin H. Oaks kellu seba’ snin, missieru miet bla mistenni. Meta Sister Carol F. McConkie tal-presidenza ġenerali tat-Tfajliet kienet għadha żagħżugħa, il-ġenituri tagħha ddivorzjaw. Żgur li se tħabbtu wiċċkom ma’ għadd ta’ sfidi, iżda hekk kif tafdaw f’ Alla, dawn isaħħulkom il-fidi tagħkom.

Immaġni
illustration of tree and roots

Fin-natura, is-siġar li jikbru f’ ambjent kollu riħ isiru aktar b’ saħħithom. Meta r-riħ jonfoħ qawwi madwar xi siġra żgħira, il-forzi ġewwa s-siġra jagħmlu żewġ affarijiet. L-ewwel, huma jistimulaw l-għeruq sabiex jikbru aktar malajr u jinfirxu aktar ‘il bogħod. It-tieni, il-forzi fis-siġra jibdew joħolqu ċerti strutturi taċ-ċelloli li fil-fatt iwasslu sabiex iz-zokk u l-friegħi jikbru aktar ħoxnin u aktar flessibbli għall-pressjoni tar-riħ. Dawn l-għeruq u l-friegħi aktar b’ saħħithom jipproteġu s-siġra mill-irwiefen li bla dubju jerġgħu jirritornaw.4

Għal Alla intom bla dubju aktar prezzjużi minn siġra. Intom uliedu. Huwa għamel l-ispirtu tagħkom b’ saħħtu u kapaċi jirreżisti l-irwiefen tal-ħajja. L-irwiefen f’ żgħożitkom, bħar-riħ jikkumbatti siġra żgħira, jistgħu jkabbru l-qawwa spiritwali tagħkom, iħejjukom għas-snin li ġejjin.

Kif tistgħu titħejjew għall-irwiefen tagħkom? Ftakru li intom għandkom tibnu l-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, l-Iben t’ Alla; ħalli meta x-xitan jibgħat l-irwiefen qawwija tiegħu, … meta jixħtilkom il-lanez tiegħu, … meta l-forza tas-silġ u tat-tempesta tiegħu tinżel fuqkom, ma jkollhom l-ebda qawwa … biex ikaxkrukom magħhom … minħabba l-blata li intom tinsabu mibnijin fuqha.”5 Din hija s-sigurtà tagħkom waqt xi riefnu.

Il-President Thomas S. Monson qal, “Fejn kien hemm żmien meta l-istandards tal-Knisja u l-istandards tas-soċjetà kienu ħafna drabi kompatibbli, illum teżisti diviżjoni sħiħa bejniethom, u aktar ma tmur aktar qed tikber.”6 Din id-diviżjoni, għal xi wħud, toħloq inkwiet spiritwali mill-aktar b’ saħħtu. Ippermettuli naqsam magħkom dan l-eżempju.

Ix-xahar li għadda, l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax ippubblikaw ittra lill-mexxejja tal-Knisja madwar id-dinja. Parti minnha tgħid: “Tibdil mil-liġi ċivili ma jibdilx, anzi ma jista’ qatt jibdel, il-liġi morali li waqqaf Alla. Alla jistenna minna li aħna nagħrfu u nżommu l-kmandamenti Tiegħu, huma x’ inhuma l-opinjonijiet u l-modi differenti fis-soċjetà. Il-liġi tiegħu tal-kastità hija ċara: ir-relazzjonijiet sesswali huma permessi biss bejn raġel u mara li huma legalment miżżewġin. Inħeġġukom sabiex terġħu tagħtu ħarsa lejn … id-duttrina li hemm f’ “Il-Familja: “Proklamazzjoni lid-Dinja’.”7

Filwaqt li d-dinja titbiegħed mil-liġi tal-kastità tal-Mulej, aħna ma nagħmlux l-istess. Il-President Monson qal: “Is-Salvatur tal-umanità ddeskriva lilu nnifsu bħala li Hu fid-dinja iżda mhux tad-dinja. Aħna wkoll nistgħu nkunu fid-dinja iżda mhux tad-dinja hekk kif niċħdu l-kunċetti foloz u t-tagħlim falz u nibqgħu leali lejn dak li kkmandana Alla.”8

Filwaqt li ħafna gvernijiet u individwi onesti bidlu t-tifsira ta’ x’inhu żwieġ, il-Mulej m’ għamilx hekk. Fil-bidu taż-żmien, Alla organizza ż-żwieġ bejn raġel u mara—Adam u Eva. Huwa fassal l-għan taż-żwieġ sabiex ikun ferm aktar minn sodisfazzjon personali u tax-xewqat tal-adulti, u jsir, fuq kollox, dejjem aħjar bħala l-ambjent ideali li fih jitwieldu, jitrabbew u jitrawmu t-tfal. Il-familji huma t-teżor tas-sema.9

Għalfejn inkomplu nitkellmu dwar dan? Kif qal Pawlu, “Ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux.”10 Bħala Appostli tal-Mulej Ġesù Kristu, ir-responsabbiltà tagħna hi li ngħallmu l-pjan tal-Ħallieq għal uliedu u li nwissu dwar il-konsegwenzi li jista’ jkun hemm jekk inwarrbu l-kmandamenti Tiegħu.

Riċentiment, jiena tkellimt ma’ waħda Laurel mill-Istati Uniti. Sa nikkwota mill-email tagħha:

“Tul din is-sena, xi wħud minn sħabi fuq Facebook bdew jippostjaw il-pożizzjoni tagħhom fuq iż-żwieġ. Ħafna minnhom huma favur iż-żwieġ bejn koppja tal-istess sess, u kien hemm bosta żgħażagħ Qaddisin tal-Aħħar Jiem li għamlulhom ‘like’. Jiena ma għamilt l-ebda kumment.

“Iddeċidejt li niddikjara t-twemmin tiegħi fiż-żwieġ tradizzjonali b’ mod li naħseb li jista’ jkun effettiv.

Immaġni
young woman using a mobile telephone

“Mar-ritratt profil tiegħi, jiena żidt il-kliem ‘Jiena nemmen fiż-żwieġ bejn raġel u mara.’ Kważi dak il-ħin stess bdejt nirċievi l-messaġġi. ‘Inti egoista.’ ‘Inti tiġġudika lil ħaddieħor.’ Xi ħadd qabbilni ma’ sid l-iskjavi. U mbagħad irċevejt dan il-messaġġ mingħand ħabiba tal-qalb li hija membru attiva fil-Knisja: ‘Trid taġġorna ruħek maż-żminijiet. L-affarijiet qed jinbidlu u anke inti trid tagħmel l-istess.’

‘Jiena ma qgħadtx nargumenta,” qaltli hi, “iżda d-dikjarazzjoni tiegħi ma neħħejthiex.”

Hija spiċċat tgħidli: “Xi kultant, kif qal il-President Monson, ‘Għandek bżonn tieqaf waħdek.’ Nittama li bħala żgħażagħ, aħna nieqfu flimkien sabiex inkunu leali lejn Alla u lejn it-tagħlim tal-profeti ħajjin Tiegħu.”11

Għandna speċjalment nieħdu ħsieb lil dawk li qed jikkumbattu fihom l-attrazzjoni lejn dawk tal-istess sess tagħhom. Huwa riefnu mill-aktar qawwi. Nixtieq nesprimi l-imħabba u l-ammirazzjoni tiegħi lejn dawk li b’ kuraġġ jinsabu jħabbtu wiċċhom ma’ din il-prova ta’ fidi u li jibqgħu leali lejn il-kmandamenti ta’ Alla!12 Iżda kull persuna, huma x’inhuma d-deċiżjonijet u t-twemmin tagħha, jixirqilha l-ħniena u r-rispett tagħna. 13

Is-Salvatur għallimna sabiex ma nħobbux biss lill-ħbieb tagħna iżda wkoll lil dawk li ma jaqblux magħna—u anke dawk li jiċħdu t-twemmin tagħna. Huwa qal: “Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? … U jekk issellmu ‘l ħutkom biss, xi tkunu għamiltu żejjed?”14

Il-Profeta Joseph Smith wissiena sabiex “noqogħdu attenti milli naħsbu li aħna aħjar minn ħaddieħor” u nuru qalb akbar ma’ kull persuna sal-punt “li nkunu rridu nġorruha fuq spallejna.”15 Fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, m’hemmx post għar-redikolaġni, għall-bulijing jew il-preġudizzju.

Jekk għandkom xi mistoqsjia dwar xi kunsill mogħti mill-mexxejja tal-Knisja, jekk jogħġobkom iddiskutu dan mal-ġenituri u l-mexxejja tagħkom. Intom għandkom bżonn l-għajnuna li tasal għandkom meta tafdaw fil-profeti tal-Mulej. Il-President Harold B. Lee qal: “L-unika sigurtà li aħna għandna bħala membri ta’ din il-knisja hi ... li nagħtu kas tal-kliem u l-kmandamenti li l-Mulej sa jwasslilna permezz tal-profeta Tiegħu. … Sa nisimgħu ċerti ħwejjeġ li jeħtieġu minna l-paċenzja u l-fidi. Jista’ jkun li ma jogħġobkomx dak li jintqal. … Dan jista’ jikkuntradixxi l-ideat politiċi tagħkom … l-ideat soċjali tagħkom … u jkun ta’ interferenza mal- … ħajja soċjali tagħkom. Iżda jekk tisimgħu minn dak li jintqal, daqslikieku qed jgħidu l-Mulej innifsu, … “il-bibien tal-infern ma jegħlbukomx … u l-Mulej Alla jkeċċi l-qawwiet tad-dlam minn quddiemkom …’ (D&C 21:6).”16

Protezzjoni qawwija oħra mill-irwiefen tal-ħajja huwa l-Ktieb ta’ Mormon.

Meta l-president Henry B. Eyring kien għadu żagħżugħ, il-familji tiegħu marret toqgħod f’ belt ġdida. Għall-ewwel xejn ma għoġbitu din il-bidla u ftit li xejn seta’ jagħmel ħbieb. Huwa ħassu ħuta barra mill-ilma qalb l-istudenti li kien hemm fl-iskola sekondarja. L-irwiefen bdew jonfħu. Huwa x’ għamel? Tefa’ l-enerġija tiegħu kollha fuq il-Ktieb ta’ Mormon, fejn qrah diversi drabi.17 Snin wara, il-President Eyring xehed: “Jiena nħobb ferm nerġa’ naqra l-Ktieb ta’ Mormon u nixrob minnu ta’ spiss u b’ mod profond.”18 “Huwa l-aktar testimonjanza miktuba b’ saħħitha li għandna li Ġesù huwa l-Kristu.”19

Il-Mulej ipprovdielkom mod ieħor biex jgħinkom tibqgħu sodi, rigal spiritwali li huwa aktar b’ saħħtu mill-irwiefen tal-avversarju! Huwa qal, ‘Ieqfu … f’ postijiet qaddisa, u titħarrkux.”20

Meta jiena kont għadni żagħżugħ, kien hemm biss 13-il tempju fil-Knisja. Illum hawn 142. Ħamsa u tmenin fil-mija tal-membri tal-Knisja joqogħdu f’ medda ta’ 200 mil (320 km) minn xi wieħed minn dawn it-tempji. Il-Mulej ta lill-ġenerazzjoni tagħkom aċċess akbar għat-tempji mqaddsa Tiegħu milli ta lil xi ġenerazzjoni oħra fl-istorja tad-dinja.

Ġieli waqaftu ġewwa t-tempju, libsin l-abjad, tistennew li tagħmlu l-magħmudijiet? Kif ħassejtukom? Hemm sentiment ta’ qdusija tanġibbli ġewwa t-tempju. Il-paċi tas-Salvatur ixxejjen l-irwiefen tad-dinja.

Il-mod kif tħossukom fit-tempju huwa l-mod kif tridu li tħossukom f’ ħajjitkom.21

Sibu lin-nanniet u lill-antenati tagħkom li ħallew din il-ħajja qabilkom. Ħudu isimhom magħkom fit-tempju.22 Hekk kif intom titgħallmu dwar l-antenati tagħkom, intom taraw mudell tal-ħajja, taż-żwieġ, tat-tfal; mudell tas-sewwa; u xi kultant mudell li tixtiequ tevitaw.23

Aktar tard, fit-tempju titgħallmu dwar il-Ħolqien tad-dinja, dwar ċerti mudelli fil-ħajja ta’ Adam u Eva, u aktar importanti, titgħallmu dwar is-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti, kemm inħobbukom, nammirawkom u nitolbu għalikom. Tħallux l-irwiefen ikaxkrukom magħhom. Dan huwa żmienkom—li tibqgħu b’ saħħitkom bħala dixxipli tal-Mulej Ġesù Kristu.24

Ibnu b’ mod aktar sod il-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħkom.

Għożżu ferm aktar il-ħajja u t-tagħlim inkomparabbli Tiegħu.

Imxu b’ aktar diliġenza wara l-eżempju Tiegħu u l-kmandamenti Tiegħu.

Ħaddnu b’ mod aktar profond l-imħabba Tiegħu, il-ħniena u l-grazzja Tiegħu u r-rigali qawwija tal-Att tal-Fidwa Tiegħu.

Hekk kif tagħmlu dan, jiena nwegħidkom li intom tħarsu lejn dawn l-irwiefen kif fil-fatt huma—provi, tentazzjoni, distrazzjoni u sfidi li jgħinukom tikbru. Hekk kif sena wara sena intom tgħixu b’ mod ġust, jiena niżgurakom li l-esperjenzi tagħkom jikkonfermawlkom li Ġesù hu l-Kristu. Il-blata spiritwali taħt saqajkom issir solida u sikura. Intom tifirħu li Alla poġġiekom hawn sabiex tkunu parti mit-tħejjijiet finali għar-ritorn glorjuż ta’ Kristu.

Is-Salvatur qal, “Ma nħallikomx iltiema: Nerġa’ niġi għandkom.”25 Din hija l-wegħda tiegħu lilkom. Jiena naf li din il-wegħda hi reali. Jiena naf li Huwa jgħix, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Doctrine and Covenants 88:91.

  2. Discourses of Brigham Young, sel. John A. Widtsoe (1954), 72.

  3. Ara Dallin H. Oaks, “Preparation for the Second Coming,” Ensign jewLiahona, Mejju 2004, 7–10.

  4. Ara A. Stokes, A. H. Fitter, and M. P. Coutts, “Responses of Young Trees to Wind and Shading: Effects on Root Architecture,” Journal of Experimental Botany, vol. 46, no. 290 (Sett. 1995), 1139–46.

  5. Helaman 5:12.

  6. Thomas S. Monson, “Priesthood Power,” Ensign jewLiahona, Mejju 2011, 66.

  7. Ittra tal-Ewwel Presidenza, Mar. 6, 2014; ara wkoll David A. Bednar, “We Believe in Being Chaste,” Ensign jewLiahona, Mejju 2013, 41–44; Dallin H. Oaks, “No Other Gods,” Ensign jewLiahona, Nov. 2013, 72–75; For the Strength of Youth (booklet, 2011), 35–37.

  8. Thomas S. Monson,Ensign jewLiahona, Mejju 2011, 67.

  9. Il-Presbiteru Russell M. Nelson qal: “Iż-żwieġ huwa s-sisien tal-ordni soċjali. … Dik l-għaqda mhijiex biss bejn raġel u mara; tgħożż magħha wkoll is-sħubija ma’ Alla” (“Nurturing Marriage,” Ensign jewLiahona, Mejju 2006, 36). Ara wkoll Mattew 19:5–6.

  10. 2 Korintin 4:18.

  11. Korrispondenza u konverżazzjoni personali, Mejju 17, 2014; ara wkoll Thomas S. Monson, “Dare to Stand Alone,” Ensign jewLiahona, Nov. 2011, 60–67.

  12. Ara Jeffrey R. Holland, “Helping Those Who Struggle with Same-Gender Attraction,” Ensign, Ott. 2007, 42–45;Liahona, Ott. 2007, 40–43.

  13. Anke meta l-antikrist Koriħor ipprova jeqred il-fidi tan-nies, il-liġijiet ta’ Alla pproteġewh kontra t-tpattija: “M’hemm l-ebda liġi kontra t-twemmin tal-bniedem; għaliex kienet strettament kontra l-kmandamenti ta’ Alla li jkun hemm xi liġi li twassal sabiex il-bnedmin ma jkollhomx l-istess jedd. … Jekk bniedem xtaq jaqdi lil Alla, dan kien il-privileġġ tiegħu; … iżda jekk ma kienx jemmen fih ma kien hemm l-ebda liġi li tikkastigah” (Alma 30:7, 9). Il-ħdax-il artiklu tal-fidi jgħid, “Aħna nitolbu li jkollna l-privileġġ li naduraw lil Alla s-Setgħan skont il-kuxjenza tagħna, u nagħtu lill-bnedmin kollha l-istess privileġġ, inħalluhom jaduraw kif, fejn u lil xiex iridu.”

  14. Mattew 05:46–47.

  15. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 427, 429.

  16. Teachings of Presidents of the Church: Harold B. Lee (2000), 84–85; ara wkoll Robert D. Hales, “General Conference: Strengthening Faith and Testimony,” Ensign jewLiahona, Nov. 2013, 6–8.

  17. Ara Robert I. Eaton and Henry J. Eyring, I Will Lead You Along: The Life of Henry B. Eyring (2013), 40.

  18. Henry B. Eyring, Choose Higher Ground (2013), 38.

  19. Henry B. Eyring, To Draw Closer to God (1997), 118.

  20. Doctrine and Covenants 87:8; ara wkoll Doctrine and Covenants 45:32.

  21. Ara Doctrine and Covenants 52:14.

  22. Ara Neil L. Andersen, “Find Our Cousins!” (indirizz mogħti f’ RootsTech 2014 Family History Conference Frar 8, 2014); lds.org/prophets-and-apostles/unto-all-the-world/find-our-cousins.

  23. Ara David A. Bednar, “The Hearts of the Children Shall Turn,” Ensign jewLiahona, Nov. 2011, 24–27.

  24. Ara Helaman 7:9.

  25. Ġwanni 14:18.

Ipprintja