2010-2019
“Jien Tajtkom Eżempju”
April 2014


“Jien Tajtkom Eżempju”

L-akbar eżempju li qatt mexa fid-dinja huwa s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. … Huwa jistedinna sabiex nimxu wara l-eżempju perfett Tiegħu.

Kull meta noqgħod nixtarr id-dmir li jiena għandi biex naqsam l-evanġelju ma’ ħaddieħor, jiena nirrifletti fuq dawk il-maħbubin li l-infuwenza ġusta tagħhom għenitni nsib dik il-gwida divina li assistietni fil-progress spiritwali tiegħi. F’ ċerti żminijiet diffiċli f’ ħajti, Missieri tas-Smewwiet berikni bil-preżenza ta’ nies li kien jimpurtahom biżżejjed minni li għenuni billi ggwidawni fid-direzzjoni xierqa fl-għażliet li kelli nagħmel. Huma mxew wara dan il-kunsill tas-Salvatur: “Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll.”1

Meta kont għadni tifel ċkejken, missieri ma kienx membru tal-Knisja u ommi ma baqgħetx aktar attiva. Konna ngħixu ġo Washington, D.C., u l-ġenituri ta’ ommi kienu joqgħodu 2, 500 mil (4, 000 km) ‘il bogħod fl-istat ta’ Washington. Ftit xhur wara li jiena għalaqt tmien snin, in-Nanna Whittle qasmet il-pajjiż biex tiġi tarana. In-Nanna kienet inkwetata għaliex la jien u lanqas ħija l-kbir ma konna ġejna mgħammdin. Ma nafx x’ kienet qalet lill-ġenituri tiegħi dwar dan, iżda jien naf li għodwa waħda hija ħadet lili u l-ħija sal-park u magħna qasmet is-sentimenti tagħha dwar l-importanza li aħna nitgħammdu u nattendu l-laqgħat tal-Knisja regolarment. Ma niftakarx eżattament x’ kienet qaltilna, iżda kliemha ħalla effett kbir fuqi, u ftit wara jiena u ħija ġejna mgħammdin.

In-Nanna kompliet tissapportjana. Niftakar li kull darba li jien u ħija konna niġu mitlubin sabiex nagħmlu xi diskors fil-knisja, aħna konna nċemplulha biex tagħtina xi suġġerimenti. Wara ftit jiem konna nirċievu bil-posta diskors miktub bl-idejn. Meta għadda daqsxejn ta’ żmien, is-suġġerimenti tagħha nbidlu f’ lista ta’ punti fejn kellna nagħmlu aktar sforz min-naħa tagħna.

In-Nanna wriet biżżejjed kuraġġ u rispett biex tgħin lil missierna jagħraf l-importanza li huwa joħodna bil-karozza lejn il-knisja għal-laqgħat tagħna. B’ kull mod xieraq, hija għenet biex aħna nħossu l-bżonn tal-evanġelju f’ ħajjitna.

L-aktar ħaġa importanti kienet li aħna konna nafu li n-Nanna kienet tħobbna u li kienet tħobb l-evanġelju. Hija kienet verament eżempju meraviljuż! Kemm jiena grat għat-testimonjanza li hija qasmet miegħi meta jiena kont għadni ċkejken. L-influwenza tagħha biddlet għall-aħjar id-direzzjoni ta’ ħajti b’ konsegwenzi eterni.

Snin wara, meta kont sa niggradwa mill-università, jiena sirt inħobb lil tfajla sabiħa jisimha Jeanene Watkins. Jiena naħseb li anke hi kienet inġibdet lejja. Lejla waħda meta konna qed niddiskutu l-futur, hija b’ tant ħsieb lissnet xi ħaġa fit-taħdita ta’ bejnietna li bidlitli ħajti għal dejjem. Hija qalet, “Meta jiena niżżewweġ, irrid niżżewweġ ġewwa t-tempju lil ġuvni fidil li jkun irritorna minn missjoni.”

Ftit li xejn kien għaddieli minn moħħi li naqdi missjoni qabel dak il-mument. Dik il-lejla, il-motivazzjoni tiegħi li nikkunsidra li mmur missjoni nbidlet b’ mod drammatiku. Mort id-dar, u ma stajt naħseb fuq xejn aktar. Għamilt lejl sħiħ imqajjem. L-għada lanqas biss kelli moħħ nistudja. Wara ħafna talb iddeċidejt li niltaqa’ mal-isqof tiegħi u nimla l-applikazzjoni tiegħi għall-missjoni.

Jeanene qatt ma talbitni biex inservi missjoni għaliha. Hija kienet tħobbni biżżejjed li qasmet miegħi x-xewqat tagħha u mbagħad ħalliet f’ idejja li nagħżel id-direzzjoni ta’ ħajti. It-tnejn li aħna qdejna missjoni u aktar tard ġejna ssiġillati fit-tempju. Il-kuraġġ u l-impenn ta’ Jeanene lejn il-fidi tagħha għamel id-differenza kollha fil-ħajja tagħna flimkien. Jiena ċert li ma konniex insibu l-hena li gawdejna flimkien li kieku ma kienx għall-fidi soda tagħha fil-prinċipju li l-ewwel għandna naqdu lill-Mulej. Hija verament eżempju tajjeb u meraviljuż!

Kemm in-Nanna Whittle u Jeanene ħabbewni biżżejjed li qasmu miegħi l-konvinzjoni tagħhom li ħajti tista’ titbierek permezz tal-ordinanzi tal-evanġelju u jekk jiena naqdi lill-Missier tas-Smewwiet. Ħadd minnhom ma sfurzani jew ġegħlni nħossni skomdu dwar il-bniedem li kont. Huma sempliċiment ħabbewni u ħabbew lil Missierna tas-Smewwiet. It-tnejn li huma kienu jafu li Huwa seta’ jgħinni nwettaq ferm aktar f’ ħajti milli stajt inwettaq mingħajr l-għajnuna tiegħu. Kull waħda minnhom b’ kuraġġ kbir u b’ imħabba kbira għenitni nsib it-triq għal ferħ akbar.

Kif nistgħu lkoll kemm aħna nsiru influwenza daqshekk sinifikanti? Għandna nkunu ċerti li b’ sinċertità nħobbu lil dawk li rridu ngħinu fis-sewwa ħalli huma jkunu jistgħu jkabbru il-kunfidenza tagħhom f’ Alla. Għal tant nies fid-dinja, l-ewwel sfida li jkollhom biex jaċċettaw l-evanġelju hi li huma jiżviluppaw il-fidi tagħhom f’ Missierna tas-Smewwiet, li jħobbhom b’ mod perfett. Huwa aktar faċli li huma jiżvluppaw il-fidi tagħhom meta jkollom ħbieb jew membri tal-familja li jħobbuhom bl-istess mod.

Li tgħinuhom jiżviluppaw fiduċja fl-imħabba tagħkom jgħinhom sabiex huma jkabbru l-fidi tagħhom fl-imħabba ta’ Alla. Anke jekk intom tikkomunikaw magħhom b’ imħabba u b’ ġentilezza, intom tistgħu tbierku ħajjithom permezz tal-lezzjonijet li tkunu qsamtu magħhom, l-esperjenzi li għaddejtu minnhom u l-prinċipji li mxejtu warajhom biex issibu soluzzjoni għall-problemi tagħkom. Uru interess sinċier fil-benesseri tagħhom; imbagħad aqsmu t-testimonjanza tagħkom tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Intom tistgħu tgħinu b’ modi li huma bbażati fuq prinċipji u duttrina. Ħeġġu lil dawk li tħobbu biex ifittxu li jifhmu dak li jrid minnhom il-Mulej. Mod kif tistgħu tagħmlu dan hu billi tistaqsuhom mistoqsijiet li jġegħluhom jaħsbu u mbagħad agħtuhom biżżejjed ħin—jista’ jkun sigħat, jiem, xhur jew aktar—sabiex huma jixtarru u jfittxu li jiksbu tweġiba għalihom infushom. Jista’ jkun li jkun hemm bżonn tgħinuhom jitgħallmu jitolbu u kif jagħrfu li jkunu rċevew risposta għal talbhom. Għinuhom isiru jafu li l-iskrittura hija sors mill-aktar importanti kif huma jistgħu jirċievu u jagħrfu t-tweġiba għal talbhom. B’ dak il-mod intom tgħinuhom iħejju għall-opportunitajiet u sfidi futuri tagħhom.

L-għan ta’ Alla hu “li jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.” 2 Din hija ħaġa fundamentali għal dak kollu li nagħmlu. Xi kultant tant naħlu ħin f’ ċerti affarijiet li narawhom affaxxinanti jew ninvolvu ruħna fi ħwejjeġ tad-dinja li nispiċċaw ninsew l-għan ta’ Alla. Hekk kif intom kontinwament tiffukaw ħajjitkom fuq l-aktar prinċipji bażiċi, intom tiksbu għarfien ta’ dak li għandkom tagħmlu, u tipproduċu aktar frott għall-Mulej u hena għal ħajjitkom.

Meta tiffukaw ħajjitkom fuq il-prinċipji bażiċi tal-pjan tas-salvazzjoni, intom tkunu tisgħu tikkonċentraw aktar fuq li taqsmu magħhom dak li tafu għaliex intom tifhmu l-importanza eterna tal-ordinanzi tal-evanġelju. Intom taqsmu magħhom dak li intom tafu b’ tali mod li jitħeġġu sabiex iħossu l-ħtieġa li jissaħħu spiritwalment. Intom tgħinu lill-maħbubin tagħkom juru rieda akbar li jobdu l-kmandamenti kollha Tiegħu u jieħdu fuqhom infushom l-isem ta’ Ġesù Kristu.

Ftakru li l-konverżjoni tal-individwi hija biss parti mill-ħidma. Dejjem fittxu li ssaħħu l-familji tagħkom. Għallmu b’ viżjoni dwar l-importanza li l-familji jiġu ssiġillati fit-tempju. F’ ċertu familji dan jista’ jieħu snin biex iseħħ. Daqshekk damu biex ġew issiġillati l-ġenituri tiegħi. Ħafna snin wara li jiena tgħammidt, tgħammed missieri, u aktar tard il-familja tagħna ġejna ssiġillati fit-tempju. Missieri serva bħala siġillatur ġewwa t-tempju u ommi serviet miegħu hemm. Meta intom ikollkom viżjoni tal-ordinanzi tat-tempju, intom tgħinu tibnu s-saltna ta’ Alla fid-dinja.

Ftakru, l-imħabba li intom turu lejhom hija l-pedament sod li jinfluwenza lil dawk li tridu jgħinu. L-influwenza li kellhom fuqi n-Nanna Whittle u marti, Jeanene, kienet tkun insinifikanti kieku jiena ma kontx naf li huma jħobbuni u li riedu li jiena nikseb l-aħjar fil-ħajja.

Barra li tħobbuhom, afdawhom. Xi kultant jidher li tkun diffiċli li tafda, iżda sibu mod kif tafdawhom. Ulied Missierna tas-Smewwiet kapaċi jagħmlu ħwejjeġ kbar meta jħossuhom fdati. L-ulied ta’ Alla fil-mortalità għażlu l-pjan tas-Salvatur. Afdaw li jekk huma jingħataw l-opportunità, jagħmlu l-istess.

Aqsam prinċipji li jgħinu lil dawk li intom tħobbu sabiex jibqgħu għaddejjin ‘il quddiem fi triqthom lejn il-ħajja eterna. Ftakru, aħna lkoll nikbru, linja wara linja. Intom imxejtu wara dan l-istess prinċipju fl-għarfien tal-evanġelju li intom ksibtu. Meta taqsmu l-evanġelju agħmlu dan b’ mod sempliċi.

It-testimonjanza personali tagħkom tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu hija għodda mill-aktar qawwija. Riżorsi oħra li intom għandkom huma t-talb, il-Ktieb ta’ Mormon u skrittura oħra, u l-impenn tagħkom għall-ordinanzi tas-saċerdozju. Dan kollu jgħinkom tirċievu l-ispirazzjoni tal-Ispirtu, li tant hi kruċjali għalikom biex tiggwidakom.

Biex tkunu effettivi u timxu fuq il-passi ta’ Kristu, 3 ikkonċentraw fuq dan il-prinċipju bażiku tal-evanġelju: L-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu jagħmilha possibbli li aħna nsiru nixbhu aktar lil Missierna tas-Smewwiet ħalli nkunu nistgħu ngħixu flimkien għall-eternità bħala familji.

L-ebda duttrina mhi daqshekk fundamentali għall-ħidma tagħna daqs l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Ma’ kull opportunità li jkollkom, aqsmu t-testimonjanza tagħkom dwar is-Salvatur u l-qawwa tas-sagrifiċċju tat-Tpattija Tiegħu. Użaw l-iskrittura li tgħallem dwaru u għalfejn huwa l-mudell perfett għalina lkoll f’ din il-ħajja.4 Sa jkollkom bżonn tistudjaw b’ mod mill-aktar diliġenti. Taħlux ħinkom fi ħwejjeġ ta’ bla valur u tispiċċaw ma ssibux ħin biex tistudjaw id-duttrina u t-tagħlim tal-Mulej. B’ sisien duttrinali sodi u personali, intom tistgħu tkunu sors qawwi biex taqsmu ċerti veritajiet mill-aktar importanti ma’ dawk li verament jeħtiġuhom.

L-aħjar mod kif nistgħu nservu lil Missierna tas-Smewwiet hu billi ninfluwenzaw lil ħaddieħor b’ mod ġust u naqduh. 5 L-akbar eżempju li qatt mexa fid-dinja huwa s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Il-ministeru mortali Tiegħu kien wieħed li fih għallem, serva u ħabb lill-oħrajn. Huwa poġġa bilqiegħda ma’ ċerti nies li kienu jħarsu lejhom bħala mhux denji li jkunu miegħu. Huwa ħabbhom ilkoll. Huwa għaraf il-bżonnijiet tagħhom u għallimhom l-evanġelju Tiegħu. Huwa jistedinna sabiex nimxu wara l-eżempju perfett Tiegħu.

Jiena naf li l-evanġelju Tiegħu huwa t-triq li twassal għall-paċi u l-hena f’ din il-ħajja. Jalla niftakru li nagħmlu kif għamel hu billi naqsmu l-imħabba, il-fiduċja u l-għarfien tal-verità ma’ dawk li għadhom ma ħaddnux id-dawl brillanti tal-evanġelju. F’ isem Ġesù Kistu, amen.

Ipprintja