2010-2019
Ir-Resurezzjoni ta’ Ġesù Kristu
April 2014


Ir-Resurezzjoni ta’ Ġesù Kristu

Ġesù ta’ Nazaret huwa l-Feddej imqajjem mill-imwiet, u jiena nixhed dwar kull ħaġa oħra li hija riżultat tal-fatt li Huwa qam mill-imwiet.

Id-dixxipli Tiegħu ħassew disperazzjoni kbira u ħassewhom li kienu tilfu kull tama hekk kif Ġesù sofra u miet fuq is-salib u ġismu tpoġġa mingħajr ħajja ġewwa l-qabar. Minkejja dak kollu li s-Salvatur kien tenna għal bosta drabi dwar il-mewt Tiegħu u li wara Hu għad jerġa’ jqum, huma baqgħu ma fehmux. Madankollu wara dik il-lejla mudlama tal-Kruċifissjoni Tiegħu sebħet il-għodwa mimlija ferħ tar-Resurrezzjoni Tiegħu. Iżda l-ferħ wasal biss hekk kif id-dixxipli saru huma stess xhieda tar-Resurrezzjoni, għaliex anke d-dikjarazzjoni tal-anġli li Huwa kien qam mill-imwiet għall-ewwel kienet diffiċli biex jifhmuha—kienet xi ħaġa li żgur kienet bla preċedent.

Marija ta’ Magdala u xi nisa oħra fidili marru jżuru l-qabar tas-Salvatur kmieni filgħodu f’ dik l-għodwa tal-Ħadd, u ħadu magħhom kemm fwieħa kif ukoll ingwent biex itemmu d-dlik li kien beda meta l-ġisem tal-Mulej tpoġġa b’ għaġġla fil-qabar biex ma jilħaqx jaqleb jum is-Sibt. F’ dik l-għodwa mill-aktar speċjali, sabu jistennihom qabar vojt, bil-blata li kienet tagħlaq il-qabar imgerrba, u żewġ anġli li ddikjaraw:

“L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?

“Mhuwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija,

“Meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.”1

“Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed.

“U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet.”2

Kif talbuha l-anġli, Marija ta’ Magdala marret tittawwal fil-qabar, iżda jidher li l-unika ħaġa li moħħha kien irreġistra kienet li l-ġisem tal-Mulej ma kienx jinsab hemm. Hija marret tiġri biex tagħti din l-aħbar lill-Appostlu u, meta sabet lil Pietru u Ġwanni, hija qaltilhom, “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh.”3 Pietru u Ġwanni telqu jiġru fil-post u raw b’ għajnejhom stess li l-qabar verament kien vojt, fejn huma raw “il-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm … u l-maktur li kien madwar rasu, … mitwi u mqiegħed f’post għalih.”4 Jidher li Ġwanni kien l-ewwel wieħed li fehem il-messaġġ meraviljuż tar-resurrezzjoni. Huwa kiteb li “hu ra, u emmen,” filwaqt li l-oħrajn sa dak il-ħin “kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.”5

Pietru u Ġwanni telqu minn hemm, iżda Marija baqgħet hemmhekk, tibki weħidha. F’ dak il-ħin l-anġli reġgħu lura u bil-ħlewwa staqsewha, “Mara, għalfejn qiegħda tibki? Hi wieġbet, Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh.”6 F’ dak il-mument is-Salvatur imqajjem mill-imwiet, li issa kien jinsab wieqaf warajha, qalilha, “Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex? Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura.”7

Il-Presbiteru James E. Talmage kiteb: “Hija kienet qed tkellem lil Ġesù, l-għażiż Mulej tagħha, iżda dan ma kenitx tafu. Kelma waħda mix-xufftejn ħajjin Tiegħu bidlet in-niket iddisprat tagħha f’ ferħ enormi. ‘Ġesù qalilha, Marija.’ Il-vuċi, it-ton, l-aċċent ħelu li kienet semgħet u tant ħabbet fil-jiem ta’ qabel elevaha lil hinn mill-wied tad-disperazzjoni li kienet spiċċat fih. Hija daret u rat lill-Mulej. Mimlija bil-ferħ hija fetħet dirgħajha biex tħaddnu magħha, u tenniet biss il-kelma għażiża u ta’ qima, ‘Rabbuni,’ li tfisser O Mgħallem għażiż Tiegħi.” 8

U b’ hekk din il-mara mbierka saret l-ewwel persuna mortali li rat u tkellmet ma’ Kristu mqajjem mill-imwiet. Aktar tard f’ dak il-jum, Huwa deher lil Pietru fl-inħawi ta’ Ġerusalemm; 9 liż-żewġ dixxipli fit-triq lejn Għemmaws;10 u fil-għaxija lil 10 mill-Appostli u lil xi oħrajn, fejn deher minn imkien f’ nofshom u qalilhom, “Araw idejja u riġlejja. Jiena hu: missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien.”11 Imbagħad biex jikkonvinċihom iktar għax “kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba,”12 Huwa kiel quddiemhom il-ħut mixwi.13 Aktar tard Huwa għallimhom, “Intom tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.” 14

Barra minn dawn ix-xhieda konfermati f’ Ġerusalemm, aħna għandna l-ministeru inkomparabbli tal-Mulej imqajjem mill-imwiet fost l-abitanti tal-Emisferu Oċċidentali. Fl-art ta’ Kutran, huwa niżel mis-sema u stieden lill-miġemgħa miġbura quddiemu, madwar 2,500 ruħ, sabiex jersqu lejh wieħed wieħed, u waħda waħda, sakemm kollha kemm huma jkunu marru ħdejh, imissu jdejhom ma’ ġenbu u jħossu s-sinjali tal-imsiemer f’ idejh u fil-pali ta’ saqajh.15

“U meta kollha kemm huma kienu marru quddiemu u rawh b’ għajnejhom stess, huma għajtu flimkien u qalu:

“Hosanna! Imbierek l-isem ta’ Alla l-Għoli! U huma nxteħtu madwar saqajn Ġesù jadurawh.”16

Ir-Resurrezzjoni ta’ Kristu turi li l-eżistenza Tiegħu hija indipendenti u għal dejjem. “Għax bħalma l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, hekk ukoll ta lill-Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu.”17 Ġesù qal:

“Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha.

“Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha.”18

Is-Salvatur ma jiddependix fuq l-ikel jew l-ilma jew l-ossiġnu jew xi sustanza jew qawwa jew persuna oħra biex ikun jista’ jgħix. Kemm bħala Ġehova kif ukoll bħala l-Messija, Huwa hu l-kbir Jiena-Hu, l-Alla li jeżisti bil-qawwa Tiegħu nnifsu.19 F’ kelma waħda, Huwa Hu u għal dejjem ikun.

Permezz tal-Att tal-Fidwa u r-Resurezzjoni Tiegħu, Ġesù Kristu għeleb kull aspett tal-Waqgħa. Il-mewt fiżika tkun temporanja, u saħansitra anke l-mewt spiritwali jkollha tmiem, peress li lkoll kemm aħna għad nerġħu lura fil-preżenza ta’ Alla, għallinqas temporanjament, biex niġu ġġudikati. Aħna jista’ jkollna l-fiduċja u l-kunfidenza totali fil-qawwa Tiegħu li tegħleb kull ħaġa u tagħtina l-ħajja ta’ dejjem.

“Għaliex, jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet.

“Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’ Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.”20

Fi kliem il-Presbiteru Neal A. Maxwell: “Ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt ġabet fi tmiemha d-dilemma umana. Issa għandna biss dilemmi personali, u anke minn dawn aħna nistgħu niġu meħlusin jekk nimxu wara t-tagħlim ta’ dak li salvana mill-qirda ġenerali.”21

Wara li ssodisfa d-domanda għall-ġustizzja, Kristu issa jinsab wieqaf fil-post tal-ġustizzja; jew nistgħu ngħidu li Huwa Hu l-ġustizzja, bl-istess mod li Huwa mħabba. 22 Bl-istess mod, barra li hu “Alla, perfett u ġust,” Huwa wkoll Alla perfett u ħanin.23 Għalhekk, is-Salvatur iwettaq is-sewwa kollha. L-ebda inġustizzja fil-mortalità mhi permanenti, lanqas il-mewt, għaliex Huwa jerġa’ jirrestawra l-ħajja. Finalment kull korriment, diżabbiltà, tradiment jew abbuż se jiġu kkumpensati minħabba l-ġustizzja u l-ħniena finali Tiegħu.

Bl-istess mod, aħna lkoll irridu nagħtu rendikont lilu ta’ ħajjitna, tal-għażliet tagħna, tal-għemejjel tagħna u saħansitra tal-ħsibijiet tagħna. Peress li Huwa fdiena mill-Waqgħa, ħajjitna fil-verità hija Tiegħu. Huwa ddikjara:

“Araw jiena tajtkom l-evanġelju tiegħi, u dan huwa l-evanġelju li jiena tajtkom—li jiena ġejt fid-dinja sabiex nagħmel ir-rieda ta’ Missieri, għaliex Missieri bagħatni.

“U Missieri bagħatni sabiex nittella’ fuq is-salib; u wara li nittella’ fuq is-salib, ħalli nressaq il-bnedmin kollha lejja, li kif jiena ġejt mtella’ mill-bnedmin bl-istess mod il-bnedmin se jittellgħu mill-Missier, sabiex jieqfu quddiemi, biex jiġu ġġudikati skont xogħolhom.”24

Ikkunsidraw għal mument is-sinifikat tar-Resurrezzjoni li tirrisolvi darba għal dejjem l-identità vera ta’ Ġesù ta’ Nazaret u l-argumenti filosofiċi u l-mistoqsijiet kbar tal-ħajja. Jekk fil-fatt Ġesù qam letteralment mill-imwiet, il-konklużjoni finali għandha tkun li Huwa esseru divin. L-ebda esseru mortali m’ għandu fih innifsu l-qawwa li jerġa’ lura għall-ħajja wara li jkun miet. Peress li Huwa qam mill-imwiet, Ġesù ma setax kien sempliċiment mastrudaxxa, għalliem, rabbi jew profeta. Peress li Huwa qam mill-imwiet, Ġesù bilfors li kien Alla, sewwasew l-Uniku Iben Imnissel tal-Missier.

Għalhekk, dak li Huwa għallem huwa veru; Alla ma jistax jigdeb.25

Għalhekk, Huwa kien il-Ħallieq tad-dinja, kif qal Hu stess.26

Għalhekk, is-sema u l-infern huma reali, kif għallem Hu.27

Għalhekk, hemm dinja tal-ispirti, li Huwa żar wara l-mewt Tiegħu.28

Għalhekk, Huwa għandu jerġa’ jiġi, kif qalu l-anġli,29 u “jsaltan personalment f’ din id-dinja.”30

Għalhekk, se jkun hemm resurrezzjoni u ġudizzju finali għal kulħadd.31

Meta tħares lejn ir-realtà tar-Resurrezzjoni ta’ Kristu, id-dubji dwar l-omnipotenza, l-omnixjenza u l-benevolenza ta’ Alla l-Missier—li ta l-Uniku Iben Waħdieni Tiegħu għall-fidwa tad-dinja—huma kollha bla bażi. Id-dubji dwar is-sinifikat u l-għan tal-ħajja huma foloz. Ġesù Kristu huwa fil-fatt l-uniku isem jew triq li permezz Tiegħu l-umanità tista’ tikseb is-salvazzjoni. Il-grazzja ta’ Kristu hija reali, li ġġib kemm il-maħfra kif ukoll safa lil dak il-midneb li jindem. Il-fidi hija ferm aktar milli immaġinazzjoni jew invenzjoni psikoloġika. Hemm verità finali u universali, u hemm standards morali li huma oġġettivi u ma jinbidlux, kif għallimhom Hu.

Meta nħarsu lejn ir-realtà tar-Resurrezzjoni ta’ Kristu, l-indiema għal xi ksur ta’ liġi jew kmandament hija ħaġa possibbli kif ukoll urġenti. Il-mirakli tas-Salvatur kienu reali, kif kienet il-wegħda Tiegħu lid-dixxipli Tiegħu li huma setgħu jagħmlu l-istess u saħansitra għemejjel akbar.32 Is-saċerdozju Tiegħu huwa neċessarjament qawwa reali li “tamministra l-evanġelju u tħaddan il-muftieħ tal-misteri tas-saltna, saħansitra l-muftieħ tal-għarfien ta’ Alla. Għalhekk, fl-ordinanzi tiegħu, tidher il-qawwa tad-divinità.”33 Meta tikkunsidra r-realtà tar-Resurrezzjoni ta’ Kristu, il-mewt mhijiex it-tmiem tagħna, u għalkemm “jintemm ġildna, għoddna bla laħam, naraw ‘l Alla.”34

Il-President Thomas S. Monson isemmi lil wieħed Robert Blatchford li,100 sena ilu “fil-ktieb tiegħu Alla u l-Ġar Tiegħi, attakka vigorożament ċertu twemmin Kristjan aċċettat, bħal Alla, Kristu, it-talb u l-immortalità. Huwa sostna b’ qawwa, ‘Niddikjara li ġibt il-provi tiegħi għal kull argument li għamilt b’ konvinzjoni tant kbira li l-ebda Kristjan, hu kemm hu kbir u kapaċi, ma jista’ jirrispondi għall-punti li qajjimt jiena jew imieri l-argumenti tiegħi.’ Huwa dawwar lilu nnifsu b’ ħajt ta’ xettiċiżmu. Imbagħad ġrat xi ħaġa mhux mistennija. Il-ħajt tiegħu f’ daqqa waħda beda jaqa’ biċċa biċċa. … Bilmod il-mod beda jħoss li kellu jerġa’ lura lejn dik il-fidi li huwa tant żeblaħ u rredikola. X’ wassal għal din il-bidla tant profonda fil-ħsieb tiegħu? Martu kienet mietet. B’ qalb maqsuma, huwa mar ġewwa l-kamra li fiha kien hemm ġisem martu. Huwa ħares għal darb’oħra lejn il-wiċċ li tant kien ħabb. Meta ħareġ minn hemm, huwa qal lil wieħed ħabib tiegħu: ‘Hija hi, u fl-istess ħin mhijiex. Kollox inbidel. Xi ħaġa li qabel kienet hemm issa m’ għadhiex. Hija mhix l-istess persuna. X’ jista’ ħareġ minn ġo fiha jekk mhux ruħha?’ “35

Veru li l-Mulej miet u reġa’ qam? Iva. “Il-prinċipji fundamentali tar-reliġjon tagħna huma t-testimonjanza tal-Appostli u l-Profeti, dwar Ġesù Kristu, li Huwa miet, ġie midfun, u reġa’ qam fit-tielet jum, u tela’ s-sema; u kull ħaġa oħra marbuta mar-reliġjon tagħna hija biss żjieda ma’ dan” 36

Hekk kif it-twelid ta’ Ġesù, imħabbar minn snin qabel, beda jersaq fil-viċin, kien hemm nies fost il-poplu Nefita u Lamanita li emmnu, iżda l-biċċa l-kbira fosthom iddubitaw. Meta kien wasal iż-żmien, dehru s-sinjali tat-twelid Tiegħu—jum u lejl u jum mingħajr dalma—u kulħadd sar jaf.37 L-istess illum, xi wħud jemmnu fir-Resurrezzjoni reali ta’ Kristu, u bosta jiddubitaw jew ma jemmnux. Iżda oħrajn jafu. Meta jasal iż-żmien, aħna lkoll naraw u lkoll insiru nafu; sewwasew, “kull irkobba tmil u kull ilsien jistqarr quddiemu.”38

Sakemm jasal dak il-jum, jiena nemmen lil bosta xhieda tar-Resurezzjoni tas-Salvatur li l-esperjenzi u testimonjanzi tagħhom jinsabu fit-Testment il-Ġdid—Pietru u sħabu t-Tnax u l-għażiża pura Marija ta’ Magdala, fost oħrajn. Jiena nemmen it-testimonjanzi li jinsabu fil-Ktieb ta’ Mormon—ta’ Nefi l-Appostlu fost il-miġemgħa fl-art ta’ Kutran, fost l-oħrajn. U nemmen it-testimonjanza ta’ Joseph Smith u Sidney Rigdon li, wara l-ħafna testimonjanzi oħra li ngħataw, huma ddikjaraw x-xhieda kbira ta’ din l-aħħar dispensazzjoni “li huwa jgħix! Għaliex rajnieh.”39 Taħt il-ħarsa tal-għajnejn omnipreżenti Tiegħu, jiena personalment nieqaf bħala xhud li Ġesù ta’ Nazaret huwa l-Feddej imqajjem mill-imwiet, u jiena nixhed dwar kull ħaġa oħra li hija riżultat tal-fatt li Huwa qam mill-imwiet. Jalla intom tirċievu l-konvinzjoni u l-faraġ ta’ din l-istess xhieda, jiena nitlob f’ isem Ġesù Kristu, amen