2010-2019
Aħwa Nisa: O, Kemm Għandna Bżonn lil Xulxin
April 2014


Aħwa Nisa: O, Kemm Għandna Bżonn lil Xulxin

Għandna nieqfu nikkonċentraw fuq id-differenzi tagħna u għandna nibdew infittxu dak li hemm komuni bejnietna.

F’ dak il-vidjo rajna tmien pajjiżi u smajna disa’ lingwi differenti. Immaġinaw kemm il-lingwa oħra ġiet miżjuda f’ dak l-aħħar vers. Kemm hi ħaġa sabiħa li nafu li, bħala aħwa nisa madwar id-dinja, aħna konna kapaċi nsemmgħu leħinna f’ testimonjanza tal-verità eterna li aħna wlied Missier tas-Smewwiet li veru jħobbna.

Xi privileġġ kbir li ninsab hawn illum f’ din l-okkażżjoni storika u nindirizza lin-nisa kollha tal-Knisja minn tmien snin ‘il fuq. Tinħass qawwa tremenda fl-għaqda li hawn fostna llejla. Hekk kif qed narana miġburin hawn flimkien fiċ-Ċentru tal-Konferenza u nikkontempla dwar l-eluf oħra li jinsabu jaraw din ix-xandira minn diversi pajjiżi madwar id-dinja, il-qawwa tat-testimonjanzi tagħna flimkien mal-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu żgur qed iwasslu għal waħda mill-aktar laqgħat tan-nisa mimlija fidi u qawwa fl-istorja tal-Knisja, jekk mhux tad-dinja.

Illejla aħna nifirħu bl-irwoli diversi tagħna bħala nisa fil-Knisja. Għalkemm f’ ħafna ħwejjeġ aħna differenti u uniċi, aħna nagħrfu wkoll li aħna wlied l-istess Missier tas-Smewwiet, li dan jagħmilna lkoll aħwa nisa. Aħna ninsabu magħqudin flimkien biex nibnu s-saltna ta’ Alla u fil-patti li għamilna, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna. Din il-laqgħa kkombinata hi, mingħajr ebda dubju, l-aktar għaqda ta’ nisa glorjuża fuq wiċċ id-dinja!1

Li nkunu aħwa jindika li hemm għaqda bejnietna li ma tistax tinkiser. Ħuti, ħudu ħsieb ta’ xulxin, ħarsu lil xulxin, farrġu lil xulxin, u kunu hemm għal xulxin hi x’inhi ċ-ċirkustanza. Il-Mulej qal, “Jiena ngħidilkom, kunu ħaġa waħda; u jekk m’intomx ħaġa waħda m’intomx tiegħi.”2

L-avversarju jridna nikkritikaw u niġġudikaw lil xulxin. Huwa jridna nikkonċentraw fuq id-differenzi li hemm bejnietna u nqabblu lilna nfusna ma’ xulxin. Jista’ jkun li inti tħobb teżerċita ruħek vigorożament għal xi siegħa kuljum għax b’ hekk inti tħossok tajba, filwaqt li jekk jiena nitla’ sular taraġ minflok naqbad il-lift inkun qisni ħadt sehem f’ xi avveniment atletiku kbir. Iżda xorta waħda nistgħu nibqgħu ħbieb, le?

Aħna bħala nisa nafu nkunu kritiċi wisq tagħna nfusna. Meta nqabblu lilna nfusna ma’ xulxin, dejjem nibdew inħossuna inadegwati u mimlija riżentiment lejn l-oħrajn. Sister Patricia T. Holland darba qalet, “Il-punt huwa, aħna ma nistgħux insejħu lilna nfusna Kristjani u nkomplu niġġudikaw lil xulxin—jew lilna nfusna—b’ mod mill-aktar kritiku.”3 Hija kompliet tgħid li m’hemm xejn li jista’ jiġġustifika li aħna ma nibqgħux naġixxu bħal aħwa u b’ kompassjoni lejn xulxin. Għandna bżonn nirrilassaw ftit u nifirħu bid-differenzi divini li hemm bejnietna. Għandna bżonn nirrealizzaw li aħna lkoll għandna fina x-xewqa li naqdu fis-saltna, li nużaw it-talenti u d-doni uniċi tagħna bil-mod kif nafu aħna. Imbagħad inkunu nistgħu ngawdu lil xulxin bħala aħwa u ħbieb u nibdew inservu lil xulxin.

Il-verità hi li aħna verament għandna bżonn lil xulxin. In-nisa min-natura tagħhom ifittxu l-ħbiberija, is-sapport u l-kumpanija. Għandna wisq x’ nitgħallmu minn xulxin, u ħafna drabi nħallu l-ħitan, li nibnu aħna stess, iżommuna milli ngawdu l-ħbiberija ta’ xulxin li tista’ tkun fost l-akbar barkiet ta’ ħajjitna. Per eżempju, aħna n-nisa li aħna ftit akbar fiż-żmien għandna bżonn dak li għandkom x’ toffru intom it-tfajliet tal-Primarja. Nistgħu verament nitgħallmu minnkom kif nistgħu nservu u nħobbu kif irid Kristu.

M’ilux smajt storja mill-isbaħ dwar tifla żgħira jisimha Sarah, li ommha kellha l-opportunità li tgħin mara oħra fil-qasam tagħha jisimha Brenda, li kienet tbati mill-isklerosi multipla. Sarah kienet tħobb tmur m’ ommha biex tgħin lil Brenda. Hija kienet tidlek idejn Brenda bl-ingwent u timmassaġġjalha subgħajha u dirgħajha peress li spiss kienet tkun muġugħa. Sarah mbagħad tgħallmet kif bil-ħlewwa tgħolli dirgħajn Brenda għal wara rasha bħala eżerċizzju għall-muskoli tagħha. Sarah kienet tippetna xagħar Brenda waqt li ommha kienet tieħu ħsieb tagħmlilha xi affarijiet oħra. Sarah tgħallmet l-importanza u l-ferħ li taqdi xi persuna oħra u bdiet tifhem li anke daqsxejn ta’ tifla setgħet tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ ħaddieħor.

Verament jogħġobni l-eżempju li nsibu fl-ewwel kapitlu ta’ Luqa li jiddeskrivi ir-relazzjoni ħelwa ta’ bejn Marija, omm Ġesù, u l-kuġina tagħna Eliżabetta. Marija kienet mara żagħżugħa meta ġiet mgħarrfa dwar il-missjoni mill-aktar rimarkabbli tagħha li tkun omm l-Iben ta’ Alla. Għall-ewwel kienet tidher bħala responsabbiltà kbira wisq biex iġġorrha weħidha. Kien il-Mulej Innifsu li lil Marija pprovdielha persuna sabiex tgħinha ġġorr it-tagħbija. Permezz tal-messaġġ tal-anġlu Gabrijel, Marija ġiet mogħtija l-isem ta’ mara li tafdaha u tifhimha, u li lejha setgħet iddur għas-sapport—il-kuġina tagħna Eliżabetta.

Ix-xebba żagħżugħa u l-kuġina tagħha, li kienet “imdaħħla fiż-żmien,” 4 kellhom rabta komuni bejniethom għax it-tnejn li huma kellhom tqala mirakoluża, u nista’ nimmaġina kemm kienu importanti għalihom it-tnejn dawk it-tliet xhur li qattgħu flimkien li fihom setgħu jitkellmu flimkien, jissimpatizzaw ma’ xulxin u jissapportjaw lil xulxin fis-sejħa unika tagħhom. X’ eżempju mill-isbaħ ta’ nisa ta’ etajiet differenti li kienu daqshekk ta’ sapport għal xulxin.

Dawk fostna li aħna ftit aktar maturi jista’ jkollna influwenza tremenda fuq il-ġenerazzjonijiet aktar żgħażagħ. Meta ommi kienet għadha daqsxejn ta’ tifla żgħira, ħadd mill-ġenituri tagħha ma kien attiv fil-Knisja. Anke meta kellha biss ħames snin, kienet timxi weħidha sal-knisja biex tattendi l-laqgħat tagħha—il-Primarja, l-Iskola tal-Ħadd u l-laqgħa tas-sagrament—u kollha f’ ħinijiet differenti.

M’ilux staqsejt lil ommi kif kien jirnexxielha tkompli tagħmel dan ġimgħa wara ġimgħa mingħajr ebda sapport jew inkuraġġiment mill-familja tagħha. It-tweġiba tagħha kienet: “Kelli għalliema tal-Primarja li kienu jħobbuni.” Dawk l-għalliema kienu jagħtu kasha u għallmuha l-evanġelju. Għallmuha li hi kellha Missier fis-Smewwiet, li kien iħobbha, u kien peress li kienu jieħdu ħsiebha tant li hija kompliet tattendi ġimgħa wara l-oħra. Ommi qaltli, “Dik kienet waħda mill-aktar influwenzi importanti fl-ewwel snin ta’ ħajti.” Nixtieq li xi darba nkun nista’ nirringrazzja lil dawk in-nisa meraviljużi! Meta niġu biex inservu kif iridna Kristu m’ hemmx età.

Ftit tal-ġimgħat ilu, jiena ltqajt ma’ waħda li hi president tat-Tfajliet tal-wited ġewwa Kalifornja li qaltli li ommha li għandha 81 sena m’ilux ġiet imsejħa bħala kunsilliera fil-klassi Mia Maid, Dan wassalni biex mort u ċempilt lil ommha. Meta l-isqof ta’ Sister Val Baker talabha biex jiltaqa’ magħha, hija kienet qed tistenna li jsejħilha bħala librara jew studjuża tal-istorja tal-qasam. Meta talabha biex isservi bħala kunsilliera tat-Tfajliet fil-klassi Mia Maid, ir-reazzjoni tagħha kienet, “Inti ċert minn dan?”

L-isqof tagħha b’ mod solenni weġibha, “Sister Baker, tinkwetax; din hija sejħa mill-Mulej.”

Hija qalet li ma l-ebda tweġiba għal dak ħlief, “Bla dubju.”

Kemm laqtitni l-ispirazzjoni li ħass l-isqof li l-erba’ tfajliet fil-klassi Mia Maid fil-qasam tiegħu setgħu verament jitgħallmu mill-għerf, l-esperjenza u l-eżempju ta’ ħajjet din l-oħt matura. U aqtgħu għand min tmur Sister Baker meta jkollha bżonn min jgħinnha fil-paġna tal-Facebook tagħha?

Jiena naf kemm l-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna jistgħu jkunu ta’ siwi billi jilqgħu magħhom lil dawk in-nisa żgħażagħ li sa ftit taż-żmien qabel kienu jattendu l-klassi tat-Tfajliet. Dawn in-nisa żgħażagħ ħafna drabi jħossuhom li m’hemmx posthom fis-Soċjetà tal-Għajnuna għax iħossu li m’ għandhom xejn komuni mal-membri li jiffurmaw parti minnha. Qabel jagħalqu t-tmintax, huma jkollhom bżonn li l-mexxejja tat-Tfajliet u l-istess ommijiethom jixhdu magħhom b’ ferħ dwar il-barkiet kbar tas-Soċjetà tal-Għajnuna. Hemm bżonn li huma jħossuhom entużjasti li jsiru parti minn organizzazzjoni daqshekk glorjuża. Meta t-tfajliet jibdew jattendu s-Soċjetà tal-Għajnuna, l-aktar ħaġa li għandhom bżonn hi li jkollhom ħabiba li jistgħu joqogħdu bilqiegħda ħdejha, li jkollhom driegħ wara spallejhom, u opportunità li jgħallmu u jservu. Ejjew nippruvaw ngħinu lil xulxin waqt mumenti ta’ transizzjoni u sinifikanti f’ ħajjitna.

Nirringrazzja lin-nisa kollha tal-Knisja li qed jippruvaw jilħqu lill-oħrajn, mingħajr ma jagħtu kas id-differenza fl-età u fil-kultura, sabiex iberkuhom u jaqduhom. It-tfajliet jinsabu jaqdu kemm lit-tfal tal-Primarja kif ukoll lill-anzjani. Aħwa nisa mhux miżżewġa ta’ etajiet varji jqattgħu sigħat sħaħ jgħinu fil-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarhom. Minn hawnhekk insellmu lill-eluf ta’ tfajliet li qed jiddedikaw 18-il xahar minn ħajjithom biex jaqsmu l-evanġelju mad-dinja. Dak kollu huwa evidenza li, kif tiddikjara l-għanja sabiħa tagħna, “Il-ħidma tal-anġli ġiet fdata f’ idejn in-nisa.”5

Jekk jeżistu ċerti ħitan, dan għaliex aħna stess bnejniehom. Għandna nieqfu nikkonċentraw fuq id-differenzi tagħna u għandna nibdew infittxu dak li hemm komuni bejnietna; hekk biss inkunu nistgħu nagħrfu l-ogħla potenzjal tagħna u niksbu l-aħjar fid-dinja. Sister Marjorie P. Hinckley darba qalet, “O, kemm għandna bżonn lil xulxin. Dawk fostna li aħna anzjani għandna bżonn liż-żgħażagħ. U, nittama, li intom li għadkom żgħar għandkom bżonn ta’ xi wħud minna li aħna anzjani. Huwa fatt soċjoloġiku li n-nisa għandhom bżonn lin-nisa. Għandna bżonn ħbiberija bejnietna li hi soda, leali u tissodisfana.”6 Sister Hinckley kellha raġun; O, kemm għandna bżonn lil xulxin!

Ħuti, m’ hawn l-ebda grupp ieħor ta’ nisa fid-dinja li għandu aċċess għal barkiet akbar daqs kemm għandna aħna n-nisa Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Aħna membri tal-Knisja tal-Mulej, u huma x’ inhuma ċ-ċirkustanzi individwali tagħna, aħna lkoll nistgħu ngawdu l-barkiet kollha tal-qawwa tas-saċerdozju billi nżommu l-patti li għamilna fil-magħmudija u fit-tempju. Aħna għandna profeti ħajjin li jmexxuna u jgħallmuna, u aħna ngawdu d-don kbir tal-Ispirtu s-Santu, li jservi ta’ faraġ u gwida f’ ħajjitna. Aħna mberkin li ninsabu naħdmu id f’ id ma’ ħutna twajba tas-saċerdozju sabiex insaħħu d-djar u l-familji. Aħna għandna aċċess għall-qawwa tal-ordinanzi tat-tempju u ferm aktar.

Barra li nistgħu ngawdu dawn il-barkiet meraviljużi, aħna għandna wkoll lil xulxin—aħwa fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Aħna ġejna mberkin b’ natura ġentili u karitabbli li tagħtina ċ-ċans li noffru mħabba u servizz kif irid Kristu lil dawk ta’ madwarna. Hekk kif inħarsu lil hinn mid-differenzi tagħna minħabba età, kultura u ċ-ċirkustanzi personali tagħna biex nieħdu ħsieb u naqdu lil xulxin, aħna nimtlew bl-imħabba pura ta’ Kristu u bl-ispirazzjoni li twassalna biex inkunu nafu meta u lil min għandna nservu.

Sa nagħmlilkom stedina li kienet diġà saret qabel mill-president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna li qalet, “Nistedinkom sabiex mhux biss tħobbu lil xulxin aktar iżda tħobbu lil xulxin aħjar.7 Jalla nirrealizzaw kemm għandna bżonn lil xulxin, u jalla lkoll kemm aħna nħobbu lil xulxin aħjar, hija t-talba tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Barbara B. Smith, “The Bonds of Sisterhood,” Ensign, Mar. 1983, 20–23.

  2. Doctrine and Covenants 38:27.

  3. Patricia T. Holland, “‘One Thing Needful’: Becoming Women of Greater Faith in Christ,” Ensign, Ott. 1987, 29.

  4. Luqa 1:7.

  5. “As Sisters in Zion,” Hymns, no. 309.

  6. Glimpses into the Life and Heart of Marjorie Pay Hinckley, ed. Virginia H. Pearce (1999), 254–55.

  7. Bonnie D. Parkin, “Choosing Charity: That Good Part,”Ensign jew Liahona, Nov. 2003, 106.

Ipprintja