2010-2019
Għeruq u Friegħi
April 2014


Għeruq u Friegħi

Fi żmienna huwa ferm essenzjali li nħaffu l-ħidma tal-istorja tal-familja u tat-tempju għas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni tal-familji.

Qabel il-mewt tiegħu mill-marda tal-kanċer fl-1981, il-kittieb kontroversjali William Saroyan qal lill-membri tal-istampa, “Kulħadd irid imut, iżda jien dejjem emmint li fil-kas tiegħi kienet se ssir eċċezzjoni. Allura issa?”1

L-“allura issa” meta f’ din il-ħajja tkun qed tħabbat wiċċek mal-mewt u l-“allura issa” fil-kontemplazzjoni tal-ħajja wara l-mewt huma fil-qalba tal-mistoqsijiet tar-ruħ li l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu jwieġeb b’ mod mill-isbaħ fil-pjan ta’ ferħ tal-missier.

F’ din il-ħajja aħna nidħqu, nibku, naħdmu, nilagħbu, ngħixu u mbagħad immutu. Ġob jistaqsi l-mistoqsija konċiża, “Jista’ bniedem imut u jerġa’ għall-ħajja?”2 It-tweġiba hija Iva ċara u tonda, minħabba s-sagrifiċċju tat-tpattija tas-Salvatur. Parti mill-ispjegazzjoni introduttorja li ta Ġob għal din il-mistoqsija hi mill-aktar interessanti: “Il-bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira. … Bħal warda jiftaħ u mbagħad jidbiel. … Siġra għallinqas għandha tama li jekk tinqata’ terġa’ ttella’ u ma jiġux nieqsa ż-żraġen tagħha … u tagħmel il-friegħi bħal xitla ġdida.”3

Il-pjan ta’ Missierna huwa kollu dwar il-familja. Ħafna mill-aktar skrittura emozzjonali li aħna għandna tuża l-kunċett tas-siġra bl-għeruq u l-friegħi tagħha bħala analoġija.

Fil-kapitlu li jagħlaq it-Testment il-Qadim, Malakija, meta kien qed jiddeskrivi t-Tieni Miġja tas-Salvatur, juża din l-analoġija b’ mod mill-aktar qawwi. Meta beda jsemmi n-nies ħżiena u mkabbra, huwa nnota li huma sa jinħarqu bħat-tiben u “ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa.”4 Malakija jagħlaq dan il-kapitlu bil-wegħda assiguranti tal-Mulej :

Ara, jien nibgħatilkom ‘l Elija l-profeta qabel ma jasal jum il-Mulej u jum il-biża’:

“U jdawwar qalb il-missirijiet lejn uliedhom u qalb l-ulied lejn missirijiethom, li ma niġix naħbat għall-art u nħalliha tinqered.”5

Fi sbieħ ir-Restawrazzjoni, Moroni reġa’ enfasizza dan il-messaġġ fl-ewwel struzzjoni li huwa ta liż-żagħżugħ Joseph Smith fl-1823.6

Nies Insara u Lhud minn madwar id-dinja aċċettaw ir-rakkont ta’ Elija kif jinsab fit-Testment il-Qadim.7 Huwa kien l-aħħar profeta li ħaddan il-qawwa tas-siġill tas-Saċerdozju Melkisedeku qabel iż-żmien li fih ġie Ġesù Kristu.8

Elija Jirrestawra l-Imfietaħ

Ir-ritorn ta’ Elija seħħ fit-Tempju ta’ Kirtland fit-3 ta’ April, 1836. Huwa ddikjara li kien qed iwettaq il-wegħda ta’ Malakija. Huwa ta l-imfietaħ tas-saċerdozju għas-siġill tal-familji f’ din id-dispensazzjoni.9 Il-missjoni ta’ Elija hija assistita b’ dak li xi kultant insejħulu l-ispirtu ta’ Elija, li, kif għallem il-Presbiteru Russell M. Nelson, huwa “manifestazzjoni tal-Ispirtu s-Santu li jagħti xhieda tan-natura divina tal-familja.”10

Is-Salvatur kien ċar ferm dwar il-bżonn tal-magħmudija. Huwa għallem, “Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-saltna ta’ Alla.”11 Is-Salvatur stess tgħammed sabiex jagħtina eżempju. Xi ngħidu dwar dawk li mietu u qatt ma tgħammdu?

Id-Duttrina tal-Ħidma tat-Tempju u l-Istorja tal-Familja

Fil-11 ta’ Ottubru, 1840, ġewwa Nauvoo, Vilate Kimball kitbet ittra lir-raġel tagħha, il-Presbiteru Heber C. Kimball, li flimkien ma’ membri oħra tat-Tnax kien qed iservi missjoni fir-Renju Unit. Il-konferenza ġenerali ta’ Ottubru kienet għadha kif ittellgħet ftit jiem qabel.

Sa nikkwota parti mill-ittra personali ta’ Vilate: “Kellna l-aktar konferenza kbira u interessanti li qatt kellna minn meta ġiet organizzata l-Knisja. … Il-President [Joseph] Smith introduċa suġġett ġdid u glorjuż. … li huwa, li nitgħammdu għall-mejtin. Pawlu jitkellem dwar dan, f’ kapitlu 15, vers 29 fl-Ewwel Korintin. Permezz ta’ rivelazzjoni Joseph irċieva spjegazzjoni aktar ċara dwar dan. Huwa jgħid li huwa l-privileġġ tal-membri ta’ din il-Knisja li jitgħammdu f’ isem l-antenati kollha tagħhom li mietu qabel ma ġie rrestawrat dan l-evanġelju. … Jekk nagħmlu hekk, aħna nkunu qed nagħmluha ta’ aġenti għalihom, u nagħtuhom il-privileġġ li jqumu fl-Ewwel Reżurezzjoni. Huwa qal li l-evanġelju jiġi ppridkat lilhom ġol-ħabs.”

Vilate kompliet: “Jiena rrid nitgħammed għal ommi. … Mhijiex din duttrina glorjuża?”12

Id-duttrina essenzjali li tgħaqqad il-familji ksibnieha linja wara linja u preċett wara preċett. Dawn l-ordinanzi f’ isem ħaddieħor huma fil-qalba tad-duttrina li torbot flimkien il-familji eterni, fejn tgħaqqad l-għeruq mal-friegħi.

Id-duttrina tal-familja f’ relazzjoni mal-istorja tal-familja u l-ħidma tat-tempju hija waħda ċara. Fl-ewwel struzzjonijiet li l-Mulel żvela dwar dan Huwa rrefera għall-”magħmudja tal-mejtin tagħkom,”13 L-obbligu duttrinali tagħna huwa lejn l-antenati tagħna. Dan peress li l-organizzazzjoni ċelestjali fis-smewwiet hija bbażata fuq il-familji.14 L-Ewwel Presidenza ħeġġet lill-membri, speċjalment liż-żgħażagħ u l-adulti żgħażagħ single biex jagħmlu enfażi fuq il-ħidma tal-istorja tal-familja u fuq l-ordinanzi għall-membri tal-familja tagħhom u l-antenati tal-membri tal-qasam jew wited tagħhom.15 Irridu ningħaqdu kemm mal-għeruq kif ukoll mal-friegħi. L-idea li nistgħu nagħmlu kuntatt mal-isfera etern hija verament waħda glorjuża.

Tempji

Wilford Woodruff indika li l-Prophet Joseph Smith għex ħajja twila biżżejjed li fiha bena l-pedament tal-ħidma tat-tempju. L-aħħar darba li hu, Joseph Smith, qatt iltaqa’ mal-Kworum tat-Tnax kien meta tahom l-għotja mqaddsa tagħhom.”16

Wara l-martirju tal-Profeta, il-Qaddisin lestew it-Tempju ta’ Nauvoo, u l-qawwa tas-siġill intużat biex tbierku eluf ta’ membri fidili qabel l-esodu tagħhom lejn Mountain West. Tletin sena wara, meta tlesta it-Tempju ta’ St. George, il-President Brigham Young innota s-sinifikat etern tal-ordinanzi tas-salvazzjoni li finalment ġew disponibbli kemm għall-ħajjin kif ukoll għall-mejtin.17

Dan hu ddikjarat b’ mod ċar mill-President Wilford Woodruff: “Probabbilment qatt ma ħassejtni daqshekk kuntent b’ xi prinċipju li qatt xi darba żvela l-Mulej daqs kemm ħassejtn fil-fidwa tal-mejtin tagħna; li aħna jkollna lil missirijietna, lil ommijietna, lin-nisa tagħna u l-uliedna magħna fl-organizzazzjoni tal-familja, fl-għodwa tal-ewwel reżurezzjoni u fis-Saltna Ċelestjali. Dawn huma prinċipji grandjużi. Minħabba fihom kull sagrifiċċju hu vallapena.”18

Kemm qed ngħixu fi żmien sabiħ. Din hija l-aħħar dispensazzjoni, u nistgħu nħossu li teżisti ċerta urġenza fil-ħidma tas-salvazzjoni f’ kull ħaġa li fiha hemm l-ordinanza tas-salvazzjoni.19 Illum għandna tempji madwar id-dinja li jipprovdu dawn l-ordinanzi tas-salvazzjoni. Li nattendu t-tempju biex niġġeddu spiritwalment u biex insibu l-paċi, is-sigurtà u d-direzzjoni f’ ħajjitna hija wkoll barka kbira.20

Anqas minn sena minn meta l-President Thomas S. Monson ġie msejjaħ bħala Appostlu, huwa ddedika l-Librerija Ġeneoloġika tat-Tempju ta’ Los Angeles. Huwa tkellem dwar antenati mejta “li jinsabu jistennew il-jum meta intom u jiena nagħmlu r-riċerka tagħna li hi neċessarja biex dan kollu jsir possibbli għalihom, … kif ukoll mmorru fid-dar ta’ Alla u nwettqu dik il-ħidma … li huma … ma jistgħux iwettqu.”21

Meta dak li kien il-Presbiteru Monson wassal dawk ir-rimarki dedikatorji fl-20 ta’ Ġunju, 1964, kull ma kien hawn jiffunzjonaw kienu biss 12-il tempju. Matul il-perjodu li fih il-President Monson serva fil-kunsilli ogħla tal-Knisja, saret id-dedikazzjoni inizjali għal 130 tempju mill-142 li jinsabu jiffunzjonaw bħalissa. Mhi xejn ħlief ħaġa mill-aktar mirakoluża li fiż-żmienna tara b’liema rata qed titħaffef il-ħidma tas-salvazzjoni. Tmienja u għoxrin tempju ieħor ġew imħabbra u jinsabu f’ xi stadju jew ieħor li jitlestew. Ħamsa u tmenin fil-mija tal-membri tal-Knisja illum joqogħdu f’ medda ta’ 200 mil (320 km) minn xi wieħed minn dawn it-tempji.

It-Teknoloġija tal-Istorja tal-Familja

It-teknoloġija tal-istorja tal-familja avvanzat ukoll b’ mod drammatiku. F’ Marzu tal-1994, il-President Howard W. Hunter iddikjara: “Bdejna nużaw it-teknoloġija informatika sabiex inħaffu l-ħidma sagra li nipprovdu l-ordinanzi għall-mejtin tagħna. L-irwol tat-teknoloġija … ġie mħaffef b’ rata mgħaġġla mill-Mulej innifsu. … Madankollu, għadna biss fil-bidu ta’ dak li aħna nistgħu nagħmlu b’ din l-għodda.”22

F’ dawn id 19-il sena minn dik id-dikjarazzjoni profetika, ir-rata mgħaġġla li bih avvanzat it-teknoloġija kważi bilkemm titwemmen. Waħda omm ta’ tfal żgħar li għandha 36 sena m’ilux qaltli, “Aħseb ftit—minn listi sħaħ ta’ ismijiet fuq il-microfilm ġewwa ċentri dedikati għall-istorja tal-familja, avvanzajna tant li llum nista’ noqgħod bilqiegħda bil-kompjuter mal-mejda tal-kċina tiegħi nagħmel l-istorja tal-familja wara li wliedi jkunu marru jorqdu.” Ħuti, illum iċ-ċentri tal-istorja tal-familja jinsabu f’ darna.

Il-ħidma tat-tempju u l-istorja tal-familja mhijiex biss għalina. Aħsbu f’ dawk fuq in-naħa l-oħra tal-velu li jinsabu jistennew għall-ordinanzi tas-salvazzjoni li jeħilsuhom mill-jasar tal-ħabs tal-ispirti. It-tifsira ta’ ħabs hija “stat ta’ priġunerija jew jasar.”23 Dawk li jinsabu fil-jasar jafu jistaqsu l-mistoqsija li għamel William Saroyan: “Allura issa?”

Waħda oħt fidila qasmet l-esperjenza spiritwali speċjali li hija kellha fit-Tempju ta’ Salt Lake. Waqt li kienet fil-kamra tal-konferma, wara li kienet għadha kif intemmet ordinanza ta’ konferma f’ isem ħaddieħor, hija semgħet vuċi tgħid, “U l-ħabsi jista’ jiġi meħlus!” Hija ħasset sens kbir ta’ urġenza għal dawk li kienu jinsabu jistennew għall-ħidma tal-magħmudija u l-konferma tagħhom. Wara li marret lura d-dar, hija fittxet fl-iskrittura l-frażi li kienet semgħet. Hija sabet id-dikjarazzjoni ta’ Joseph Smith f’ sezzjoni 128 tad-Duttrina u Patti: “Ħallu lil qalbkom tifraħ, u kunu verament kuntenti. Ħallu lid-dinja tinfexx fil-kant. Ħallu lill-mejtin ilissnu innijiet ta’ tifħir etern lis-Sultan Immanuel, li ordna, minn qabel ma nħolqot id-dinja, dak li jagħmilha possibli għalina li nifduhom mill-ħabs tagħhom; għax il-ħabsin jistgħu jiġu meħlusa..”24

Il-mistoqsija hi, x’ irridu nagħmlu? Il-kunsill tal-Profeta Joseph kien li fit-tempju nippreżentaw “ir-reġistri tal-mejtin tagħna, li jilqgħuha għal kollox.”25

Il-tmexxija tal-Knisja ħarġet sejħa ċara lil dawk tal-ġenerazzjoni li għadha tiela’ sabiex huma jkunu fuq quddiem biex imexxu l-użu tat-teknoloġija ħalli jesperjenzaw l-ispirtu ta’ Elija, li jfittxu lill-antenati tagħhom u li jwettqu l-ordinanzi tat-tempji għalihom.26 Ħafna mill-aktar xogħol diffiċli fil-ħidma tas-salvazzjoni, kemm għall-ħajjin kif ukoll għall mejtin, sa jsir minnkom iż-żgħażagħ.27

Jekk iż-żgħażagħ f’ kull qasam mhux biss imorru t-tempju u jagħmlu l-magħmudijiet għall-mejtin tagħhom iżda jaħdmu wkoll mal-familji tagħhom u ma’ membri oħra tal-qasam sabiex jipprovdu l-ismijiet tal-familja għall-ħidma tal-ordinanzi li huma jwettqu, kemm huma kif ukoll il-Knisja jiġu mberkin bil-kbir. Qatt tinjora l-influwenza tal-mejtin fl-assistenza tagħhom fl-isforzi tagħkom u l-ferħ li intom ultimament tħossu kif tiltaqgħu magħhom. Il-barka eternament sinifikanti li ngħaqqdu lill-familji tagħna hija ferm aktar milli nistgħu qatt nimmaġinaw.28

Fis-sħubija dinjija tal-Knisja, wieħed u ħamsin fil-mija tal-adulti bħalissa m’ għandhomx iż-żewġ ġenituri tagħhom it-tnejn li huma fis-sezzjoni tas-Siġra tal-Familja tas-sit tal-Knisja fuq l-internet FamilySearch. Ħamsa u sittin fil-mija tal-adulti m’għandhomx l-erba’ nanniet imniżżlin.29 Ftakru, aħna mingħajr l-għeruq u l-friegħi tagħna ma nistgħux niġu salvati. Il-membri tal-Knisja għandhom bżonn jiksbu u jirreġistraw din l-informazzjoni tant importanti.

Finalment aħna għandna d-duttrina, it-tempji u t-teknoloġija sabiex il-familji jwettqu din il-ħidma glorjuża ta’ salvazzjoni. Sa nissuġġerixxi mod kif dan jista’ jseħħ. Il-familji jistgħu itellgħu “Laqgħa tas-Siġra tal-Familja.” Din m’għandhiex tkun attività ta’ darba biss. Kulħadd għandu jġib miegħu stejjer eżistenti tal-familja, rakkonti u ritratti, fosthom affarijiet li kienu għall-qalb il-nanniet u l-ġenituri. Iż-żgħażagħ tagħna għandhom fihom entużjażmu biex jitgħallmu dwar il-ħajja tal-membri tal-familja tagħhom—minn fejn ġew u kif għexu. Fosthom kienu ħafna li qalbhom diġà daret lejn missirijiethom. Huma jħobbu l-istejjer u r-ritratti, u huma kapaċi teknoloġikament li jiskenjaw u japplowdjaw dawn l-istejjer u r-ritratti fis-Siġra tal-Familja u jikkonettjaw id-dokumenti tas-sors mal-antenati sabiex jippreservawhom għal dejjem. Bla dubju, l-oġġettiv ewlieni hu li niddeterminaw liema ordinanzi għad irid jitwettqu u jagħmlu dak li hu meħtieġ biex titwettaq din il-ħidma essenzjali tat-tempju. Tistgħu tużaw il-ktejjeb Il-Familja biex jgħinkom tirreġistraw l-informazzjoni, l-istejjer u r-ritratti tal-familja li wara tistgħu tapplowdjawhom fis-Siġra tal-Familja.

L-impenn u l-istennija tal-familja għandhom ikunu l-ogħla prijorità tagħna biex nipproteġu d-destin divin tagħna. Għal dawk li qed ifittxu li jqattgħu jum is-Sabbath tagħhom bħala familja b’ mod aktar produttiv, l-urġenza ta’ din il-ħidma tinsab quddiemkom. Waħda omm b’ ferħ tirrakonta kif binha ta’ 17-il sena jintafa’ fuq il-kompjuter kull nhar ta’ Ħadd wara l-Knisja sabiex jagħmel il-ħidma tal-istorja tal-familja u kemm binha ta’ 10 snin iħobb jisma’ l-istejjer u jara r-ritratti tal-antenati tiegħu. Dan wassal biex il-famila kollha titbierek billi tesperjenza l-ispirtu ta’ Elija. L-għeruq u l-friegħi prezzjużi tagħna għandna nieħdu ħsiebhom.

Ġesù Kristu ta ħajtu bħala att tal-fidwa f’ isimna lkoll. Huwa rriżolva l-mistoqsija li għamel Ġob. Huwa rebaħ il-mewt għall-umanità kollha, ħaġa li ma nistgħux nagħmlu għalina nfusna. Aħna nistgħu, madankollu, inwettqu ordinanzi f’ isem ħaddieħor u b’ hekk insiru salvaturi fuq l-Għolja Sijon30 għall-familji tagħna sabiex aħna, magħhom, nistgħu niksbu l-eżaltazzjoni kif ukoll is-salvazzjoni.

Jiena nagħti x-xhieda tiegħi tas-sagrifiċju tat-tpattija tas-Salvatur u taċ-ċertezza tal-pjan tal-Missier għalina u għall-familji tagħna. F’ isem Ġesù Kistu, amen.

Noti

  1. William Saroyan, in Henry Allen, “Raging against Aging,” Wall Street Journal, Diċ. 31, 2011–Jan. 1, 2012, C9.

  2. Ġob 14:14.

  3. Ġob 14:1, 2, 7, 9.

  4. Malakija 4:1. Riċentiment għadd ta’ artikli rrappurtaw li n-numru ta’ nies li qed jagħżlu li ma jkollomx tfal sabiex jgħollu l-livell ta’ għixin tagħhom qiegħed jiżdied b’ mod sinifikattiv (ara Abby Ellin, “The Childless Plan for Their Fading Days,” New York Times, 15 ta’ Frar, 2014, B4). B’ riżultat ta’ dawn l-għażliet individwali l-popolazzjoni ta’ bosta pajjiżi qiegħda tonqos. Xi kultant din jirreferu għaliha bħala “x-xitwa demografika” (ara The New Economic Reality: Demographic Winter [documentary], byutv.org/shows).

  5. Malakija 4:5–6.

  6. Ara History of the Church, 1:12; Doctrine and Covenants 2.

  7. Il-Lhud ilhom 2,400 sena jistennew il-miġja ta’ Elija. Sal-lum, fl-ikla annwali tagħhom, huma jħallu post vojt għalih u jmorru jittawlu mill-bieb ta’ barra jittamaw li huwa wasal biex iħejji għall-miġja tal-Messija.

  8. Ara Bible Dictionary, “Elijah.”

  9. Ara Doctrine and Covenants 110:14–16; ara wkoll Doctrine and Covenants 2.

  10. Russell M. Nelson, “A New Harvest Time,” Ensign, Mejju 1998, 34.

  11. Ġwanni 3:5.

  12. Vilate M. Kimball lil Heber C. Kimball, 11 ta’  Ott, 1840, ittri ta’ Vilate M. Kimball, Librerija tal-Istorja tal-Knisja; spellut u kapitalizzat b’ mod standard.

  13. Doctrine and Covenants 127:5; enfażi miżjuda.

  14. Ara Teachings of Presidents of the Church: Joseph Fielding Smith (2013), 68.

  15. Ara ittra tal-Ewwel Presidenza, 8 ta’  Ott, 2012.

  16. Ara The Discourses of Wilford Woodruff, sel. G. Homer Durham (1946), 147.

  17. Brigham Young iddikjara, “Kulma rrid hu li nara lil dan il-poplu jiddedika flusu u l-interessi tiegħu għall-bini tas-saltna ta’ Alla, għall-bini ta’ tempji u fihom jagħmel l-ordinanzi għall-ħajjin u l-mejtin … sabiex huma jkunu jistgħu jiġu nkurunati bħala wlied is-Setgħan” (Deseret News, Sett. 6, 1876, 498). Il-magħmudiji għall-mejtin bdew isiru fid-9 ta’  Jannar, 1877 u l-għotji mqaddsa għall-mejtin ġew imwettqa jumejn wara. Lucy B. Young espremiet il-ferħ ta’ dan kollu fejn qalet li “qalbha kienet mimlija bl-għarfien li l-antenati mejtin tagħha kienu se jilqgħuha b’dirgħajhom miftuħa, kif ilkoll niġu milqugħin minn dawk li ma jistgħux iwettqu din il-ħidma għalihom infushom” (f’ Richard E. Bennett, “‘Which Is the Wisest Course?’ The Transformation in Mormon Temple Consciousness, 1870–1898,” BYU Studies Quarterly, vol. 52, no. 2 [2013], 22).

  18. Teachings of Presidents of the Church: Wilford Woodruff (2004), 192–93.

  19. Il-President Wilford Woodruff (li hu magħruf li kien wieħed mill-akbar missjunarji ta’ kull żmien fost il-ħajjin), tkellem dwar il-ħidma għall-mejtin, meta qal: “Jiena nħares lejn din il-parti tal-ministeru tagħna bħala missjoni ta’ importanza ferm akbar milli meta nippridkaw lill-ħajjin; il-mejtin jisimgħu l-vuċi tal-qaddejja ta’ Alla fid-dinja tal-ispirti, u huma ma jistgħux iqumu fl-għodwa tal-ewwel reżurezzjoni, jekk aħna ma nwettqux għalihom ċerti ordinanzi.” Huwa qal ukoll, “Teħtieġ enerġija biex issalva raġel mejjet … daqs kemm teħtieġ għal raġel ħaj” (Teachings of Presidents of the Church: Wilford Woodruff, 188).

  20. Il-President Howard W. Hunter stieden lill-membri tal-Knisja sabiex imorru ta’ spiss it-tempju “għall-barka personali li jqimu fit-tempju, għall-qdusija u s-sigurtà li tinsab bejn dawk il-ħitan imqaddsa u kkonsagrati. … huwa mqaddes lill-Mulej. Għandu jkun imqaddes għalina wkoll” (“The Great Symbol of Our Membership,”Ensign, Ott. 1994, 5;Tambuli, Nov. 1994, 6).

  21. “Messages of Inspiration from President Thomas S. Monson,” Church News, Diċ. 29, 2013, 2.

  22. Howard W. Hunter, “We Have a Work to Do,” Ensign, Mar. 1995, 65.

  23. Merriam-Webster’s Collegiate Dictionary, 11th ed. (2003), “prison.”

  24. Doctrine and Covenants 128:22; ara wkoll Doctrine and Covenants 138:42. “Qabel inħolqot id-dinja, il-Mulej ordna dak li jagħti ċ-ċans li l-ispirti fil-ħabs jiġu mifdija” (werrej għall-ġabra tripla, “Prison”).

  25. Doctrine and Covenants 128:24.

  26. Ara ittra tal-Ewwel Presidenza, Ott. 8, 2012; ara wkoll David A. Bednar, “The Hearts of the Children Shall Turn,”Ensign jewLiahona, Nov. 2011, 24–27; R. Scott Lloyd, “‘Find Our Cousins’: Apostle [Neil L. Andersen] Counsels LDS Youth at RootsTech Conference,” Church News, Frar 16, 2014, 8–9.

  27. Studju riċenti jindika li enfażi prinċipali għall-membri ta’ din il-ġenerazzjoni hi li jgħixu ħajja sinifikanti fejn huma “jagħtu lill-oħrajn u jorjentaw lilhom infushom għal għan ogħla” (Emily Esfahani Smith u Jennifer L. Aaker, “Millennial Searchers,” New York Times Sunday Review, Diċ. 1, 2013, 6).

  28. Ara Howard W. Hunter, “A Temple-Motivated People,”Ensign, Frar 1995, 2–5;Liahona, Mejju 1995, 2–7.

  29. Statistiċi pprovduti mid-Dipartiment tal-Istorja tal-Familja.

  30. Ara Għabadija 1:21.