2010-2019
Li Aħna Nżommu l-Patti Jipproteġina, Iħejjijna u Jqawwina
April 2014


Li Aħna Nżommu l-Patti Jipproteġina, Iħejjijna u Jqawwina

Aħna nisa ta’ etajiet varji li ħajjitna kkaratterizzata mill-patti, li ninsabu mexjin fit-triq tal-mortalità lura lejn il-preżenza Tiegħu.

Għeżież ħutna, aħna verament inħobbukom. Meta m’ilux kont qed inżur il-Messiku, stajt nesperjenza ftit minn dak li qed inħossu llejla bħala aħwa nisa magħqudin flimkien. Immaġinaw dan ix-xenarju: Kien il-Ħadd filgħodu u konna għadna kemm spiċċajna l-Primarja, u t-tfal, l-għalliema u jiena konna ninsabu ħerġin fil-kuritur mimli nies. F’ dak il-mument infetaħ il-bieb tal-klassi tat-Tfajliet u rajt ħerġin lit-tfajliet u l-mexxejja tagħhom. Ilkoll kemm aħna għannaqna lil xulxin. Bit-tfal iżommuni mid-dublett u n-nisa mdawrin miegħi, jiena ridt nesprimi s-sentimenti li ħassejt f’ dak il-mument.

Jiena ma nitkellimx bl-Ispanjol, għalhekk f’ moħħi ġie biss kliem bl-Ingliż. Ħarist f’ wiċċhom ilkoll u għedtilhom, “Aħna wlied Missierna tas-Smewwiet, li jħobbna u aħna nħobbuh.” F’ daqqa waħda kulħadd ingħaqad miegħi, bl-Ispanjol. Hemmhekk, f’ nofs dak il-kuritur mimli nies, tennejna flimkien it-tema tat-Tfajliet hekk kif flimkien għidna, “Aħna nieqfu bħala xhieda ta’ Alla, f’ kull ħin u f’ kollox u kullimkien,”

Illejla, ningħaqdu flimkien madwar id-dinja bħala dixxipli Tiegħu, b’ xewqa li niddefendu u nsostnu s-saltna ta’ Alla. Aħna wlied Missierna tas-Smewwiet. Aħna nisa ta’ etajiet varji li ħajjitna kkaratterizzata mill-patti li ninsabu mexjin fit-triq tal-mortalità lura lejn il-preżenza Tiegħu. Li aħna nżommu l-patti jipproteġina, iħejjijna u jqawwina.

Fostna għandna bniet li huma età tal-Primarja. Uħud minnkom m’ilkomx wisq li għamiltu l-ewwel pass fit-triq lejn il-ħajja eterna permezz tal-ordinanza tal-magħmudija.

Ħarsu madwarkom. Il-futur huwa mill-isbaħ hekk kif quddiemkom taraw nisa li huma wkoll għamlu ċerti patti u li lesti jiggwidawkom fit-triq li għandkom quddiemkom.

Jekk intom għandkom 8, 9 jew 10 snin jew 11-il sena, kemm jekk tinsabu fiċ-Ċentru tal-Konferenza, fid-dar tagħkom jew inkella f’ xi dar tal-laqgħat madwar id-dinja, tistgħu jekk jogħġobkom tqumu bilwieqfa? Nilqgħukom ilkoll għal-laqgħa ġenerali tan-nisa. Issa, jekk jogħġobkom ibqgħu bilwieqfa għaliex illejla nixtiequ nistednukom tipparteċipaw. Sa naqbad nkanta l-melodija ta’ għanja tal-Primarja. Malli tagħrfu l-melodija, tistgħu tibdew tkantaw miegħi? Issa, irridkom tkantaw ħalli jismagħkom kulħadd.

Għallimni nimxi fid-dawl ta’ mħabbtek;

Għallimni nitlob lil Missier bil-ferħ;

Għallimni nkun naf dak li huwa sew;

Għallimni int biex nimxi fid-dawl.

Ibqgħu bilwieqfa tfal, filwaqt li kulħadd minn 12-il sena ‘l fuq ikanta t-tieni vers.

Ejja ja tfajjel nitgħallmu flimkien

Il-kmandamenti li tagħna l-Missier

Biex nerġgħu lura fid-dar tas-smewwiet—

Dejjem, dejjem hemm nimxu fid-dawl.1

Xi ħlew. Tistgħu toqogħdu bilqiegħda. Grazzi.

Bħala nisa ta’ età varja, aħna nimxu fid-dawl Tiegħu. Il-vjaġġ tagħna fit-triq huwa wieħed personali u mdawwal sew bl-imħabba tas-Salvatur.

Aħna nidħlu mix-xatba tat-triq tal-ħajja eterna permezz tal-ordinanza u l-patt tal-magħmudija, u mbagħad nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Il-Presbiteru Robert D. Hales staqsiena, “Nifhmu [aħna] u jifhmu wliedna li meta [aħna] nitgħammdu ninbidlu għal dejjem?”

Huwa spjega wkoll li “meta aħna nifhmu l-patt tagħna tal-magħmudija u d-don tal-Ispirtu s-Santu, dan ibiddel ħajjitna u jiġi mistenni minna impenn totali għas-saltna ta’ Alla. Meta nħabbtu wiċċna mat-tentazzjoni, jekk nisimgħu sew, l-Ispirtu s-Santu jfakkarna li aħna wegħidna li niftakru lis-Salvatur u nobdu l-kmandamenti ta’ Alla.”2

Kull ġimgħa hekk kif nieklu u nixorbu mill-emblemi tas-sagrament, aħna nġeddu l-patti tagħna tal-magħmudija. Il-Presbiteru David A. Bednar qal: “Hekk kif nieqfu fl-ilmijiet tal-magħmudija, aħna naħsbu dwar it-tempju. “Hekk kif nieħdu sehem fis-sagrament, aħna naħsbu dwar it-tempju. Aħna nwiegħdu li dejjem niftakru fis-Salvatur u li nżommu l-kmandamenti Tiegħu bħala tħejjija biex nieħdu sehem fl-ordinanzi tat-tempju.”3

L-ordinanzi tat-tempju jwasslu għall-akbar barka li nistgħu niksbu permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Dawn huma dawk l-ordinanzi neċessarji għall-eżaltazzjoni tagħna fis-saltna ċelestjali. Hekk kif nagħmlu l-almu tagħna biex inżommu l-patti tagħna, is-sentimenti li jista’ jkollna li aħna nies imperfetti u kollha difetti jibdew iħalluna filwaqt li nibdew nagħrfu ferm aħjar it-tifsira tal-ordinanzi u l-patti tat-tempju. Kulħadd huwa mistieden li jimxi fit-triq li twassal għall-ħajja eterna.

Jiena nimmeravilja ruħi bil-qawwa spiritwali li rajt fil-bniet, fit-tfajliet u fin-nisa li ltqajt magħhom madwar id-dinja li saqajhom jinsabu weqfin sodi fuq din it-triq. Ippermettuli naqsam magħkom xi ftit eżempji ta’ bniet u nisa tal-patt li jiena ltqajt magħhom.

Luana kellha 11-il sena meta jiena mort inżur il-familja tagħha f’ Buenos Aires, l-Arġentina. Minħabba trawma li għaddiet minnha meta kienet ċkejkna, Luana ma titkellimx. Ilha snin ma titkellem. Hija baqgħet bilqiegħda kwieta hekk kif aħna lkoll bdejna nitkellmu bejnietna. Bdejt nittama li forsi mqar tlissen xi ħaġa minn taħt l-ilsien. Hija ħarset lejja b’ ċerta attenzjoni bħallikieku l-kliem ma kienx neċessarju biex jiena nsir naf x’ hemm ġewwa qalbha. Wara li għedna talba, qomna bilwieqfa biex imorru, u Luana tatni stampa f’ idi . Hija kienet penġiet lil Ġesù Kristu fil-Ġnien tal-Ġetsemani. F’ dak il-mument jiena għaraft ix-xhieda tagħha b’ mod mill-aktar ċar. Fil-magħmudija tagħha, Luana kienet għamlet patt li tieqaf bħala xhud ta’ Alla “f’ kull ħin u f’ kollox u kullimkien.”4 Hija fehmet l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, u wriet dan permezz tat-tpinġija tagħha. Tgħid saret taf li permezz tal-qawwa tal-Att tal-Fidwa, li ssaħħaħna u tagħtina s-setgħa, hija setgħet tfiq u terġa’ tibda titkellem? Minn dak iż-żmien ‘l hawn, Luana għamlet progress fl-isforzi tagħha li terġa’ titkellem. Issa hija qed tipparteċipa fil-klassi tat-Tfajliet flimkien ma’ sħabha. B’ fedeltà kbira lejn il-patt li hija għamlet fil-magħmudija, hija qed tkompli taqsam ix-xhieda tagħha tas-Salvatur.

Hawn żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha li huma interessati fit-tempji. F’ Lima, il-Peru, iltqajt ma’ missier u tlieta minn uliedu l-bniet quddiem l-entratura tat-tempju. F’ wiċċhom stajt nara d-dawl jiddi. Tnejn minn uliedu kellhom diżabbiltà severa u kienu jinsabu ġo siġġu tar-roti. It-tielet tifla, filwaqt li kienet qed tieħu ħsieb ħutha, spjegatli li d-dar kellha żewġ ħutha oħra. Huma wkoll kienu jinsabu f’ siġġu tar-roti. Kien diffiċli għalihom jivvjaġġaw 14-il siegħa sħaħ sat-tempju. It-tempju kien ifisser wisq għal dan il-missier u għal uliedu li dakinhar erbgħa minnhom kienu qed jattendu t-tempju—tnejn minnhom biex sempliċiment josservaw lil l-unika waħda li setgħet titgħammed għall-mejtin u twettaq dik l-ordinanza sagra. Bħal Nefi, huma “ferħu fil-patti tal-Mulej.”5

Jiena naf waħda mara mhux miżżewġa li verament tgħożż l-ordinanza ta’ kull ġimgħa tas-sagrament u l-wegħda sagra li hemm magħha “li [hija jkollha] dejjem l-Ispirtu tiegħu [magħha].”6 Li magħha jkollha dejjem dak is-sieħeb kostanti hija wegħda li tgħinha tiffaċċja s-sentimenti ta’ solitudni tagħha. Tagħtiha l-qawwa li tiddedika lilha nnifisha sabiex tiżviluppa t-talenti tagħha u x-xewqa li taqdi l-Mulej. Hija skopriet ferħ kbir hekk kif tadura lit-tfal kollha li tiltaqa’ magħhom f’ ħajjitha, u meta tkun trid issib il-paċi serena, hija tmur fit-tempju.

L-aħħar waħda hija mara anzjana li għandha fuq id-90 sena li f’ ħajjitha rat lit-tfal u n-neputijiet tagħha jikbru u lit-tfal tan-neputijiet jitwieldu fid-dinja. Bħal ħafna minna, kellha ħajja mimlija niket, sofferenza, u anki ferħ enormi. Hija tistqarr li kieku kellha tikteb l-istorja ta’ ħajjitha, kienet tagħżel li ma tinkludix uħud mill-kapitli li kienu nkitbu. Iżda, bi tbissima, hija qalet, “Jeħtieġ ngħix ftit ieħor u nara kif sa jkun it-tmiem!” Hija baqgħet tkompli żżomm soda mal-patti li għamlet tul it-triq.

Nefi għallem:

“Wara li tkunu dħaltu fit-triq stretta u dejqa, jiena nistaqsikom jekk hux biżżejjed? Araw, jiena ngħidilkom, Le. …

Għalhekk ibqgħu mexjin fit-triq b’ fidi soda fi Kristu, b’ tama qawwija perfetta u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. Għalhekk, jekk tibqgħu mexjin fit-triq, tiffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u tibqgħu sodi sat-tmiem, dan jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna.”7

Kull waħda minna tinsab f’ dik it-triq. Illejla kantajna dwar lil-mixjja tagħna tul it-mogħdija fid-dawl. Bħala individwi, aħna nies b’ saħħitna. Flimkien ma’ Alla, xejn ma jwaqqafna.

Il-Mulej qal lil Emma Smith, “Qawwi qalbek u ifraħ u żomm soda mal-patti li inti għamilt.”8

Aħna verament nifirħu li meta nżommu l-patti tagħna, aħna nħossu l-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet u tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Jiena nixhed li Huma jgħixu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja