Protezzjoni mill-Pornografija—Dar bi Kristu fiċ-Ċentru Tagħha
L-aqwa filter fid-dinja … huwa l-filter personali ta’ ġewwa fina li niksbuh permezz ta’ testimonjanza soda u kostanti.
Għeżież ħuti, illum jiena nħossni verament imbierka li fost din il-kongregazzjoni hawn preżenti l-akbar 13-il neputi u neputija fost dawk li għandi. Dan wassalni biex nistaqsi lili nnifsi, “X’ irrid li n-neputijiet tiegħi jkunu jafu?” Dalgħodu nixtieq nindirizza frankament lill-familja tiegħi u tagħkom.
Bħala mexxejja aħna qegħdin aktar ma mmorru aktar nitħassbu dwar il-qerda li l-pornografija qed tikkawża f’ ħajjet il-membri tal-Knisja u l-familji tagħhom. Satana jinsab jattakka b’ furur li qatt ma wera b’ daqstant qawwa.
Waħda mir-raġunijiet għalfejn ninsabu hawn fid-dinja hi biex nitgħallmu nimmaniġġjaw il-passjonijiet u s-sentimenti tal-ġisem mortali tagħna. Dawn is-sentimenti, mogħtija lilna minn Alla, jgħinuna biex aħna niżżewġu u jkollna t-tfal. L-għan tar-relazzjoni intima fiż-żwieġ bejn raġel u mara li permezz tagħha jitwieldu t-tfal f’ din il-ħajja mortali huwa wkoll li tkun esperjenza ta’ mħabba mill-isbaħ li tgħaqqad flimkien żewġt iqlub devoti, tgħaqqad kemm l-ispirtu kif ukoll il-ġisem, u ġġibilna f’ ħajjitna milja sħiħa ta’ ferħ u hena hekk kif aħna nitgħallmu npoġġu l-ewwel f’ ħajjitna lill-persuna l-oħra. Il-President Spencer W. Kimball għallem li fiż-żwieġ, “il-mara … issir preeminenti fil-ħajja tar-raġel, u l-istess ir-raġel għall-mara, u … l-ebda interess ieħor jew persuna oħra jew ħaġa oħra m’ għandhom jiġu qabel il-mara jew ir-raġel tagħna. …
“Iż-żwieġ jirrikjedi lealtà u fedeltà totali.”1
Bosta snin ilu, waħda minn uliedna kienet tidher verament imdejqa. Jiena dħalt fil-kamra tagħha, fejn fetħet qalbha miegħi u spjegatli li kinet marret fid-dar ta’ ħabiba tagħha u b’ mod aċċidentali kienet rat xi filmati sorprendenti u disturbanti fuq it-televiżjoni bejn raġel u mara mingħajr ħwejjeġ. Hija bdiet tibki u espremiet kemm ħassitha ħażin minħabba dak li kienet rat u xtaqet tieqaf taħseb fuq dan. Jiena ħassejtni verament grata li fetħet qalbha miegħi, u b’hekk tagħtni ċ-ċans li nfarraġ lill-qalb innoċenti u muġugħa tagħha u ngħinha issir taf kif setgħet tikseb is-serħan permezz tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur. Niftakar is-sentimenti sagri li jiena ħassejt hekk kif it-tnejn li aħna nżilna għarkobbtejna flimkien, bħala omm u bintha, u tlabna l-għajnuna ta’ Missierna tas-Smewwiet.
Huma ħafna t-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti li huma esposti b’ mod innoċenti għall-pornografija, iżda numru dejjem jikber ta’ rġiel u nisa qed jagħżlu li joqogħdu jarawha u jerġgħu jarawha sakemm issir għalihom vizzju. Jista’ jkun li dawn l-individwi għandhom x-xewqa f’ qalbhom li joħorġu minn din in-nasba iżda ħafna drabi ma jkunux jistgħu jagħmlu dan mingħajr għajnuna. Kemm aħna grati meta dawn l-għeżież jagħżlu li jafdaw fina bħala ġenituri u mexxejja tal-Knisja. Huwa għaqli li aħna ma nirrabjawx magħhom jew inċanfruhom, għax inkella jistgħu jispiċċaw qatt aktar ma jiftħu qalbhom magħna.
Aħna, bħala ġenituri u mexxejja għandna bżonn li kontinwament nagħtu pariri siewja lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, u nisimgħuhom b’ imħabba u tolleranza. Hemm bżonn li huma jsiru jafu bil-perikli tal-pornografija u kif din tista’ tikkontrolla ħajjithom, u twassalhom biex ikollhom nuqqas ta’ Spirtu magħhom, sentimenti ta’ dwejjaq u diżonesti, relazzjonijiet distruttivi, nuqqas ta’ kontroll magħhom infushom u ħela kbira ta’ ħin, ħsieb u enerġija.
Illum il-pornografija hija aktar diżgustanti, ħażina u grafika minn qatt qabel. Hekk kif aħna nikkunsiljaw ma’ wliedna, flimkien nistgħu noħolqu pjan tal-familja b’ ċerti standards u kundizzjonijiet, inkunu proattivi billi nipproteġu djarna permezz ta’ installazzjoni ta’ filters fuq ċerti devices elettroniċi. Aħna l-ġenituri konxji li l-akbar ħsara qed issir permezz tal-mowbajls li għandhom aċċess għall-internet u mhux permezz tal-kompjuters?2
Intom iż-żgħażagħ u l-adulti, jekk tinsabu maqbudin fin-nassa ta’ Satana tal-pornografija, ftakru kemm hu ħanin il-maħbub Salvatur tagħna. Tirrealizzaw kemm verament iħobbkom u jgħożżkom il-Mulej, anke bħalissa? Is-Salvatur tagħna għandu l-qawwa li jnaddafkom u jfejjaqkom. Huwa jista’ jeħliskom mill-uġigħ u d-dwejjaq li qed tħossu u jerġa’ jnaddafkom mill-ġdid permezz tal-qawwa tal-Att tal-Fidwa Tiegħu.
Aħna bħala mexxejja għandna f’ moħħna wkoll il-mara jew ir-raġel u l-familji ta’ dawk li qed isofru mill-vizzju tal-pornografija. Il-Presbiteru Richard G. Scott talab bil-ħerqa: “Jekk intom stess tinsabu ħielsa minn xi dnub serju, m’ għandkomx għalfejn toqogħdu issofru bla bżonn il-konsegwenzi tad-dnubiet ta’ ħaddieħor. … Tistgħu tħossu kompassjoni lejhom. … Madankollu m’ għandkomx tħossukom responsabbli tal-għemejjel tagħhom.”3 Ftakru li m’intomx weħidkom. Teżisti l-għajnuna. Jeżistu laqgħat għall-fejqan mill-vizzji għan-nisa u l-irġiel ta’ dawk milquta, fosthom laqgħat fejn wieħed jista’ jċempel, li jagħtu ċ-ċans lill-mara jew ir-raġel ta’ dawk miquta li jċemplu fil-laqgħa u jipparteċipaw minn ġewwa djarhom.
Ħuti, kif nistgħu nipproteġu lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna? L-użu tal-filters huwa importanti, iżda l-akbar filter fid-dinja, l-uniku wieħed li ultimament jaħdem, huwa l-filter personali ta’ ġewwa fina li niksbuh permezz ta’ testimonjanza soda u kostanti tal-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet u tas-sagrifiċċju tat-tpattija tas-Salvatur tagħna għal kull wieħed u waħda minna.
Kif nistgħu mmexxu lil uliedna lejn konverżjoni soda u biex huma jagħmlu użu mill-Att tal-Fidwa tas-Salvatur tagħna? Verament togħġobni d-dikjarazzjoni tal-profeta Nefi dwar dak li għamlu n-nies tiegħu sabiex jiffortifikaw liż-żgħażagħ ta’ żmienu: “Aħna nitkellmu dwar Kristu, aħna nifirħu bi Kristu, aħna nippridkaw dwar Kristu, u aħna nipprofetizzaw dwar Kristu … sabiex uliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iduru għall-maħfra ta’ dnubiethom.”4
Kif nistgħu nagħmlu dan fi djarna? Xi wħud minnkom semgħuni nirrakkonta kemm żewġi, Mel, u jiena konna ħassejna fuqna tagħbija enormi bħala ġenituri ta’ erbat itfal ċkejknin. Hekk kif konna qed niffaċċjaw ċerti sfidi bħala ġenituri u konna qed nippruvaw nikkumbattu dak kollu li kienet qed toffri l-ħajja, aħna konna ddisprati għall-għajnuna. Flimkien tlabna bil-ħerqa biex inkunu nafu x’ għandna nagħmlu. It-tweġiba li rċevejna kienet waħda ċara: “Ma jimpurtax jekk id-dar tkun imqallba u t-tfal ikunu għadhom bil-piġama u ma jirnexxilniex inwettqu dak kollu li nixtiequ. L-uniku ħwejjeġ li m’ għandna qatt inħallu barra mid-dar huma l-istudju kuljum tal-iskrittura u t-talb tagħna ta’ kuljum u l-lejla dar mal-familja ta’ kull ġimgħa.”
Fil-fatt aħna konna qed nagħmlu dan kollu, iżda mhux dejjem konna qed nagħtuhom priorità u, fost it-taqlib kollu li kellna, ġieli ttraskurajna xi ftit. Aħna biddilna l-prijoritajiet tagħna u ppruvajna li ma ninkwetawx wisq dwar dawk il-ħwejjeġ li huma anqas importanti. Il-Prijorità tagħna saret li nitkellmu, nifirħu, nippridkaw u nixhdu dwar Kristu billi nagħmlu l-almu tagħna li kuljum nitolbu u nistudjaw l-iskrittura u kull ġimgħa nagħmlu lejla d-dar mal-familja.
M’ilux waħda ħabiba wissietni, “Meta titlob lis-sisters sabiex jaqraw l-iskrittura u jitolbu aktar, tkun qed titfa’ pressjoni fuqhom. Huma diġà jħossuhom li għandhom wisq x’ jagħmlu.”
Ħuti, peress li nista’ nitkellem mill-esperjenzi tiegħi u ta’ żewġi, jiena nixhed magħkom dwar il-barkiet li niksbu jekk nistudjaw l-iskrittura u nitolbu kuljum u kull ġimgħa nagħmlu lejla d-dar mal-familja. Dawn huma fil-fatt id-drawwiet li jistgħu jgħinu biex ibigħu minna ċertu pressjoni li jista’ jkollna, jagħtu direzzjoni lil ħajjitna u jipproteġu aktar lil djarna. Imbagħad, jekk il-pornografija jew xi sfidi oħra jattakkaw lill-familji tagħna, aħna nkunu nistgħu nitlobu lill-Mulej sabiex jgħinna u nistennew li jkollna gwida kbira mill-Ispirtu, peress li nkunu nafu li wettaqna dak li talabna nagħmlu Missierna.
Ħuti, jekk s’ issa għadna ma bdejniex dawn id-drawwiet fi djarna, nistgħu nibdewhom ilkoll issa. Jekk uliedna m’ għadhomx żgħar u jirrifjutaw li jingħaqdu magħna, nistgħu nibdew mingħajrhom. Jekk nagħmlu dan, l-influwenza tal-Ispirtu tibda tinħass ġewwa darna u f’ ħajjitna u, maż-żmien, uliedna jafu jirrispondu għaliha.
Ftakru li l-Appostli ħajjin ukoll wegħduna li hekk kif aħna nfittxu lill-antenati tagħna u nħejju l-ismijiet tal-membri tal-familja tagħna għat-tempju, aħna nkunu protetti kemm issa kif ukoll tul ħajjitna hekk kif aħna nżommu lilna nfusna denji ta’ rakkomandazzjoni tat-tempju.5 X’ wegħda dik!
Intom iż-żgħażagħ, kunu responsabbli mill-benesseri spiritwali tagħkom. Jekk hemm bżonn, itfu l-mowbajl tagħkom, kantaw xi għanja tal-Primarja, itolbu għall-għajnuna, aħsbu dwar xi skrittura, oħorġu ‘l barra waqt xi film, ftakru fis-Salvatur, ħudu sehem b’ mod den fis-sagrament, studjaw For the Strength of Youth, kunu eżempju tajjeb għal sħabkom, afdaw fil-ġenituri tagħkom, morru araw lill-isqof, itlobu l-għajnuna u jekk ikun hemm bżonn fittxu li tiksbu xi parir professjonali.
Jiena x’ irrid li n-neputijiet tiegħi ikunu jafu? Irridhom ikunu jafu, u rrid lilkom tkunu tafu, li jiena naf li s-Salvatur jgħix u jħobbna. Huwa ħallas il-prezz għall-dnubietna, iżda aħna rridu ninżlu għarkobbtejna quddiem Missierna tas-Smewwiet, b’ umiltà kbira, nistqarru dnubietna, u nitolbuh bil-ħerqa sabiex jaħfrilna. Irid ikollna r-rieda li nagħmlu bidla f’ qalbna u fix-xewqat tagħna u nkunu umli biżżejjed li nfittxu l-għajnuna u l-maħfra ta’ dawk li stajna weġġajna jew abbandunajna.
Jiena naf li Joseph Smith ra lil Alla, Missierna tas-Smewwiet, u lis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Jiena nixhed li aħna għandna profeta ħaj fid-dinja llum, il-President Thomas S. Monson. Nixhed ukoll li aħna qatt ma nistgħu nintilfu jekk nimxu dejjem wara l-kunsill tal-profeta ta’ Alla. Nixhed dwar il-qawwa tal-patti u l-barkiet tat-tempju.
Jiena naf li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru! Ma nistax nispjega l-qawwa ta’ dan il-ktieb kbir. Jiena naf illi, flimkien mat-talb, il-Ktieb ta’ Mormon iġorr miegħu l-qawwa li jipproteġi lill-familji, isaħħaħ ir-relazzjonijiet, u jwassalna biex ikollna kunfidenza personali quddiem il-Mulej. Jiena nixhed dwar dan kollu fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kristu, amen.