Ejjew Ma Naqbdux it-Triq Żbaljata
Jiena nitlob li aħna nżommu ħarsitna dejjem fuq it-triq ħalli dejjem inkunu marbutin mas-smewwiet.
Tifel ċkejken kien qed jipprattika l-pjanu, u wieħed sejlsmen, meta rah minn ġot-tieqa, staqsieh, “Ommok tinsab id-dar?”
U t-tifel wieġbu, “U inti … x’ taħseb?”
Il-ħames ulied għeżież tagħna kollha jdoqqu l-pjanu, grazzi għall-motivazzjoni ta’ marti! Meta l-għalliema kienet tasal id-dar tagħna, it-tifel tagħna Adrián kien imur jiġri jistaħba sabiex jiffranka l-lezzjoni tiegħu. Iżda jum fost l-oħrajn seħħet xi ħaġa meraviljuża! Huwa beda jħobb il-mużika tant li kompla jipprattika waħdu.
Tkun xi ħaġa mill-aktar meraviljuża jekk aħna nkunu nistgħu nilħqu dan il-punt fil-proċess tal-konverżjoni tagħna. Tkun ħaġa verament sabiħa jekk aħna jkollna xewqa kbira f’ qalbna li nżommu l-kmandamenti mingħajr ħadd ma joqgħod kontinwament ifakkarna biex nagħmlu dan u li jkollna konvinzjoni soda li jekk aħna nimxu fit-triq it-tajba, aħna niksbu l-barkiet imwiegħda fl-iskrittura.
Bosta snin ilu, jiena mort ġewwa l-Arches National Park flimkien ma’ marti; it-tifla tagħna, Evelin; u ħabiba tal-familja. Waħda mill-aktar arkati famużi li hemm tissejjaħ l-Arkata Delikata. Iddeċidejna li nimxu madwar 1.5 mil (2km), fejn tlajna fuq il-muntanja sabiex inkunu nistgħu naslu ħdejn l-arkata.
Bdejna l-mixja tagħna fit-triq b’ entużjażmu kbir fuqna, iżda wara li mxejna parti żgħira mit-triq, l-oħrajn riedu jistrieħu. Minħabba x-xewqa li jiena kelli li nasal hemm, iddeċidejt li nkompli sejjer waħdi. Mingħajr ma qgħadt attent wisq xi triq kelli naqbad, jiena qbadt miexi wara wieħed raġel li kien quddiemi li kien jidher li kien ċert fejn kien sejjer. Il-mogħdija bdiet issir ferm u ferm aktar diffiċli, u jiena kelli naqbeż minn fuq blata għall-oħra. Minħabba d-diffikultà li sibt, kont ċert li n-nisa li kellna magħna fil-grupp qatt ma kien sa jirnexxielhom jaslu sal-post. F’ daqqa waħda rajt quddiemi l-Arkata Delikata, iżda b’ sorpriża kbira għalija, intbaħt li kienet f’ post li minn fejn kont jiena ma stajtx ngħaddi għalih.
B’ frustrazzjoni kbira, iddeċidejt li nerġa’ lura. Bqajt nistenna sakemm erġajna ltqajna. Il-mistoqsija immedjata tiegħi kienet “Irnexxielkom taslu sa l-Arkata Delikata?” Bi tbissima qaluli li kien irnexxielhom. Huma spjegawli li huma mxew wara s-sinjali li kien hemm fit-triq, u b’ attenzjoni u daqsxejn ta’ sforz, kien irnexxielhom jaslu fid-destinazzjoni tagħhom.
Sfortunatament, jiena kont qbadt it-triq il-ħażina. X’ lezzjoni importanti tgħallimt dak inhar!
Kemm-il darba aħna naqbdu triq b’ oħra, fejn inħallu lilna nfusna niġu mmexxijin mill-kurrent tad-dinja? Irridu nistaqsu lilna nfusna kontinwament jekk aħniex qed inwettqu kliem Ġesù Kristu.
Fil-ktieb ta’ Ġwanni nsibu tagħlima mill-aktar meraviljuża:
“Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja; hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.
“Jiena d-dielja u intom il-friegħi: Min jibqa’ fija, u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott: għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġwanni 15:4–5).
Permezz ta’ din l-analoġija, nistgħu naraw ir-relazzjoni traxxendenti u intima li għandna ma’ Ġesù Kristu u l-importanza li huwa jagħti lil kull wieħed u waħda minna. Huwa hu l-għerq u z-zokk li jwassal l-ilma ħaj għandna, it-trunċiera li tagħtina ċ-ċans li nsostnu ruħna ħalli nkunu nistgħu nipproduċu tant frott. Ġesù Kristu għallimna b’ tali mod li bħala friegħi—jew bħala nies dipendenti minnu—jeħtieġ li dejjem ikollna stima għolja tal-valur tat-tagħlim Tiegħu.
Jista’ jkun li nikkommettu xi żbalji li jistgħu jkunu serji, u jekk ma nikkoreġuhomx fil-ħin, jistgħu jitfgħuna fi triq ħażin b’ mod permanenti. Jekk aħna nindmu u naċċettaw li nikkoreġu l-iżball, dawn l-esperjenzi jagħtuna ċ-ċans li nsiru aktar umli, nibdlu għemilna, u għal darb’oħra nersqu aktar viċin Missierna tas-Smewwiet.
Nixtieq nagħti eżempju ta’ dan il-kunċett billi nagħmel referenza għal wieħed mill-aktar mumenti drammatiċi li esperjenza l-Profeta Joseph Smith. Permezz ta’ din l-esperjenza, is-Salvatur wasslilna tagħlim imprezzabbli rigward il-prinċipji li rridu nżommu f’ moħħna tul ħajjitna. Dan ġara meta Martin Harris tilef il-116-il paġna tal-ewwel parti tradotta mill-Ktieb ta’ Mormon.
Wara li nidem talli ma kienx mexa fuq il-kunsill ta’ Alla, il-Profeta rċieva r-rivelazzjoni li tinsab f’ sezzjoni 3 tad-Duttrina u Patti (ara Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 69–71). Minn dak li hemm miktub minn vers 1 sa 10, nixtieq nenfasizza tliet prinċipji li dejjem għandna nżommu f’ moħħna:
-
L-għemejjel u l-għanijiet ta’ Alla ma jistgħux jiġu mfixxkla.
-
M’ għandna qatt nibżgħu mill-bniedem aktar milli nibżgħu minn Alla.
-
Hemm bżonn ta’ ndiema kontinwa.
F’ vers 13, il-Mulej jgħallimna erba’ ħwejjeġ li qatt m’ għandna nagħmlu:
-
Ma nagħtux kas tal-kunsilli ta’ Alla.
-
Niksru l-aktar wegħdiet sagra li għamilna quddiem Alla.
-
Niddependu fuq il-ġudizzju tagħna.
-
Niftaħru bl-għerf tagħna.
Jiena nitlob li aħna nżommu ħarsitna dejjem fuq it-triq ħalli dejjem inkunu marbutin mas-smewwiet, ħalli l-kurrenti tad-dinja ma jkunux jistgħu jġorruna magħhom.
Jekk xi ħadd minnkom jasal f’ punt li jkun irid jabbanduna t-triq ta’ Alla—xi mkien fit-triq—b’ dispjaċir kbir se tħoss id-dieqa li ma tajtx kas tal-kunsilli ta’ Alla, li ksirt l-aktar wegħdiet sagri li għamilt quddiem Alla, li afdajt fil-ġudizzju tiegħek stess, jew li ftaħart bl-għerf li għandek.
Jekk dan huwa l-kas, jiena nitolbok sabiex tindem u terġa’ lura fit-triq it-tajba.
Darba waħda wieħed tifel ċempel lil nannuh biex jawguralu xewqat sbieħ f’ għeluq sninu. Huwa staqsieh kemm kellu żmien. Huwa qallu li kien għalaq 70 sena. In-neputi tiegħu ħaseb għal ftit u mbagħad staqsieh, “Nan, allura inti bdejt mill-1?”
Fi żmien it-tfulija u ż-żogħżija, in-nies jaħsbu li qatt ma huma se jixjieħu; l-idea tal-mewt qatt ma tiġi f’ moħħhom—dik xi ħaġa għan-nies li huma verament xjuħ—u li huma baqagħlhom żmien verament twil biex jilħqu dik l-età. Hekk kif jgħaddi ż-żmien, jibdew igerbu x-xhur u l-istaġuni sakemm jibda ħiereġ it-tikmix, l-enerġija tibda’ tonqos, iż-żjarat għand it-tabib isiru aktar spiss u ħafna ħwejjeġ oħra.
Il-jum jasal meta aħna nerġgħu għal darb’oħra niltaqgħu mal-Feddej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Jiena nitlob b’ ħerqa li f’ dik l-okkażjoni sagra u sublimi aħna nkunu nistgħu nagħrfuh minħabba l-għarfien li għandna Tiegħu u minħabba li mxejna wara t-tagħlim Tiegħu. Huwa jurina l-marki f’ idejh u f’ riġlejh, u aħna ningħaqdu flimkien f’ tgħanniqa kbira, nikbu bil-ferħ talli mxejna fit-triq Tiegħu.
Jiena nixhed mal-erba’ naħat tad-dinja li Ġesù Kristu jgħix. Huwa jitlobna bil-ħerqa, “Isimgħu, O ġnus tad-dinja, il-kliem ta’ dak Alla li ħalaqkom” (D&C 43:23). Jalla aħna jkollna l-kapaċità li nifhmu, nagħtu kas, nikkomprendu u ninterpretaw b’ mod korrett il-messaġġ ta’ “Dak Alla li ħalaqna” sabiex ma noħorġux mit-triq Tiegħu, dan huwa li jiena nitlob f’ isem Ġesù Kristu, amen.