2010-2019
Ir-Raġel tas-Saċerdozju
April 2014


Ir-Raġel tas-Saċerdozju

Intom tistgħu tkunu mudelli mill-aktar tajbin, hekk u hekk, jew inkella ta’ influwenza ħażina. Forsi tistgħu taħsbu li din mhux xi ħaġa daqstant importanti għalikom, iżda żgur li hija importanti għall-Mulej.

Ilkoll kemm aħna nammiraw lil xi ħadd, partikolarment meta nkunu għadna żgħar. Jiena twelidt u trabbejt ġewwa Princeton, New Jersey, fl-Istati Uniti. L-aktar timijiet sportivi famużi fejn konna noqogħdu kienu bbażati ġewwa l-Belt ta’ New York. F’ dawk iż-żminijiet kien hemm tliet timijiet professjonali tal-baseball li kienu ġejjin minn hemmhekk: il-Brooklyn Dodgers, in-New York Giants, u n-New York Yankees. Filadelfja kienet saħansitra aktar viċin ta’ fejn konna noqogħodu u hemm kienu bbażati t-timijiet tal-baseball tal-Athletics u l-Phillies. Kien hemm bosta plejers f’ dawk it-timijiet li jiena stajt nammira.

Iżda l-aktar plejer li kont nammira f’ dawk iż-żminijiet kien Joe DiMaggio li kien jilgħab man-New York Yankees. Meta jiena u ħuti flimkien ma’ sħabi konna nilagħbu l-baseball fil-grawnd tal-iskola ħdejn id-dar tagħna, jiena kont inxejjer il-pala biex nipprova nimita lil Joe DiMaggio. Dan kien iż-żmien qabel kellna t-televiżjoni (żmien il-qedem), għalhekk stajt nikkopjah biss mill-istampi u l-gazzetti.

Meta kont qed nikber, missieri ħadni ġewwa l-Grawnd tal-Yankees. Kienet l-unika darba li rajt lil Joe DiMaggio jilgħab. Illum dan kollu għadu stampat f’ moħħi qisni għadni ninsab hemmhekk, fejn nista’ narah ixejjer il-pala u nara l-ballun abjad tal-baseball itir dritt qalb l-ispettaturi bilqiegħda jaraw il-logħba.

Issa, jiena qatt ma rnexxieli nsir tajjeb fil-baseball daqs l-eroj li kont nammira fit-tfulija tiegħi. Iżda kull darba li tajt daqqa tajba lil xi ballun tal-baseball, jiena kont nipprova nikkopja kemm jista’ jkun il-mod qawwi li bih kien ixejjer il-pala.

Meta aħna nagħżlu l-eroj tagħna, aħna nibdew nikkopjaw, b’ mod konxju jew le, dawk il-ħwejjeġ li l-aktar nammiraw fihom.

Fortunatament, meta kont għadni tifel il-ġenituri għaqlin tiegħi ppreżentawli quddiemi nies eroj kbar. Missieri ħadni darba biss ġewwa l-Grawnd tal-Yankees biex nosserva l-eroj tal-baseball tiegħi jilgħab, iżda kull nhar ta’ Ħadd huwa kien iħallini nosserva wieħed raġel li jħaddan is-saċerdozju li sar l-eroj tiegħi. Dan l-eroj sar il-mudell ta’ ħajti. Missieri kien il-president tal-fergħa żgħira li kienet tiltaqa’ fid-dar tagħna. Bilħaqq, jekk il-Ħadd filgħodu kont tidħol ġewwa fis-sular t’ isfel, kont issib ruħek ġol-knisja. Fil-fergħa tagħna qatt ma kienu jattendu aktar minn 30 persuna.

Kien hemm raġel żagħżugħ li kien iwassal lil ommu d-dar tagħna għal-laqgħat, iżda qatt ma kien daħal id-dar. Huwa ma kienx membru. Kien missieri li rnexxielu jdaħħlu ġewwa meta mar fejn kien ipparkjat u stiednu sabiex jidħol id-dar. Huwa tgħammed u sar l-ewwel u l-uniku mexxej tas-Saċerdozju Aroniku li qatt kelli. Huwa sar l-eroj tiegħi tas-saċerdozju. Għadni niftakar l-istatwa tal-injam li kien tani bħala premju wara li temmejna proġett li nqattgħu l-injam tal-ħatab għal waħda armla. Ippruvajt nimitah kull darba li nipprova nfaħħar b’ mod ġustifikat lil xi qaddej ta’ Alla.

Sa nsemmi eroj ieħor li jiena kelli f’ dik il-fergħa żgħira tal-Knisja. Huwa kien membru tal-Marines Amerikani li kien jattendi l-laqgħat tagħna liebes l-uniformi ħadra tal-marines. Kien żmien il-gwerra, u dan kien biżżejjed biex sar eroj tiegħi. Huwa kien ntbagħat mill-marines fl-Università ta’ Princetown biex javvanza fl-istudji tiegħu. Iżda aktar milli kont nammira l-uniformi tiegħu tas-servizz, kont nammirah meta kont narah jilgħab fil-Grawnd ta’ Palmer bħala l-kaptin tat-tim tal-futol tal-Università ta’ Pricetown. Kont narah jilgħab mat-tim tal-baskitbol tal-università u kont narah ukoll jilgħab bħala l-catcher ewlieni fit-tim tagħhom tal-baseball.

Iżda aktar minn hekk, huwa kien jiġi d-dar tagħna matul il-ġimgħa biex jurini kif inwaddab ballun tal-baskitbol kemm b’ idi tax-xellug kif ukoll b’ tal-lemin. Huwa qalli li kelli bżonn inkun kapaċi nagħmel dan għaliex xi darba għad nilgħab il-baskitbol f’ timijiet tajbin. Dak iż-żmien ma kontx nirrealizza, iżda għal bosta snin huwa kien għalija mudell ta’ raġel vera tas-saċerdozju.

Ikoll kemm intom intom mudell ta’ raġel tas-saċerdozju, tridu jew ma tridux. Intom sirtu xemgħa mixgħula meta aċċettajtu s-saċerdozju. Il-Mulej poġġiekom fuq il-gandlier biex iddawlu t-triq għal dawk kollha li jkunu madwarkom. Dan huwa speċjalment minnu għal dawk fil-kworum tas-saċerdozju tagħkom. Intom tistgħu tkun mudelli mill-aktar tajbin, hekk u hekk, jew inkella ta’ influwenza ħażina. Forsi tistgħu taħsbu li din mhux xi ħaġa daqstant importanti għalikom, iżda żgur li hija importanti għall-Mulej. Huwa ddeskriva dan b’ dan il-mod:

“Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba.

“Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar.

“Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”1

Jiena verament ġejt imbierek minn irġiel mill-aktar eżemplari li jħaddnu s-saċerdozju fil-kworums li kelli x-xorti nservi fihom. Intom tistgħu tagħmlu dak li għamlu għalija huma billi tkunu ta’ eżempju għall-oħrajn.

Jiena osservajt tliet karatteristiċi komuni ta’ dawn l-irġiel li jħaddnu s-saċerdozju li huma l-eroj tiegħi. Waħda hija mudell ta’ talb, it-tieni hija drawwa ta’ servizz, u t-tielet hija deċiżjoni mill-aktar ferma ta’ onestà.

Aħna kollha nitolbu, iżda dak ir-raġel li jħaddan is-saċerdozju, li intom tixtiequ li tkunu, jitlob ta’ spiss u b’ intenzjoni ġenwina. Filgħaxija tinżlu għarkobbtejkom u tirringrazzjaw lil Alla għall-barkiet tal-jum. Tirringrazzjawh għall-ġenituri u għall-għalliema tagħkom, u għal nies eżemplari li timxu warajhom. Fit-talb tagħkom iddeskrivu b’ mod speċifiku lil dawk li matul dak il-jum birkulkom ħajjitkom u kif huma għamlu dan. Dan joħdilkom ftit minuti u daqsxejn ta’ ħsieb. Jissorprendikom u jibdilkom.

Hekk kif intom titolbu għall-maħfra, intom issibuha faċli taħfru lil ħaddieħor. Hekk kif tirringrazzjaw lil Alla għat-tjubija Tiegħu, jiġukom f’ moħħkom ukoll l-isem ta’ nies oħrajn, li għandhom bżonn it-tjubija tagħkom. Għal darb’oħra, dik l-esperjenza tissorprendikom kuljum, u maż-żmien tbiddilkom.

Mod wieħed kif intom se tinbidlu permezz tat-talb ferventi hu, u jiena nwegħdkom dan, li intom se tħossukom verament li intom ulied Alla. Meta intom issiru tafu li intom ulied Alla, issiru tafu wkoll li Huwa jistenna ħafna minnkom. Peress li intom uliedu, Huwa jistenna li intom timxu wara t-tagħlim Tiegħu u t-tagħlim ta’ Ibnu l-għażiż, Ġesù Kristu. Huwa jistenna li intom tkunu ġenerużi u twajba mal-oħrajn. Huwa jħossu diżappuntat jekk intom tkun mkabbrin u egoisti. Huwa jberikkom sabiex ikollkom ix-xewqa li tpoġġu l-interessi ta’ ħaddieħor qabel tagħkom.

Xi wħud fostkom diġà huma mudelli ta’ servizz saċerdotali mill-aktar altruwista. F’ tempji madwar id-dinja, issib lil dawk li jħaddnu s-saċerdozju jaslulek hemm qabel ma jisbaħ. U xi wħud jibqgħu jservu hemm sa wara nżul ix-xemx. Ma jiksbu l-ebda tifħir jew għarfien f’ din id-dinja għal dak is-sagrifiċċju meta joffru ħinhom u l-isforzi tagħhom. Jiena mort ma’ diversi żgħażagħ hekk kif huma marru jservu lil dawk fid-dinja tal-ispirtu, li ma kellhomx iċ-ċans li jiksbu l-barkiet tat-tempju.

Hekk kif minflok għeja jiena nara l-ferħ fuq wiċċ dawk li jservu daqshekk kmieni u tard fil-ġurnata, jiena naf li hemm premjijiet kbar f’ din il-ħajja għal dan it-tip ta’ servizz saċerdotali mill-aktar altruwista, iżda huwa biss farka mill-ferħ li huma għad jaqsmu ma’ dawk li huma servew fid-dinja tal-ispirtu.

Jiena rajt dak l-istess ferħ f’ wiċċ dawk li jitkellmu ma’ ħaddieħor dwar il-barkiet li jistgħu jinkisbu permezz tas-sħubija fis-saltna ta’ Alla. Naf president tal-fergħa li kważi kuljum isib nies biex il-missjunarji jkunu jistgħu jgħallmuhom. Sa ftit tax-xhur ilu, kien għadu lanqas biss tgħammed fil-Knisja. Illum hemm għadd ta’ missjunarji jgħallmu u minħabba fih il-fergħa tinsab tikber kemm fin-numru kif ukoll fis-saħħa. Iżda aktar minn hekk, huwa hu dawl għal dawk kollha li jsemmgħu leħinhom u jħaffu l-ħidma tal-Mulej fil-ġabra ta’ wlied Missier tas-Smewwiet.

Hekk kif intom titolbu u taqdu lil ħaddieħor, l-għarfien tagħkom li intom ulied Alla jikber kif jikber ukoll is-sentimenti tagħkom dwaru. Issiru aktar konxji li Huwa jħossu mnikket jekk b’ xi mod intom tkunu diżonesti. Tkunu aktar determinati li żżommu kelmtkom kemm ma’ Alla kif ukoll mal-oħrajn. Tkunu aktar konxji li ma tieħdu xejn li mhux tagħkom. Tkunu aktar onesti ma’ min iħaddimkom. Tkunu aktar determinati li tkunu fil-ħin u li twettqu kull ħaġa li talabkom tagħmlu l-Mulej u li intom aċċettajtu li tagħmlu.

Minflok ma joqogħdu jaħsbu jekk l-għalliema tad-dar tagħhom hux ġejjin jew le, l-ulied fil-familji li intom imsejħin biex tgħallmu jibdew iħarsu ‘l quddiem b’ antiċipazzjoni għaż-żjara tagħkom. Uliedi stess irċevew din il-barka. Hekk kif bdew jikbru, huma kellhom quddiemhom eroj saċerdotali li għenuhom kif għandhom jaqdu lill-Mulej. Dak l-eżempju mbierek issa qed jgħadduh lit-tielet ġenerazzjoni.

Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed ta’ ringrazzjament.

Nirringrazzjakom għat-talb tagħkom. Nirringrazzjakom talli tinżlu għarkobbtejkom għaliex tagħrfu l-fatt li intom ma tafux kull risposta. Intom titolbu lil Alla tas-sema biex tesprimu l-gratitudni tagħkom u titolbuh ibierek ħajjitkom u l-familji tagħkom. Nirringrazzjakom għas-servizz tagħkom lejn l-oħrajn u għal dawk il-ħafna drabi li ma ħassejtux il-bżonn li tiksbu xi għarfien għas-servizz tagħkom.

Aħna aċċettajna t-twissija tal-Mulej li jekk fis-servizz tagħna aħna nfitxxu t-tifħir tad-dinja, jista’ jkun li nispiċċaw nitilfu barkiet akbar. Żgur tiftakru dan il-kliem:

“Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet.

“Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.

“Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija:

“Biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.”2

Dawk li kienu mudelli mill-aktar tajbin għalija ta’ rġiel li jħaddnu s-saċerdozju mhux faċli jagħrfu kemm huma jippossedu kwalitajiet erojċi. Fil-fatt, isibuha diffiċli jagħrfu dawk il-ħwejjeġ li jiena tant nammira fihom. Semmejt li missieri kien president fidil ta’ fergħa ċkejkna tal-Knisja ġewwa new Jersey. Aktar tard kien membru tal-bord ġenerali tal-Iskola tal-Ħadd tal-Knisja. Madankollu ninsab attent ħafna li nitkellem b’ mod mill-aktar modest dwar is-servizz saċerdotali tiegħu għaliex huwa kien modest.

L-istess japplika għal dak il-marine li kien l-eroj tiegħi fi tfuliti. Huwa qatt ma tkellem miegħi dwar is-servizz saċerdotali tiegħu jew dwar dak li rnexxielu jwettaq. Huwa sempliċiment kien ta’ servizz. Jiena sirt naf dwar il-fedeltà tiegħu minn ħaddieħor. Jekk huwa qattx ra fih innifsu l-karatteristiċi li kont nammira fih jiena ma nistax ngħid.

Għalhekk il-kunsill tiegħi lilkom li tridu tbierku lil ħaddieħor permezz tas-saċerdozju tagħkom hu li dan kollu ma tagħmluhx biex jarawkom in-nies iżda Alla.

Itlobu lilu. Irringrazzjawh għal kull ħaġa tajba f’ ħajjitkom. Itolbuh biex tkunu tafu liema huma dawk l-individwi li ressqilkom sabiex isservuhom. Itolbu sabiex huwa jgħinkom twettqu dak is-servizz. Itlobu sabiex intom taħfru sabiex tkunu tistgħu tiġu maħfura. Imbagħad aqduhom, ħobbuhom u aħfrulhom.

Fuq kollox, ftakru li fost is-servizz kollu li intom tagħtu, xejn mhu akbar milli tgħinu lin-nies jagħżlu li jikkwalifikaw għall-ħajja eterna. Alla tana dik id-direzzjoni influwenti dwar kif aħna nistgħu nużaw is-saċerdozju tagħna. Huwa l-eżempju perfett ta’ dan. Huwa l-eżempju li naraw fl-aħjar qaddejja mortali Tiegħu:

U l-Mulej Alla kellem lil Mosè, u qallu: Is-smewwiet, huma ħafna, u l-ebda bniedem ma jista’ jgħoddhom; iżda jiena nista’ ngħoddhom, għaliex huma tiegħi.

“U hekk kif dinja waħda tispiċċa, u anke s-smewwiet tagħha, l-istess tinħoloq oħra; u ma hemmx tmiem għall-għemejjel tiegħi, lanqas għal kliemi.

“Għax ara, din hija l-ħidma u l-glorja tiegħi—li nġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”3

Hemm bżonn li aħna ngħinu f’ dik il-ħidma. Ilkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu differenza. Aħna ġejna mħejjija biex nagħmlu l-parti tagħna f’ dawn l-aħħar jiem ta’ din il-ħidma sagra. Ilkoll kemm aħna ġejna mberkin b’ eżempji ta’ dawk li għamlu din il-ħidma l-għan ewlieni ta’ ħajjithom f’ din id-dinja.

Nitlob sabiex ngħinu lil xulxin nieħdu vantaġġ minn din l-opportunità.

Alla l-Missier jgħix u jwieġeb it-talb tagħkom meta titolbuh biex jgħinkom ħalli taqduh sewwa. Ġesù Kristu huwa il-Mulej imqajjem mill-miwiet. Din hi l-Knisja Tiegħu. Is-saċerdozju li intom tħaddnu huwa l-qawwa li taġixxu f’ ismu fil-ħidma Tiegħu li taqdu l-ulied Alla. Hekk kif tiddedikaw ruħkom kollha għal din il-ħidma, Huwa jkabbarkom. Jiena nwiegħed dan f’ isem Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, amen.

Ipprintja